IL-CORE GROUP TAL-MEUSAC JIDDISKUTI L-PAKKETT TA’ LEĠIŻLAZZJONI DWAR IT-TELEKOMUNIKAZZJONIJIET TAS-SUQ UNIKU
Il-Core Group tal-MEUSAC illum iltaqa’ biex jiddiskuti l-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar it-Telekomunikazzjonijiet tas-Suq Uniku, partikolarment il-proposta għal Regolament li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-Suq Uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 531/2012 (KUMM (2013) 627).
Meta kienet qed tiftaħ id-diskussjoni, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr. Helena Dalli, qalet li dan is-settur huwa importanti għas-soċjetà, “kemm għax joffri opportunitajiet aħjar għal żieda fl-impjiegi, kif ukoll għax jagħti aktar protezzjoni lill-konsumatur”. Hi qalet li dawn il-proposti se jgħinu biex iċ-ċittadini jkollhom aċċess sħiħ għall-internet u jkunu protetti minn tariffi u prattiċi inġusti bħas-serq fejn jidħol ir-roaming u kuntratti ċari.
Dr. Dalli qalet li peress li sal-lum dan is-settur għadu jopera l-aktar abbażi ta’ 28 suq nazzjonali, “m’hemm l-ebda kumpanija tat-telekomunikazzjoni li topera fl-Unjoni Ewropea kollha, u l-konsumaturi jiffaċċjaw prezzijiet u regoli li jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor”.
Fi preżentazzjoni li għamel is-Sur Andrew Meli, Analista tar-Relazzjonijiet Esterni fl-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni, ta informazzjoni ġenerali dwar il-leġiżlazzjoni preżenti u r-Regolament propost. Huwa tkellem dwar il-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-proposta u spjega x’inhu mistenni li jiġri minn issa ’l quddiem fil-proċess leġiżlattiv sakemm il-Regolament ikun adottat.
Is-Sur Meli qal li l-għan ewlieni tar-Regolament hu li jkunu faċilitati l-provediment tal-komunikazzjoni elettronika, is-servizzi u n-netwerks fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li r-Regolament hu mistenni jwassal għal: kunċett ta’ awtorizzazzjoni waħdanija għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea; aċċess koordinat għall-ispettru tal-wireless broadband u għal dawk imsejħa essential inputs fl-Istati Membri u barra mill-Unjoni Ewropea; u protezzjoni u regolamenti armonizzati għall-konsumaturi.
Is-Sur Meli qal li għalkemm l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni taqbel mal-oġġettivi tar-Regolament, mhix konvinta li r-Regolament se jwassal għar-riżultat mixtieq. Dan minħabba li fost l-oħrajn:
- l-istrumenti legali adottati ma jħallux lok għal diskrezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali;
- il-proposta mhix konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;
- il-poteri tal-Kummissjoni Ewropea fis-settur se jiżdiedu;
- l-Istati Membri se jkunu limitati fil-possibilità li jintervjenu f’każijiet speċifiċi nazzjonali;
- l-oġġettivi jistgħu jintlaħqu b’anqas piż amministrattiv u burokratiku;
- il-fatt li r-Regolament irid jidħol fis-seħħ sa April 2014 ifisser li d-diskussjonijiet se jkunu mgħaġġla;
- Malta għandha numru ta’ provedimenti li jħarsu l-interessi tal-konsumatur li huma aktar b’saħħithom minn dawk proposti.
Waqt id-diskussjoni li segwiet il-preżentazzjoni, il-membri, li jirrapreżantaw lill-partiti politiċi, korpi kostitwiti u soċjetà ċivili, qajmu diversi punti li ġew diskussi mas-Sur Meli u mas-Sinjura Celia Falzon, Kap tar-Relazzjonijiet Esterni fl-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni. Fost il-punti diskussi:
· il-possibilità li permezz ta’ dan ir-Regolament, kif propost, titnaqqas il-protezzjoni għall-konsumatur Malti;
· il-fatt li dan huwa Regolament u mhux Direttiva, li jfisser li jrid jiġi adottat kif inhu mill-Istati Membri kollha;
· l-armonizzazzjoni tal-prezzijiet u l-prattiċi;
· il-pożizzjoni ta’ Stati Membri oħra;
· il-protezzjoni ta’ operaturi li diġà għamlu l-investiment tagħhom f’Malta;
· l-importanza ta’ soluzzjonijiet skont iċ-ċirkostanzi tal-Istat Membru;
· tariffi komuni għal telefonija fissa u mobbli;
· protezzjoni tal-privatezza tal-konsumatur.
Is-Sur Meli u s-Sinjura Falzon qalu li bħalissa l-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni qed tikkonsulta mal-partijiet konċernati sabiex tkun tista’ tagħti l-pożizzjoni finali tagħha lill-Gvern.
Il-laqgħa li jmiss tal-Core Group ser issir mal-Prim Ministru, ftit jiem qabel ma jattendi għall-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fid-19 u 20 ta’ Diċembru.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037