L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS JIFTAĦ ĊENTRU GDID TAL-ICT FIL-KUNSILL LOKALI TAL-MOSTA
Waqt it-tnedija ta’ ċentru tal-ICT ġdid fil-Kunsill Lokali tal-Mosta, is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku l-Onor. Edward Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza tal-informatika fid-dinja tal-lum. Huwa spjega li llum wieħed li ma jkunx jaf jagħmel użu mit-tekonloġija tal-informatika ikun żvantaġġjat ħafna. Permezz tal-MITA, il-Gvern qed jaħdem biex issaħħaħ is-servizzi tal-eGovernment, iżda sintendi biex wieħed ikun jista’ jagħmel użu minn dawn is-servizzi jrid ikun jaf jagħmel użu mill-ICT. Fil-Kunsill Lokali tal-Mosta, l-Onor Zammit Lewis indirizza lil 160 parteċipant li se jibdew il-program edukattiv LearnIT, ħafna minn dawn il-parteċipanti se jkunu qed jużaw l-kompjuter għall-ewwel darba.
“Qegħdin innaqqsu d-digital divide, diġà nedejna numru ta’ programmi nazzjonali. Il-program LearnIT parti mill-ICT For You se jkun qed isir fil-Kunsilli Lokali ta’ madwar Malta u Għawdex. Il-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti sabiex jitnaqqas id-digital divide, peress li dawn jistgħu jintlaħqu iktar minn nies u jagħmila faċli biex nisa tad-dar, anzjani u tfal jipparteċipaw fi programmi bħal dawn.
Fi ftit ġimgħat diġà applikaw ’il fuq minn elfejn persuna minn madwar Malta u Għawdex, inħeġġeġ lill-pubbliku biex dawk li għadhom ma applikawx japplikaw sa l-aħħar ta’ Novembru. Inizjattivi bħal dawn jgħinu bi sħiħ sabiex titnaqqas l-esklużjoni soċjali.”
L-iskop tal-Gvern huwa li nkomplu noħolqu u ninċentivaw programmi edukattivi fl-ICT sabiex waqt li nżidu l-ħiliet fl-ICT nnaqqsu d-digital divide. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ dawn l-inizjattivi u l-Kunsilli Lokali. L-Onor Zammit Lewis għamel appell lill-Mostin li attendew sabiex huma jkunu ambaxxaturi tal-ICT u jħajru lil sħabhom u l-familjari tagħhom, speċjalment dawk ta’ fuq il-45 sena ’l fuq. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-maggoranza ta’ dawk ’il fuq minn 45 sena, ma jafux jużaw il-kompjuter, dan il-persentaġġ qed jonqos iżda bl-għajnuna tal-familjari dan jista’ jonqos ħafna iktar.
L-Onor Zammit Lewis stqarr li dan hu eżempju ċar ta’ koperazzjoni pożittiva bejn il-privat u l-Gvern (Public Private Partnership) fejn ġie mniedi ċentru tal-ICT għal ġid tal-komunità kollha biex nkomplu nifirxu t-tagħlim tul il-ħajja.
Is-Sindku Shirley Farrugia rringrazzjat lis-Segretarju Parlamentari tal-impenn tal-Gvern sabiex jagħti appoġġ tiegħu sabiex l-ICT ikun aċċessibbli minn firxa iktar wiesgħa ta’ nies. Dr Farrugia spjegat li l-Kunsill Lokali Mosti mhuwiex biss għat-toroq iżda għandu rwol importanti biex isaħħaħ it-talent u l-ħiliet tal-Mostin. Il-Kunsill Lokali se jkompli jinvesti sabiex jissaħħu l-ħiliet tal-ICT fost iċ-ċittadini Mostin u biħsiebu jipparteċipa fi programmi edukattivi oħrajn. Preżenti wkoll kien hemm l-Onor David Agius li faħħar din l-inizjattiva u l-Kunsill Lokali Mosti, huwa saħaq li Gvern se jsib l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għal progetti bħal dawn li jorbtu l-Ekonomija Diġitali u l-Kunsilli Lokali. Min-naħa tiegħu s-Sur Ray Abela d-Direttur Maniġerjali tat-TCTC spjega li huwa ta’ pjaċir tiegħu li qed jaħdem ma’ diversi Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex biex nippromovu l-ħiliet tal-ICT. Preżenti wkoll kien hemm rappreżentanta ta’ Smart City Malta, li qed jappoġġjaw inizjattivi tal-ICT fil-komunità Maltija.
L-Onor Zammt Lewis saħaq li l-Gvern qed jaħdem fuq inizjattivi bħal dawn biex inkomplu ngħallmu u nissimplifikaw l-operat ta’ Gvern elettroniku u diġitali. Il-MITA taħdem kontinwament sabiex ittejjeb u tissimplifika kemm jista' jkun is-sistemi tal-eGovernment. Aktar kemm ikollna soċjetà moderna aktar il-Gvern jista’ jimraħ biex jiġġenera servizzi ġodda bbażati fuq it-teknoloġija elettronika.
L-Onor Edward Zammit Lewis temm jgħid li l-miri tal-Gvern għal Soċjetà Diġitali jintlaħqu biss jekk inkomplu nagħtu dan it-tagħlim lil ġenerazzjonijiet kollha inkluż l-anzjani tagħna, biex tabilħaqq ikollna soċjetà moderna u minn tal-aqwa fl-Ewropa.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037