INSAĦĦU L-UNIVERSITÀ TAT-TIELET ETÀ FIL-KOTTONERA
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva l-Onor. Dr Franco Mercieca ħabbar dalgħodu li bi sħubija mal-Università ta’ Malta, il-Gvern se jkun qiegħed jgħin biex isaħħaħ l-Università tat-Tielet Età fil-Kottonera.
Meta kien qiegħed jindirizza ċ-ċerimonja tal-ftuħ tas-Sena Akkademika tal-Università tat-Tielet Età fl-Istitut Kattoliku l-Floriana, Dr Mercieca sostna li l-viżjoni tal-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, hija li jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp b'suċċess tal-Università tat-Tielet Età f'Malta biex din l-esperjenza tilħaq aktar lokalitajiet f'Malta.
Fil-fatt l-Onor. Segretarju Parlamentari ħabbar li l-Gvern se jkun qiegħed jgħin biex jittellgħu korsijiet għal anzjani li jattendu l-Università tat-Tielet Età fiċ-Ċentru ta’ Riżorsi fil-Kottonera.
“Din mhix se tkun l-ewwel u l-aħħar inizjattiva u għaddejjin diskussjonijiet mal-Università ta’ Malta biex il-gvernijiet jikkontribwixxu lejn it-twaqqif ta’ ċentri oħrajn”, qal Dr Mercieca.
Huwa żied jgħid li l-viżjoni tal-Gvern dwar it-tagħlim għall-adulti anzjani tmur lil hinn mill-Università tat-Tielet Età u fil-fatt semma li se jkunu qed jittieħdu inizjattivi biex fost oħrajn il-kunsilli lokali jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex ikollhom irwol ewlieni fl-għoti u l-kordinazzjoni ta’ inizjattivi ta’ tagħlim tard matul il-ħajja fil-komunità tagħhom, kif ukoll permezz ta’ sħubija mas-settur privat u għaqdiet mhux governattivi.
L-Onor. Segretarju Parlamentari semma wkoll il-ħtieġa li tinbeda strateġija li tinvolvi u li tattira lil anzjani li fil-bicca l-kbira ma jkunux motivati biex jieħdu sehem f’taħriġ edukattiv billi ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani jinbidlu f'Ċentri ta' Tagħlim tul il-Ħajja.
Dr Mercieca saħaq ukoll fuq il-bżonn li jitjiebu l-opportunitajiet ta’ tagħlim fid-djar u f’residenzi għall-anzjani permezz ta’ twaqqif ta’ Active Ageing Unit biex hekk il-persuni anzjani kollha, irrispettivament mill-qagħda ta’ saħħithom, ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f'attivitajiet ta' tagħlim.
Fid-diskors tiegħu Dr Mercieca sostna li l-Università tat-Tielet Età hija kkaratterizzata minn sens ta’ vitalità u dinamiżmu li tmur lil hinn minn dak li ħafna drabi nassoċjawh ma’ ċentri edukattvi għall-adulti.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032