MALTA T-TIENI L-AKTAR PAJJIŻ LI RREĠISTRA TKABBIR FIT-TURIŻMU WARA T-TURKIJA....SA DIĊEMBRU 2013 MISTENNIJA JASLU MAL-1.5 MILJUN TURIST
Ir-riżultati ferm pożittivi li rreġistra pajjiżna fis-settur turistiku dan is-sajf se jwasslu biex sal-aħħar ta’ Diċembru, Malta tkun laħqet iċ-ċifra rekord ta’ 1.5 miljun turist li se jkunu żaru ’l Malta matul l-2013. Il-Gvern huwa impenjat biex dawn ir-riżultati mhux biss isostnihom iżda jsaħħaħhom billi anke jkattar it-turiżmu fix-xhur tax-xitwa.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bit-tema “Malta Aktar Ġusta, Malta Aktar b’Saħħitha” b’rabta mal-Budget 2014, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella saħaq li s-settur tat-turiżmu ra żieda sostanzjali f’dan il-budget mingħajr ma kienu imposti ebda taxxi. Fost l-oħrajn semma’ kif il-budget tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se jkun żdied b’1.5 miljun ewro, l-Air Malta se tkun qed tara tisħiħ fil-kapital tagħha bi €15-il miljun, filwaqt li kienu vvutati €150,000 għal Ċentru ta’ Riċerka fl-Avjazzjoni. Dan apparti inizjattivi oħra għall-Istitut għall-Istudji Turistiċi, inizjattivi għas-settur turistiku f’Għawdex u żieda fil-vot għal V18 minn €510,000 għal €900,000.
Dwar is-suċċessi miksuba din is-sena fit-turiżmu, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella kkwota figuri uffiċjali lil juru kif fl-ewwel disa’ xhur tas-sena pajjiżna rreġistra żieda qawwija ta’ 8.7% f’dawk li huma wasla ta’ turisti, b’ċifra li tlaħħaq il-1,250,728 turist. Din hija żieda sinifikanti li anke taqbez ir-riżultati globali ta’ 5.4% u li tpoġġi lil Malta fit-tieni post fejn jidħol tkabbir wara t-Turkija.
Fl-istess perjodu pajjiżna ra żieda ta’ 10% fin-numru ta’ ljieli kif ukoll żieda ta’ 9.5% fid-dħul mis-settur turistiku. Dan ifisser li bejn Jannar u Settembru 2013, Malta esperjenzat dħul ta’ aktar minn biljun ewro mis-settur tat-turiżmu.
Il-Ministru Vella spjega kif sa’ Diċembru li ġej, pajjiżna se jkun laħaq iċ-ċifra ta’ miljun u nofs turist, li f’termini sempliċi tfisser li għal kull żewġ Maltin, qed jaslu f’pajjiżna seba’ turisti.
Il-gżira Għawdxija wkoll esperjenzat żieda ta’ 1.5% fin-numru ta’ turisti, li ssarfet f’żieda ta’ 7% f’dawk li huma ljieli li t-turisti qattgħu f’Għawdex.
Karmenu Vella fisser ir-riżultati miksuba kellhom ukoll effett pożittiv fil-qasam tal-impjiegi fejn għandu x’jaqsam ma’ wholesale u retail fejn jirriżulta li dawn żdiedu bi kważi 20%.
Il-Ministru għat-Turiżmu fisser kif filwaqt li r-riżultati juri kif pajjiżna esperjenza żidiet anke matul ix-xhur tax-xitwa, saħaq li l-Gvern jinsab impenjat li jsaħħaħ it-turiżmu f’dan il-perjodu biex tikber il-profitabilità.
Huwa elenka sensiela ta’ sfidi li jridu jkunu indirizzati fosthom li pajjiżna joffri prodott għax-xhur tax-xitwa billi anke jippromwovi ruħu bħala destinazzjoni għall-konferenzi, żieda ta’ aktar linji tal-ajru li joperaw rotot minn u lejn Malta biex b’hekk tikber l-aċċessibilità, kif ukoll li jkunu attirati swieq ġodda. F’dan ir-rigward il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif għax-xhur tax-xitwa s-seat capacity se tkun qed tara żieda ta’ 8.7% fuq ix-xitwa li għaddiet. Fost l-oħrajn semma’ kif ghax-xitwa li ġejja se tkun qed tibda topera mill-ġdid il-British Airways kif ukoll il-linja tal-ajru low cost FlyNiki li se tkun qed topera minn Vjenna mingħajr ebda għajnuna min-naħa tal-Gvern. Ħabbar ukoll kif mistennija jkun hemm żieda fic-charter operations speċjalment mill-Ġermanja.
Dwar is-settur tal-cruise liners, il-Ministru Karmenu Vella qal li filwaqt li din is-sena kien esperjenzat tnaqqis fl-ammont ta’ passiġġieri minħabba deċiżjonijiet meħuda minn xi kumpaniji matul l-2011 u l-2012 biex dawn ma jibqgħux jiġu Malta, l-attentati tal-Gvern preżenti f’dan ir-rigward ħallew il-frott. Fost l-oħrajn bil-konferma tal-operat tal-cruise liner il-ġdid Mein Schiff 3 li se jkun qed iġib aktar passiġġieri lejn Malta minħabba li huwa akbar, fejn anke se jerġa’ jkun qed jopera fuq bażi ta’ homeporting.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037