700 IMPJIEG MINN 30 INVESTIMENT ĠDID U NUMRU TA’ ESPANZJONJIET LI KIENU APPROVATI TAĦT DAN IL-GVERN. STRATEĠIJA DIĠITALI SAL-AĦĦAR TAS-SENA
F’Konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Ekonomija Aktar b’Saħħitha, l-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona qal li sal-aħħar ta’ din is-sena in-numru ta’ proġetti ġodda approvati mill-Malta Enterprise għandu jlaħħaq it-30. Dan l-investiment ġdid f’pajjiżna għandu jiġġenera 500 impjieg ġdid fi żmien 3 snin flimkien ma’ 200 impjieg ieħor li se jkunu iġġenerati fis-sentejn li ġejjin mill-espanzjoni ta’ ħames kumpaniji li diġa huma stabiliti f’Malta.
Il-Ministru Cardona qal li l-oqsma li pajjiżna qed ikun suċċess fihom huma l-inġinjerija, life sciences, digital game production u l-informatika. Fl-istess waqt qed issir ħidma wkoll biex ikunu attirat lejn pajjiżna investiment f’ dawk l-oqsma li ma jirrikjedux rizorsi umani b’edukazzjoni jew snajja tekniċi avvanzati. Dan sabiex jinħolqu postijiet tax-xogħol anke għal min il-ħiliet tiegħu huma ta’ xeħta manwali.
Dr. Chris Cardona tkellem ukoll dwar l-Malta Industrial Parks u kif din l-entita’ din is-sena diġa allokat 23 fabbrika ġdida b’total ta’ 25,000 metru kwadru. Qal li l-MIP wettqet ukoll xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’zoni industrijali kif ukoll il-bini ta’ tlett child care centres ġodda fil-Mosta Techno Park, Kordin u x-Xewkija.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar saħaq li dan il-Gvern sa minn kmieni wara l-elezzjoni ġenerali beda jaħdem biex fl-aħħar jitwettaq il-proġett ta’ Ta’ Qali Arts and Crafts Village. “Il-Permess tal-MEPA inħareġ u għalhekk is-sena d-dieħla jibda x-xogħol fuq dan il-proġett, li kien ilu s-snin jiġi mwiegħed mill-aministrazzjoni preċedenti u li izda qatt ma kien imwettaq” sostna l-Ministru Cardona.
Dan il-budget se jkun qiegħed jgħin lil dan il-Gvern ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu biex f’pajjiżna jinħoloq aktar ġid u joħloq klima ekonomika tajba fejn is-settur privat iħossu komdu jinvesti. “Qed nassiguraw lis-settur privat u lil Industrija li mhux se nkunu qed ngħatu l-ebda xokkijiet kif għamel il-Gvern preċedenti b’deċizjonijiet mil-lejl għan-nhar bħal ma kienet is-service charge fuq l-Industrija u l-kontijiet ezorbitanti tad-dawl. Magħna l-Industrija u l-Intrapriża tista’ sserraħ rasha. Aħna mhux talli qed nassigurawhom li mhux se ngħatu dawn it-tip ta’ xokkijiet, talli qed ngħatuhom assigurazzjoni li kif qed nżommu l-wegħda tagħna mal-familji, l-istess se nkunu qed nagħmlu magħhom u sa Marzu 2015 nraħsulhom il-kontijiet tad-dawl” saħaq jgħid il-Ministru Cardona.
Il-Konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari Dr Edward Zammit Lewis, li saħaq li qiegħda ssir ħidma biex tisaħħaħ l-industrija tal-logħob, qed isir xogħol biex jiġu identifikati opportunitajiet u niċeċ ġodda, li l-ġurisdizzjoni tagħna tista’ tilqa’.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar li se jinoħolqu servizzi u inċentivi ġodda li permezz tagħhom jkunu jistghu jigu attirati l-kumpaniji involuti f’dan il-qasam. L-ħidma tal-Gvern biex is-settur tal-gaming jevolvi b’mod b’saħħtu se jkun kumplimentat b’regoli ġodda qed jidħlu u ser inkomplu ndaħħlu fix-xhur li ġejjin. Fost dawn insibu emendi fir-regoli tal-Gaming Devices, Cruise Ships Regulations, regoli għall-Digital Games u oħrajn li jitrattaw Sportsbetting. Il-Gvern fix-xhur li ġejjin ser ikun qed iniedi wkoll ir-Responsible Gaming Foundation dan biex flimkien mal-privat tiġi promossa l-importanza ta’ Logħob Responsabbli. Din il-fondazzjoni se tistabilixxi fond biex jiġi promoss konsum responsabbli tal-logħob, u aktar trawwim fis-sod tar-reputazzjoni tagħna bħala ġurisdizzjoni responsabbli.
Dr. Edward Zammit Lewis spjega kif il-Gvern se jkun qed isaħħaħ l-protezzjoni tal-konsumatur fis-servizzi b’Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji. B’hekk se titwettaq wegħda oħra tal-manifest elettorali, l-Uffiċċju ta’ Arbitru ghas-Servizzi Finanzjari se jkun qed ikopri bosta oqsma ta’ servizzi finanzjarji, minn ilmenti dwar l-assigurazzjoni għal kontijiet fil-banek, self, diversi forom ta’ kreditu, pariri finanzjarji u investimenti. B’istituzzjoni indipendenti u imparzjali li tinvestiga u tipprovdi rimedju effettiv għal dawk li jressqu l-ilment tagħhom żgur li l-fiduċja tal-poplu fis-servizzi finanzjarji ser tkompli titkattar. L-Arbitru jkollu awtorita’ eżekuttiva biex jiddeċiedi disputi bejn konsumaturi u dawk li jipprovdu servizzi finanzjarji f’Malta u d-deċizjoni tiegħu tkun torbot lill-partijiet jekk tiġi aċċettata mill-konsumatur. Dan il-pass li ser jieħu il-Gvern ser ikun pass fid-direzzjoni li tinbena klima aktar sigura u stabbli fil-kamp ekonomiku tas-servizzi finanzjarji u dan għax nemmnu li l-konsumatur għandu jkun stmat u protett kif verament jixraqlu.
Dr. Zammit Lewis spjega li l-iStrateġija Nazzjonali għall-Ekonomija Diġitali qeda fil fażijiet finali u se tkun waħda mill-pilastri ewlenin ta’ pajjiżna sabiex jinħoloq kuntest posittiv għall-Tkabbir Ekonomiku, l-istrateġija hija msejsa u tevolvi madwar iċ-ċittadin, is-settur tan-negozju, s-soċjetà civili, l-amministrazzjoni Governattiva u t-teknoloġija. Sezzjoni tal-istrateġija se tkun propju fuq internationalisation ta kumpaniji lokali tal-ICT, fejn dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu jħarsu lejn barra minn Malta biex ikomplu jespandu.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037