SUĊĊESS GĦALL-FESTIVAL THE THREE PALACES – CELEBRATING MUSIC
Illum ġie fi tmiemu il-festival The Three Palaces – Celebrating Music permezz ta’ attivitiajiet varji ġewwa l-palazz tal-Verdala kif ukoll fil-Palazz ta’ San Anton.
Matul il-ġurnata tal-Ħadd il-President ta’ Malta l-E.T. Dr George Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, l-Onor. Dr Jose Herrera żaru l-attivitajiet imtella’ fil-Palazz tal-Verdala fejn kienet qiegħda tittella’ attivita immirita għall-familja. Għall-din l-attivita` ikkonkorriet udjenza sabiħa fejn wieħed seta’ jammira t-talent żagħżugħ li jeżisti ġewwa pajjiżna. L-iskop ta’ din l-attivita` kienet li tingħata opportunita` lil dawk kollha li qegħdin jitgħallmu xi forma differenti ta’ mużika u arti sabiex fi programm ta’ tlett siegħat ikunu jistgħu jesponu t-talent u l-kreattivita` tagħhom.
Madwar mija u sittin żagħżugħ u żagħzugħa pparteċipaw għal din is-sejħa u l-ġonna tal-Palazz tal-Verdala kienu miżgħuda b’forom diversi ta’ arti permezz ta’ talent lokali.
F’kumment li ta l-Onor Herrera meta kien qiegħed idur mal-President ta’ Malta lil dawn iż-żagħżagħ spjega kif jara futur sabiħ għall-kultura f’Malta meta jara d-diversita` fil-forom tal- arti kif ukoll l-impenn li dawn iż-żgħażagħ għandhom. “Wara ir-riżultat negattiv li ħareġ fis-sondaġġ li għamlet l-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-kultura ġewwa pajjiżna, huwa ta’ inkoraġġiment li tara daqstant tfal u żgħażagħ li huma daqshekk impenjati fid-dinja tal-kultura. Għalhekk huwa mportanti li jiġu organizzati opportunitajiet ta’ dan it-tip fejn inħeġġu li l-kultura u l-attivitajiet kulturali jikbru u li nrawmu il-ġenerazzjonijiet il-ġodda li jimirħu f’dan it-tip ta’ ambjent.”
Il-festival The Three Palaces – Celebrating Music ġie organizzat fuq medda ta’ ġimgħa. Minbarra din l-attivita` tal-familja ittellgħu ukoll disa’ kunċerti fit-tlett Palazzi Presidenzjali. Din tat opportunita` lill-viżitatur li jammira il-mużika fuq sfont tal-wirt kulturali li jeżistu ġewwa dawn il-Palazzi. L-iskop ta’ dawn il-kunċerti kien li jkun hemm taħlita ta’ attivitajiet minn artisti professjonali filwaqt li tingħata opportunita’ ukoll lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li fil-futur qarib ser tkun qed taffaċċja il-ħajja professjonali. Fl-istess waqt saru kunċerti minn artisti stabbiliti barranin li mhux biss taw il-kontribut tagħhom permezz ta’ kunċert iżda inatgħaw ukoll opportunitajiet ta’ master classes. Attivitajiet oħra li ttellgħu għal dan il-festival kienu kunċerti li ttellgħu fi skejjel sabiex iħajjru tfal tal-iskola sabiex jersqu aktar mill-qrib lejn id-dinja tal-mużika kif ukoll kunċerti oħra li tellgħu fil-foyer ta’ l-Isptar Mater Dei. Din ta’ l-aħħar kien esperiment li rnexxa. Għalkemm dan il-post mhuwiex normalment identifikat ma’ lok fejn jittellgħu kunċerti, kien spazju nteressanti li seraq ftit minuti sabiex udjenza li mhux bilfors għanda affinita` mad-dinja tal-kultura setgħet tapprezza it-talent ġdid lokali.
Din hija l-ewwel sena ta’ dan il-festival. Wara l-inkoraġġiment kemm ta’ dawk li pparteċipaw bħala udjenza, kemm ta’ dawk li kkontribwew permezz tat-talent tagħhom, kif ukoll tal-akkademji, skejjel u kunsilli li għenu sabiex iressqu l-quddiem xogħolom u dak tal-istudenti tagħħom, jidher li din l-inizzjattiva’ ser titniżżel fil-kalendarju annwali ta’ attivitajiet kulturali li jiġu organizzati ġewwa pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037