STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Inwettqu Flimkien: Mijiet ta’ familji jattendu Wirt in-Natura, din id-darba fil-Park tas-Salina
Edizzjoni oħra ta' Wirt in-Natura ntemmet b'suċċess hekk kif mijiet ta' familji attendew għal din l-attività matul il-jum tal-Ħadd, din id-darba mtellgħa fil-Park Nazzjonali tas-Salina, f'San Pawl il-Baħar.
Wirt in-Natura, attività li tiċċelebra l-ambjent naturali, saret sinonima ma' bosta familji u żgħażagħ. B'edizzjoni wara l-oħra, l-attività tħeġġeġ lill-pubbliku jżur postijiet differenti hekk kif Wirt in-Natura tittella' f'parks u fi spazji miftuħa differenti madwar il-pajjiż, b'attivitajiet għall-kbar u għat-tfal.
L-attività ttellgħet mill-Ministeru għall-Ambjent (MEEE) flimkien mal-aġenzija Project Green, b'kollaborazzjoni ma' Ambjent Malta, Circular Economy Malta, ERA, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u Wasteserv. Flimkien organizzaw ġurnata mimlija attivitajiet divertenti relatati mal-ambjent naturali, is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima, fost oħrajn. Permezz tal-arti, it-tfal tħeġġew ipinġu l-park ideali tagħhom filwaqt li saru jafu aktar dwar is-siġar indiġeni li għandna fil-parks.
Il-kantanta popolari Ira Losco tat prestazzjoni mill-aqwa b'kunċert ta' siegħa.
“Wirt in-Natura saret sinonima mal-Maltin. Huwa ta' sodisfazzjon għalija li f'edizzjoni wara l-oħra naraw aktar nies jattendu għax ifisser li qed nilħqu l-għan tagħna: dak li nkattru l-għarfien dwar l-ispazji li diġà għandna u kif ingawduhom mingħajr ma nagħmlu ħsara," qalet il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli. “Kif wegħdna, l-attivitajiet ta' Wirt in-Natura se jibqgħu jiġu organizzati regolarment biex flimkien ngawdu l-ispazji miftuħa u n-nies igawdu x-xogħol siewi li qed isir."
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta' Project Green Steve Ellul tkellem dwar l-importanza li nagħtu aktar ħajja lill-parks b'attivitajiet li jkunu interattivi u li jqajmu aktar kuxjenza dwar l-ambjent. Huwa qal li avveniment bħal Wirt in-Natura u oħrajn simili huma importanti għax jagħtu l-opportunità lit-tfal u liż-żgħażagħ biex igawdu spazji miftuħa differenti u jibdlu l-ambjent li s-soltu jkunu fih.
Wirt in-Natura hija attività b'entratura b'xejn.
Other Press Releases:
PR261940
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...
PR261939