Left arrow Go Back

IL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU JNIEDI L-INIZJATTIVA MY MALTA

pr2197
Date Icon 08/10/2013

Kompetizzjoni fotografika abbinata ma’ bosta premjijiet sbieħ fejn l-aqwa ritratti mistennija jkunu esebiti fil-Berġa tal-Italja u użati għal fini ta’ promozzjoni.

Il-Ministeru għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u mal-Istitut Malti għall-Fotografija Professjonali (MIPP) għadu kemm nieda kompetizzjoni fotografika bl-isem ta’ My Malta. Il-kompetizzjoni għandha l-għan li sservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni artistika biex tippromwovi l-Gżejjer Maltin mill-aspett turistiku b’mod pożittiv, b’emfasi partikolari fuq l-awtentiċità, is-sbuħija ta’ pajjiżna, l-aspett kulturali, it-tradizzjoni u l-istil ta’ ħajja tagħna l-Maltin.

Fi żmien fejn l-użu tar-ritratti kiber b’mod sostanzjali fl-isfond tad-disponibilità ta’ bosta mezzi elettroniċi moderni bħal mobile phones u smart phones li llum il-ġurnata jinkludu faċilitajiet ta’ cameras sofistikati, il-Ministeru qed iħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex juża l-kreattività tiegħu u jissottometti ritratti ta’ kwalità, fl-istess ħin li jidħol biċ-ċans li jirbaħ premjijiet sbieħ.

Il-kompetizzjoni tkopri bosta temi li kollha b’xi mod huma relatati mal-qasam turistiku fosthom:

·         Arkitettura u Bini

·         Artiġġjanat Malti  u Gastronomija

·         Festi, Festivals u tradizzjonijiet oħra

·         Sports u Rikreazzjoni

·         Bajjiet u Xenarji

·         Avjazzjoni

·         Għawdex

Il-kompetizzjoni hija miftuħa għar-residenti kollha ta’ Malta u Għawdex, bl-età minima għal dawk li jixtiequ jissottomettu r-ritratti tkun ta’ 16-il sena.

Kull parteċipant jista’ jissottometti sa massimu ta’ 4 ritratti għal kull tema, u dawn iridu jiġu uploaded b’mod elettroniku billi wieħed jaċċessa s-sit tal-Ministeru għat-Turiżmu www.tourism.gov.mt

Il-kompetizzjoni tibqa miftuħa sat-Tlieta 17 ta’ Diċembru 2013 f’12.00 P.M. filwaqt li r-rebbieħa jitħabbru matul ix-xahar ta’ Jannar 2014.

Kull sottomissjoni se tkun qed tiġi evalwata minn grupp t’esperti indipendenti magħżul mill-MIPP, mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-MTA. L-ebda espert mhu se jkollu konoxxenza ta’ min ikun issottometta r-ritratt, filwaqt li d-deċiżjoni tal-esperti tkun waħda finali.

L-aqwa ritratti se jkunu qed jintużaw f’esebizzjoni li għandha tittella’ aktar tard is-sena d-dieħla fil-foyer tal-Berġa tal-Italja liema bini jospita fih ukoll il-Ministeru għat-Turiżmu u l-uffiċini tal-MTA.

Fost il-premjijiet abbinati ma’ din il-kompetizzjoni hemm titjira għal tnejn lejn kwalunkwe destinazzjoni li fiha topera l-Air Malta mogħtija mill-istess kumpanija, kif ukoll weekend break għal żewġ persuni għal min jikkwalifika fl-ewwel post.

Il-premju abbinat ma’ min jiġi fit-tieni post jinkludi akkomodazzjoni għal ġimgħa sħiħa fi suite għal żewġ persuni fuq bażi full board fil-lukanda Intercontinental Malta. Premjijiet oħra ta’ weekend breaks se jingħataw għal min ikollu l-aħjar ritratt fil-kumplament tat-temi.

Il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-MTA jixtiequ jirringrazzjaw lill-isponsors kollha wrew fiduċja f’din l-inizjattiva u li jinkludu l-Air Malta, Intercontinental Hotel Malta, Fortina Spa Resort, Grand Hotel Excelsior, Hilton Malta, Radisson Blu Golden Sands, Radisson Blu St. Julian’s u Gozo Farmhouses.

Impjegati tal-Ministeru, tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u membri li jagħmlu parti mill-kumitat organizzattiv flimkien mal-panel li se jiġġudikaw ir-ritratti ma jistgħux jipparteċipaw.

Dettalji sħaħ abbinati ma’ din il-kompetizzjoni flimkien ma’ kopja sħiħa tat-termini u kundizzjonijiet jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tal-Ministeru għat-Turiżmu www.tourism.gov.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

More Press Releases Right arrow