STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti
Il-Festival ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni teatrali ‘What’s Missing’, li se tittella’ għall-istudenti fl-Iskola Primarja tar-Rabat għal sitt darbiet. Il-prestazzjoni hija parti mill-programm għall-iskejjel tas-16-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u d-Direttur Artistiku tal-Festival ta’ ŻiguŻajg Marta Vella żaru l-provi biex isegwu t-tħejjijiet tal-produzzjoni qabel ma tittella’ għall-istudenti.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “Ir-ritorn ta’ ŻiguŻajg f’Għawdex għat-tielet darba huwa pass ieħor biex inwessgħu l-aċċess għall-arti u l-kultura fost it-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin. Meta nwasslu produzzjoni bħal ‘What’s Missing’ fl-iskejjel, inkunu qed nagħtu lill-istudenti l-opportunità li jesperjenzaw it-teatru flimkien ma’ sħabhom, fil-komunità tagħhom stess.”
Id-Direttur Artistiku tal-Festival ta’ ŻiguŻajg, Marta Vella qalet li, “Il-programm għall-iskejjel huwa parti essenzjali mill-festival. Meta nżuru skola bi produzzjoni bħal ‘What’s Missing’, inkunu qed noħolqu spazju fejn it-tfal jistgħu jiskopru t-teatru, jużaw l-immaġinazzjoni tagħhom u jitkellmu bejniethom dwar dak li jkunu raw. Huwa ta’ pjaċir għalina li ŻiguŻajg ikun preżent f’lokalitajiet differenti fosthom fir-Rabat, Għawdex.”
Il-Festival ŻiguŻajg huwa prodott minn Fondazzjoni Kreattività u l-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Design Cluster, u bi sħab ma’ Malta Public Transport u Inkontru.
Il-programm sħiħ tal-festival jinsab fuq www.ziguzajg.
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261938