STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Malta tirreġistra wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE
Il-Ministru Rosianne Cutajar tilqa’ l-progress irreġistrat minn Malta
Malta rreġistrat wieħed mill-akbar avvanzi fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni Ewropea, skont l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2026 ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru (EIGE).
Malta kisbet punteġġ ta’ 59.6 minn 100, żieda ta’ 9.8 punti mill-2020 u ta’ 0.9 punti fuq is-sena ta’ qabel. Malta bħalissa tinsab fis-17-il post fost l-Istati Membri tal-UE filwaqt li d-distakk mill-medja Ewropea kompla jonqos.
Ġie rreġistrat progress partikolarment qawwi fil-qasam tax-xogħol, fejn Malta tinsab fit-3 post fl-UE b’77.6 punti. Malta tinsab fl-ewwel post fl-UE fis-segregazzjoni u l-kwalità tax-xogħol, b’punteġġ ta’ 75.6 punti. Mill-2025 biss, il-punteġġ ta’ Malta fil-qasam tax-xogħol żdied b’4.8 punti, filwaqt li meta mqabbel mal-2020 żdied bi 12.4 punti.
Żviluppi pożittivi jidhru wkoll fil-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fis-suq tax-xogħol. In-nisa issa jokkupaw 41% tal-karigi maniġerjali f’Malta, żieda ta’ erba’ punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel u aktar mill-medja tal-UE ta’ 36%.
Nifhmu d-distakk bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet f’Malta
L-Indiċi jirrapporta wkoll distakk ta’ 37% bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet f’Malta, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 24%. Dan id-distakk naqas b’punt perċentwali wieħed meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Madankollu, dan l-indikatur irid jiġi interpretat fil-kuntest tar-riformi fil-pensjonijiet f’Malta.
F’dawn l-aħħar snin, Malta introduċiet id-Deficient Contributory Bonus, li jipprovdi appoġġ lil persuni li ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali biex jikkwalifikaw għal pensjoni kontributorja. Dan għandu effett statistiku importanti. Meta persuni li qabel ma kienux jirċievu l-ebda pensjoni kontributorja, li ħafna minnhom huma nisa bi snin ta’ kontribuzzjoni iqsar jew interrotti, jibdew jirċievu benefiċċju marbut mal-pensjoni ta’ valur aktar baxx, il-qagħda finanzjarja tagħhom titjieb. Madankollu, l-inklużjoni ta’ dawn il-pagamenti aktar baxxi fil-kalkolu tista’ tnaqqas id-dħul medju tan-nisa mill-pensjonijiet meta mqabbel ma’ dak tal-irġiel u, konsegwentement, iżżid id-distakk imkejjel bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet.
Ta’ min jinnota wkoll li mis-sena d-dieħla se tibda titwettaq il-wegħda elettorali tat-trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali bejn konjugi li jkollu pensjoni għal konjugi li ma jkollhiex pensjoni, u b’hekk aktar nisa miżżewġa se jiġu intitolati għal pensjoni. Mill-2021 ‘il hawn, permezz ta’ diversi miżuri, madwar 4,000 nisa miżżewġin bdew jirċievu pensjoni għall-ewwel darba. B’din il-miżura l-ġdida, se jgawdu madwar 3,200 mara miżżewġa u b’hekk madwar 7,000 mara miżżewġa saru jew se jsiru pensjonanti għall-ewwel darba.
Impenn kontinwu biex jitnaqqsu d-distakki bejn il-ġeneri
Il-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili jilqa’ l-progress irreġistrat minn Malta filwaqt li jtenni l-impenn tiegħu li jindirizza l-inugwaljanzi strutturali li għad fadal permezz tal-integrazzjoni kontinwa tal-perspettiva tal-ġeneru, parteċipazzjoni ekonomika aktar b’saħħitha, qsim aktar ekwu tar-responsabbiltajiet ta’ kura, u miżuri li jappoġġaw l-indipendenza ekonomika tan-nisa tul il-ħajja kollha. Dawn se jkomplu jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Malta għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Integrazzjoni tal-Ġeneru 2022–2027, kif ukoll fid-diskussjonijiet dwar il-qafas strateġiku li jmiss.
L-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2026 juri li Malta miexja fid-direzzjoni t-tajba u rridu nkomplu nibnu fuq dan il-progress u niżguraw li t-titjib fl-impjieg u fil-parteċipazzjoni ekonomika jissarraf f’ugwaljanza dejjiema għan-nisa u l-irġiel f’kull stadju tal-ħajja.
Ritratt (MER)
Other Press Releases:
PR261938en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EQUALITY AND CIVIL RIGHTS Malta records o...
PR261937en