STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA
Ingaġġ ta’ 141 infermier ġdid fil-Qasam tas-Saħħa
141 infermier ġdid mil-lum bdew l-ingaġġ tagħhom mad-Dipartiment tas-Saħħa. Dan in-numru sostanzjali ta’ gradwati ġodda, se jkompli jtejjeb il-compliment tal-infermiera mifruxa f’diversi oqsma fis-settur tas-servizz tal-kura tas-saħħa.
Fost dawn l-infermiera ġodda hemm erbgħa li huma gradwati fil-Baċellerat tal-Kura Mentali tat-Tfal u Adoloxxenti, u għalhekk qed jissaħħaħ is-servizz li jingħata barra mill-Isptar Monte Carmeli.
130 infermier bdew jagħtu s-servizz tagħhom f’diversi sptarijiet tal-Gvern; l-Isptar Mater Dei, l-Isptar Pawlu Boffa, fil-Qasam tal-Kura Primarja tas-Saħħa u fl-Isptar Monte Carmeli.
Ħdax-il infermier qed jagħtu s-servizz tagħhom fil-qasam tal-Kura tal-ġeratrija, fi ħdan il-Minsteru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.
Fost dawk li bdew jagħtu s-servizz tagħhom fl-Isptar Monte Carmeli, sitt infermiera huma gradwati fil-Kura tas-Saħħa Mentali.
Bl-ingaġġ ta’ dawn l-infermiera, s-servizz li jingħata fiċ-Ċentru għas-Saħħa tal-Gzira u l-bereġ tad-distrett, ġie lura għan-normal.
Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li jawgura lill-infermiera ġodda, se jibqa’ jkun kommess li jħajjar liż-żgħażagħ biex bħala karriera tagħhom jagħżlu mill-opportunitajiet ta’ health care professionals, fosthom infermiera. Is-settur tas-saħħa jagħti wkoll diversi opportunitajiet ta’ speċjaliżazzjoni biex dawk kollha li jagħżlu din il-qasam ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom.
B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, l-Ministeru għas-Saħħa jtenni li kontra kif kien jiġri fil-passat, meta l-infermiera ġieli tħallew jistennew xhur sħaħ qabel ma ħadu l-impjieg tagħhom, dan l-inġagg sar fl-inqas żmien possibbli.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032