IS-SERVIZZ TAL-MEUSAC F’GĦAWDEX MHUX SER JIEQAF
B’referenza għar-rapport li xxandar nhar il-Hamis 10 ta’ Ottubru 2013 fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, il-MEUSAC tiċħad bl-iktar mod kategoriku li ser jieqaf is-servizz tal-MEUSAC f’Għawdex. Dan ġie kkonfermat mill-president tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex u tal-Gozo Business Chamber, kif ukoll mill-Kap Esekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex u mill-President tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-NGOs li lkoll ikkonfermaw, skont l-istess rapport, li għalkemm ġew infurmati li l-uffiċċju reġjonali għal Għawdex se jiċċaqlaq, ma kinux infurmati dwar il-waqfien tas-servizzi tal-MEUSAC. Ir-raġuni għalfejn ma kinux infurmati hi propju għaliex dawn is-servizzi mhux ser jitwaqqfu. Wieħed kien jimmaġina li kif min kiteb ir-rapport għamel kuntatt ma’ dawn l-organizzazzjonijiet u mal-Ministeru għal Għawdex dwar din il-materja, seta’ faċilment għamel kuntatt mal-MEUSAC u kien jingħata tweġiba ċara li s-servizz tal-MEUSAC f’Għawdex mhux ser jieqaf.
Tant hu hekk, li fil-21 ta’ Ottubru, uffiċjali tal-MEUSAC għandhom sensiela ta’ laqgħat mal-Gozo Business Chamber, mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex u mal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex biex jiddiskutu magħhom kif il-MEUSAC tista’ ttejjeb u ssaħħaħ is-servizzi li toffri f’Għawdex. Fl-istess ġurnata, il-Kap tal-MEUSAC għandu jiltaqa’ mal-Ministru għal Għawdex biex jiddiskuti miegħu kif tista’ tikber il-kollaborazzjoni bejn il-MEUSAC u dan il-Ministeru għall- benefiċċju tal-kunsilli lokali, tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs f’Għawdex.
Il-MEUSAC jassigura li ċ-ċaqliq tal-uffiċċju konġunt tal-MCESD u l-MEUSAC mhu se jaffettwa bl-ebda mod is-servizzi li l-MEUSAC joffri lill-kunsilli lokali, lis-soċjetà ċivili u lill-NGOs f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032