Għajnuna mill-Gvern Ċentrali għall-proġett ta’ San Ġwann F.C.
Il-Gvern Ċentrali se jagħti l-għajnuna tiegħu fi proġett ta’ premises ġodda li se jintużaw għat-taħriġ taż-żgħażagħ fil-futbol f’San Ġwann. Il-proġett, li jinsab biswit il-grawnd tal-futbol, ikopri medda ta' madwar 750 metru kwadru fil-grawnd floor u l-ewwel sular kif ukoll madwar 350 metru kwadru fit-tieni sular.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima l-Onor. Leo Brincat qal li tul is-snin huwa dejjem emmen u wera l-appoġġ tiegħu lejn dan il-proġett. Qal li sa minn sentejn ilu flimkien ma’ oħrajn, ra l-ħtieġa li n-Nursery ta’ San Ġwann FC ikollha post aħjar fejn tilqa’ lill-membri tagħha. Spjega li dan huwa proġett fejn il-Gvern Ċentrali, is-settur privat u l-MFA se jkunu qed jagħtu lill-komunita’ Ġwanniża rigal li jixirqilha, proġett li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ komunita’ li dejjem qiegħda tikber.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi qal li l-Gvern dejjem lest li jagħti l-appoġġ tiegħu biex jara li pajjiżna jkollu dehra aħjar, kemm f’dak li huwa ambjent u anke f’dik li hija infrastruttura.
Huwa ħeġġeġ lil dawk li jaħdmu f’oqsma edukattivi u anke dawk sportivi biex ikomplu joffru d-dedikazzjoni tagħhom lejn tfal u żgħażagħ, iżda biex dan isir, ikun jixirqihom ukoll ambjent li jkun attrezzat bil-faċilitajiet kollha li għandhom bżonn.
F’dan il-każ, irriżulta li kien hemm tender mogħti, ta’ €18,000 għal xogħol ta’ tħaffir. Minkejja li hekk kien miftiehem mal-amministrazzjoni preċedenti, irriżulta li ma kien hemm ebda vot ivvutat. Madankollu, il-Gvern ra kif seta’ jgħin xorta u issa se joffri l-għajnuna tiegħu permezz tal-ħaddiema tal-Gvern biex il-proġett isir xorta.
Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, fejn qal li f’pajjiżna rridu nibdew inħarsu lejn l-isport mhux biss bħala kompetizzjoni imma bħala mezz biex ngħixu ħajja aħjar. Għalhekk irridu ndaħħlu kultura li kulħadd jagħti attenzjoni lil saħħtu. Huwa kompla jgħid li f’pajjiżna hawn mitt grawnd tal-futbol fost faċilitajiet oħra, u għalhekk irridu naraw li dawn il-faċilitajiet, li l-Gvern f’bosta minnhom ikun għadda l-art lill-għaqda, jitgawdew mill-komunità. Fil-każ ta’ San Ġwann, il-Gvern għen billi għadda l-art, u se jkompli jinvesti fi proġett infrastrutturali. Il-proġett kollu se jsir flimkien mal-MFA u s-settur privat. Din il-koperazzjoni bejn dawk kollha konċernati għandha tkun il-prassi fl-isport fejn l-għan aħħari għandu jkun il-ġid tal-komunità.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032