L-ONOR JOSÉ HERRERA, SEGRETARJU PARLAMENTARI TAL-KULTURA U L-GVERN LOKALI, TKELLEM DWAR L-IMPORTANZA LI L-GVERN JGĦIN LILL-KUNSILLI LOKALI FL-ATTVITAJIET LI QEGĦDIN JIĠU ORGANIZZATI FIL-KUNSILLI LOKALI
Fid-diskors ta’ introduzzjoni waqt il-konferenza stampa għall-attività Għall-Kenn tal-Port, l-Onor Herrera saħaq dwar il-karattru u l-identità li dawn l-attivitajiet qegħdin jagħtu lil lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. “Permezz ta’ dawn l-attivitajiet il-Kunsilli qegħdin ifittxu aktar dwar l-istorja tal-lokalità li jgħixu fiha u mezz importanti ta’ kif jistudjaw u jgħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri dawk l-elementi partikolari li tiddistingwi post minn ieħor. Dawn l-attitivitajiet huma mod ta’ kif naraw ukoll ir-realtajiet ta’ llum.
Matul il-weekend li ġej il-Kunsill Lokali tal-Marsa ser ikun qed jorganizza attività kulturali fil-Menqa tal-Marsa bl-isem Għall-Kenn tal-Port fil-Menqa tal-Marsa. Ser isir re-enactment ta’ meta ġie Malta l-Princep Edward u niżel fil-Menqa. Ma jistax jonqos ukoll li jkun hemm ikel u xorb u diversi wirjiet ta’ parti mill-istorja tal-ħaddiema tal-post u tax-Xatt. Matul il-jumejn tas-Sibt u l-Ħadd ser jieħdu sehem kantanti stabbiliti bħal Claudia Faniello u l-band tagħha, il-Virtuosi Band, DJ Clint Bajada, DJ Joseph Armani, Marisa D’Amato, Joe Demicoli, Glenn Vella, Greenfields flimkien ma’ kantanti stabbiliti oħrajn. Ma dawn ser jieħdu sehem ukoll skejjel ta’ żfin, Marsa Scouts Group u marċi mill-baned tal-lokal kemm ta’ Marija Regina kif ukoll tat-Trinità Qaddisa.
L-Għaqda Storika Kulturali Marsa u l-Pageant Group ser jieħdu ħsieb ir-re-enectment. Il-Kumitati Festi Esterni ta’ Maria Reġina u tat-Trinità Qaddisa ser jieħdu ħsieb l-armar għal din l-attività. Ser ikun hemm ukoll ħwienet tal-ħaxix u tal-frott, bejgħ tal-ħut frisk, logħob varjat għat-tfal, wirja ta’ dgħajjes fil-Menqa, għana kif ukoll servizz ta’ train u karozzin biex jiġbor nies minn diversi bnadi madwar il-Lokal kollu. Fost il-logħob ser ikun hemm logħob tal-ballun fit-triq minn Nursery tal-Klabb tal-Marsa biex ifakkru kif kien jintlagħab il-ballun fit-toroq.
Din l-attività ġiet organizzata bil-koperazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari Kultura u Gvern Lokali, il-Ministeru tat-Turiżmu kif ukoll is-Segretarjat Parlamentari tas-Sajd u Ħarsien tal-Annimali.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032