DISKORS MILL-ONOR. RODERICK GALDES, SEGRATARJU PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI - LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IL-PROGRAMM TA’ L-IŻVILUPP RURALI 2014-2020
Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzjakom tal-attendenza numeruża għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-pjan ta’ l-izvilupp rurali ghal Malta 2014-2020.
Dan l-abbozz li qeħdin nippreżentaw illum huwa frott ta’ ħidma konġunta bejn l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala, organizzazjonijiet u entitajiet pubbliċi fost ħafna oħrajn. Il-Gvern huwa kommess li l-pjan il-ġdid jirrifletti il-bżonnijiet ta’ kull settur, jiżgura l-implimentazzjoni tal-wegħdiet elettorali kollha filwaqt li jiggarantixxi koerenza ma’ policies oħrajn bħal tat-turizmu, ambjent, u maneġġ tal-iskart.
Għaldaqstant, bħalissa l-Awtorita ta’ Tmexxija (Managing Authority) għaddejja b’ ħidma sabiex tiżviluppa dan il-pjan li ser ikun qed ifassal kif u fejn sejrin jiġu allokati il-138 Miljun Ewro mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali li Malta irnexxiela tinnegozja.
Importanti li nsemmi li l-Programm irid ikun konformi mal-għanijiet Ewropej u l-Istrateġija 2020 sabiex jintlaħqu miri marbuta mal-innovazzjoni, ix-xogħol, it-tibdil fil-klima, is-sostenibilita u l-edukazzjoni.
Kif tistgħu taraw mill-abbozz tal-programm hemm emfasi fuq it-tagħrif u t-taħriġ, il-bdiewa żgħżagħ, il-kompettitività, is-sostenibilità f’ l-użu ta’ riżorsi naturali bħal l-ilma u enerġija u l-preservazzjoni tal-ambjent rurali Malti u Għawdxi.
Dan il-programm ġie mfassal b’ tali mod li jinċentiva u jistimola t-tkabbir tal-ekonomija agrikola/rurali billi min-naħa jara li titjieb l-efficjenza fl-operat, jitnaqqsu l-ispejjeż, jinħolqu swieqi ġodda, u ngħinu fid-diversfikazzjoni ta’ attivitajiet agrikoli u dawk turistici.
Sabiex jiżgura prezz u suq xieraq lill-bdiewa il-Gvern huwa kommess li jkompli jinvesti fil-Pitkalija fejn fi ftit ġimgħat oħra sejrin naraw diġa t-tnedija ta’ proġett sabiex jitjiebu l-faċililitajiet eżistenti u jkun hemm aktar kontroll.
Qegħdin ukoll nesploraw il-possibilitajiet sabiex nintroduċu skema tal-assikurazzjoni għall- bdiewa u raħħala sabiex ikunu ikkumpensati ħsarat u telf tal-uċuh minn maltemp jew mard.
Wara li rnexxielna ninnegozjaw b’suċċess mal-Unjoni Ewropea ser tibqa’ tingħata l-għajnuna għal żoni żvantaġġjati, fejn kien rikonoxxut u maqbul li l-art agrikola kollha għandha tgawdi minn dan il-benfiċċju.
Żvilupp importanti huwa dak fejn qegħdin ninkoraġġixxu koperazzjoni bejn setturi differenti fosthom gruppi ta’ bdiewa jew raħħala. L-Unjoni Ewropea qegħda temfasizza li ċertu proġetti ma jibqgħux fuq livell individwali imma jsir sforz kollettiv sabiex l-proġetti jkunu aktar effettivi u effiċjenti għal benefiċċji akbar.
Ser ikun hemm emfasi fuq id-diversifikazzjoni ta’ attivitajiet agrikoli għal dawk non-agrikoli u fondi għal investiment f’sorsi alternattivi ta’ enerġija.
Parti integrali mill-programm ser ikun marbut ma’ attivitajiet fuq bażi reġjonali permezz tal-programm LEADER.
Kif tistgħu taraw fi kwalunkwe prijorità, l-agrikultura ser tibqa’ dejjem fiċ-ċentru ta’ kull żvilupp jew investiment.
Il-Programm tal-Iżvilupp Rurali fih nisġa ta’ miżuri li jiżguraw settur agrikolu aktar b’ saħħtu u sostenibbli billi jgħaraf jindirizza l-ħtiġijiet li ġew identifikati waqt il-konsultazzjonijiet li kelna magħkom.
Sabiex dan kollu jkun ta’ suċċess hemm bżonn li kull wieħed u waħda minnha jinvolvi ruħu u tieħdu sehem attiv minn issa. Il-Ministeru jemmen li f’dan il-perjodu hekk importanti u delikat għad-diversi setturi tal-agrikultura dawn għandhom jaħdmu id f’ id bil-għan li jissalvagwardjaw l-interessi tal-membri u l-operaturi kollha.
Min-naħa tagħna, qegħdin naħdmu mal-awtoritajiet ikkonċernati sabiex niżguraw koperazzjoni meta niġu biex noħorġu d-diversi miżuri tal-programm il-ġdid.
Sar pass kbir ‘il quddiem fid-diskussjonijiet mal-MEPA, fejn bħalissa ħarget għall-konsultazzjoni l-politika ġdida dwar iż-żoni barra mill-iżvilupp (ODZ). Dan id-dokument ser iservi bħala bażi sabiex jissaħħaħ is-settur tal-agrikultura billi jgħin u jindirizza l-bżonnijiet ġenwini tal-bdiewa u raħħala.
Nagħlaq billi nawguralkom diskussjoni produttiva sabiex kulħadd ikun jista jgawdi bl-aħjar mod possibli minn dan il-programm fis-seba’ snin li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262038
AVVIŻ MILL-AWTORITÀ GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL
PR262037