BIR-RIFORMA TAL-MEPA L-AMBJENT JISSAĦĦAĦ GĦAS-SERVIZZ TAĊ-ĊITTADIN
Diskors indirizzat mill-Onorevoli Leo Brincat Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima waqt konferenza organizzata mill-MEPA bit-titlu Agħti Sehmek Lejn it-Tiġdid tal-MEPA.
Nibda biex inrodd ħajr lill-MEPA għal din l-istedina u opportunità ġentili biex nindirizza din il-konferenza li organizzaw.
Għalkemm qed nitkellmu dwar qasma fil-MEPA żgur li ma nistgħux ngħidu li kien hemm qasma fil-konsultazzjonijiet li saru bejn in-naħa tal-ippjanar u r-responsabilità li ser nassumu dwar l-ambjent.
Għalkemm xogħolna ma tantx kien jinstema' ħdimna bil-għaqal, bil-kwiet fejn ikkonsultajna kemm stajna kif tafu u involvejna nies li naf li jgawdu rispett fi ħdan il-MEPA innifisha u lil hin minnha, speċjalment fil-qasam tal-ambjent. Anke fejn jidħol xogħol ta’ tħejjija fuq il-qafas legali - li ħaġa naturali jkun irid jiġi approvat mill-Kabinett bħal kull liġi oħra.
Bħala punt tat-tluq flok dikjarazzjonijiet għal gallarija saqsejna lilna nfusna għal dak li għandu x’jaqsam ambjent: Kemm ilha mwaqqfa l-MEPA l-għanijiet tal-mission statement tagħha fejn jidħol l-ambjent intlaħqu?
Jekk mhiniex żejjer żball kien il-Profs. Victor Axiak li darba qal li l-unika okkażjoni fejn l-ambjent verament ġie l-ewwel kien fl-isem sħiħ tal-MEPA bil-kelma ambjent tissemma' l-ewwel!
Tul is-snin taħt diversi amministrazzjonijiet kiber il-frustrament tal-istakeholders u f’ċerti każi anke tal-ħaddiema nfushom. Dan filwaqt li kibret il-burokrazija u kiber is-sens ta’ qtigħ il-qalb fost in-nies. Konsegwenza ta’ dan naqqset il-kredibbilita' f’din l-awtorita’, kien hemm effetti fuq l-effiċjenza tal-awtorita’ u bagħtew iċ-ċittadini.
Meta l-ġimgħa li għaddiet ġejt mistieden nindirizza l-ftuħ u l-għeluq tal-konferenza tal-IMPEL organizzata wkoll mill-MEPA, laqtuni żewġ affarijiet.
Minn naħa fil-qasam ambjentali hemm bżonn li jkollna regolatur li jkun kelb tal-għassa u mhux kelb tal-but, li jifhem aktar mill-qrib il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ min huwa serju u integru fil-qasam tan-negozju, tal-kummerċ, tal-investiment u tat-tkabbar ekonomiku. Minn naħa l-oħra importanti li b’sens ta’ ġustizzja u fairness hemm bżonn li jintwerew aktar is-snien kemm fir-rigward ta’ entitajiet oħra tal-Gvern, tal-istakeholders li jistgħu jabbużaw u anke tas-soċjeta’ ċivili li tista’ tkun qed titlob dak li mhuwiex tagħha bi dritt.
Meta xi xhur ilu ltqajt mal-ħaddiema f’Hexagon House għamilt dan li ser insemmi. Għalkemm xtaqt li kellna aktar ħin, żort id-dipartimenti kollha, tkellimt mal-ħaddiema kemm stajt u wara kellimthom ilkoll flimkien u fl-aħħar għidtilhom dan li ġej, li jiena marbut bi tliet affarijiet:
• li nkun biss email ‘il bogħod minn kull wieħed minnhom diment li jressqu suġġerimenti prattiċi li ma jżidux il-piżijiet finanzjarji ta’ entità diġà mgħobbija sew bid-djun,
• li nkun qed nara li ma jħossuhomx children of a lesser god
• u li aħna obbligati bħala Gvern li nimxu fedelment ma’ dak li wegħdna fil-manifest elettorali tagħna, li llum huwa programm ta’ Gvern aktar minn sempliċi programm ta’ xi partit politiku jew ieħor. Iżjed minn hekk huwa marbut mal-mandat li ngħatajna.
Fil-qosor x’inhuma l-miri ewlenin fejn jidħol l-ambjent?
Li l-Gvern ikun qed jieħu b’serjetà u b’impenn akbar il-qasam ambjentali.
Li r-riforma mill-qiegħ tal-MEPA ser neħduha fl-interess ambjentali ta’ pajjiżna biex inkunu f’pożizzjoni aħjar li nindirizzaw l-isfidi li għandna. U dan bit-tir li flimkien ma’ inizjattivi oħrajn, għax wara kollox l-ambjent mhuwiex il-MEPA biss, nippruvaw nkunu ta’ quddiem nett għax hekk jixirqilna fil-qasam ambjentali.
Bil-qasma tal-MEPA wegħdna li ser tissaħħaħ l-awtonomija rispettiva taż-żewġ oqsma importanti, filwaqt li permezz ta’ din ir-riforma jrridu naslu għal bilanċ aħjar bejn il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp responsabbli. Dan mhuwiex biss kliemi.
Impenjajna ruħna mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, anke sa minn qabel l-elezzjoni, li ser naraw li f’dan il-proċess jiġu mħarsa l-impjiegi kollha tal-ħaddiema preżenti tal-MEPA nkluż il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Bil-merger mal-Awtorità tar-Riżorsi ser noħolqu sitwazzjoni fejn l-ambjent jingħata l-prijorità li jixraqlu biex din l-Awtorità l-ġdida tkun aktar proattiva, strateġika u li tiffoka b’mod aktar speċifiku fuq il-ħarsien, it-titjib tal-ambjent (apparti mir-riżorsi), filwaqt li u nikkwota eżatt “tassumi wkoll ir-rwol importanti ta’ regolatur ambjentali li bħalissa pajjiżna m’għandux”.
Fi kliem ieħor mhux biss wegħdna li xejn ma huwa sejjer jintilef iżda ukoll li fejn jidħol l-ambjent ser ikun hemm ukoll qabża fl-kwalità.
Ikun hemm min jgħid imma fil-prattika x’għamiltu s’issa bi tħejjija għal fejn jidħol l-ambjent?
Flok nipproponu biss li naqilgħu l-ambjent mill-ippjanar jew viċi versa, rajna wkoll li mhux biss inkunu f’qagħda li nwettqu l-programm tal-Gvern tal-ġurnata, jżda wkoll li nkunu nistgħu nindirizzaw b’mod sħiħ u ħolistiku l-acquis ambjentali ta’ pajjiżna.
Identifikajna l-hekk imsejħa grey areas. Rajna li n-nies li ser ikunu qed jaħdmu fl-ambjent huma nies li ġenwinament jixtiequ jaħdmu fl-ambjent u dan grazzi għall-eżerċizzju li għamlet il-MEPA nnifisha.
Iltqajna informalment mal-UPAP u tlabna l-ideat tagħhom anke fuq struttura, fuq bażi purament konsultattiva.
Wara li ltqajt mal-ħaddiema kelli feedback pożittiv ħafna u ta’ dan inroddilhom ħajr.
F’dan l-isfond naħseb toħroġ tweġiba għall-mistoqsija naturali: X’inhuwa l-aktar importanti? L-istruttura jew is-sustanza?
Jekk tippermettuli nkun ftit ironiku, anke l-Unjoni Sovjetika kellha fuq il-karta waħda mill-isbaħ strutturi u kostituzzjonijiet, iżda fil-prattika kullħadd jaf fir-realtà kemm kienet ‘il bogħod mill-kliem fieraħ.
Kien għalhekk li ma baxxejniex rasna għall-pressjoni li setgħat saritilna biex infittxu noħolqu struttura jew naħtru Direttur tal-Ambjent f’dan l-istadju.
Li nista’ nassigurakom huwa li filwaqt li konna flessibbli kemm stajna biex ma nżidux il-burokrazija, ir-red tape u nxekklu d-demerger li għandna quddiemna, ħassejna kif qabel magħna kull min tkellimna miegħu, li aktar minn xi liġi riġida għandna bżonn enabling legislation li tiġi segwita b’sensiela ta’ avviżi legali fi stadji ulterjuri.
Qbilna li l-infurzar, tkun xi tkun l-għamla tal-entità li tirregolah, huwa importanti li jgħafas l-aktar fuq l-osservanza (compliance) qabel xejn.
It-tieni nett li meta dan isir għandu jsir minn nies verament kompetenti u li jifhmu fl-ambjent u mhux minn persuni li sal-lum kienu maqtugħa mill-operat ambjentali.
It-tim tagħna meta ltaqa’ mal-Unit Managers għamel dan biex jiddefinixxi aħjar it-termini ta’ referenza għat-tħejjija ta’ legiżlazzjoni li tkun verament tirrifletti il-ħarsien ambjentali.
L-għan tagħna huwa li l-ambjent joħroġ aktar b’saħħtu jżda permezz ta’ strutturi u proċessi ta’ governanza aħjar u aktar streamlined.
F’dan il-kuntest ħadd m’għandu jingħalaq fih innifsu u jirreżisti kwalunkwe ideat ġodda jew innovattivi li nistgħu nkunu qed nimbuttaw ‘il quddiem. Il-kwistjonijiet ta’ loġistika, riżorsi u oħrajn marbuta magħhom qegħdin nittrattawhom fuq livell ta’ Gvern biex l-affarijiet jimxu saħansitra aħjar mill-imgħoddi.
Jekk kull entità u stakeholder jaslu biex jifhmu l-bżonn tat-tibdil propost u kullħadd jifhem u japprezza l-obbligi u r-responsabilitajiet li għandu, digà nkunu wasalna biċċa sew mit-triq tagħna.
Minn naħa tiegħi ser inkun qed ninsisti mingħajr ebda indħil dirett, li mhux biss għandna naraw li jkollna l-aħjar policies f’posthom iżda wkoll li nkunu effettivi fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-policies. Policies sbieħ fuq il-karta għandna kemm tridu.
Fl-aħħar mill-aħħar dan mhuwiex test biss favur l-ambjent. Iżda huwa test dwar l-impenn, is-serjetà u l-kredibbilità. Affarijiet li nemmen li kull wieħed minnha jgħożż, jaħsibha kif jaħsibha fuq affarijiet oħra.
B’żieda ma’ dan wieħed jistenna wkoll il-lealtà ħalli bil-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minnkom u minnha nkunu nistgħu ngħaddu mir-retorika għar-realtà fl-iqsar żmien possibbli, b’sens qawwi ta’ ownership.
Il-bidla għall-ġid tkun verament tinħass meta kull wieħed minnkom flimkien man-nies hemm barra jibdew jintebħu minn rajhom li verament seħħet bidla għall-aħjar.
Li hija wkoll bidla strateġika u mhux sempliċiment qasma intiża biss biex nisseparaw żewġ entitajiet, wara snin sħaħ ta’ hekk imsejħa riformi kontinwi li ħafna drabi ma tawx ir-riżultati mixtieqa.
Inroddilkom ħajr kemm għall-ġejjieni kif ukoll għar-reazzjonijiet pożittivi li wrejtu s’issa. Grazzi mill-ġdid.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032