STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI Inwettqu Flimkien: Imwaqqfa l-Low Wage Commission bil-għan li jkun hemm reviżjoni tal-paga minima
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar it-twaqqif tal-Low Wage Commission, li l-għan tagħha huwa li sal-aħħar tas-sena tagħti rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm reviżjoni tal-paga minima f'pajjiżna.
Wara li kien ġie ffirmat ftehim storiku bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali, fejn għall-ewwel darba f'għexieren ta' snin, il-paga minima kienet għoliet b'mod li jmur oltre miż-żidiet tal-COLA, fl-istess ftehim kien ġie maqbul ukoll li tiġi ffurmata l-Low Wage Commission.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul stqarr li biex jiġi aċċertat dan kollu, il-Kummissjoni ser tkun irregolata permezz ta' liġi speċifika. Huwa semma kif il-Kummissjoni ser tkun magħmula minn diversi partijiet hekk kif ser tkun ippreseduta miċ-Chairperson tal-MCESD, b'rappreżentanti tal-unjins u ta' min iħaddem, kif ukoll b'rappreżentanti tal-gvern.
“Bħala gvern ħassejna li għandna nagħtu s-sapport u l-għodda neċessarja lil din il-Kummissjoni. Għaldaqstant, f'din il-liġi li se tiġi ppubblikata illum, għamilniha possibbli li din il-Kummissjoni tingaġġa esperti, liema esperti jkunu jistgħu jgħinuha b'kalkoli u analiżi speċifiċi fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet ta' din il-Kummissjoni," stqarr Andy Ellul.
Huwa qal ukoll li l-gvern jirrappreżenta kemm lill-ħaddiem u anke lil min iħaddem u għaldaqstant irid jassigura li, filwaqt li ma jitfax piżijiet kbar fuq in-negozji, kull ħaddiem ikollu biżżejjed dħul biex jgħix ħajja diċenti.
“B'dak li qed inħabbru llum mhux biss huwa pass importanti lejn il-ħolqien ta' soċjetà aktar ġusta imma huwa wkoll pass storiku fl-istorja tad-djalogu soċjali f'pajjiżna. Din tirrifletti wkoll l-impenn tal-gvern biex itejjeb il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli fostna," temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939