TLESTIET IL-PARTI L-KBIRA TAL-PROĠETT TAL-BAĊIR NUMRU WIEĦED
F’Marzu li għadda, proprju ftit ġranet wara l-Elezzjoni Ġenerali, il-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla kien għadu fi stat ta’ telqa u dan minkejja li kienet intnefqet is-somma ta’ kważi €5 miljun sal-ewwel ta’ April li għadda. Barra minn hekk, sa April li għadda, tħallsu wkoll aktar minn miljun u nofs lill-periti inkarigati mid-disinn.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi fakkar kif f’Marzu li għadda wiegħed li sal-aħħar ta’ Settembru se tingħata lura lill-poplu l-parti l-kbira tal-proġett ta’ Bormla.
“Kif tistgħu taraw madwarkom, f’dawn l-aħħar ftit xhur, sar ħafna progress, grazzi għall-Gvern preżenti li qed jieħu dan il-proġett bis-serjeta. Mill-ewwel tajna spinta lil dan il-proġett, iżda dan ma jfissirx li aħna kuntenti u lesti minn kollox,” qal il-Ministru Joe Mizzi.
Lejn l-aħħar ta’ Ottubru, bidu ta’ Novembru, suġġett li ma jkunx hemm appelli, se jibda xogħol infrastrutturali ta’ proġetti b’fondi tal-UE. Baqa’ xogħol ta’ ‘turf’ li se jibda fil-ġranet li ġejjin, xogħol li ma setax isir fis-Sajf, kif ukoll baqa’ xi xogħlijiet żgħar.
Fi Pjazza Gavino Gulia beda xogħol infrastrutturali ta’ pavimentar u saret ukoll sistema ġdida tal-għargħar permezz ta’ ‘connection’ mal-ġibjun ta’ Santa Liena biex ikunu jistgħu jissaqqew il-ġonna l-ġodda u b’hekk il-proġett tkabbar kważi bid-doppju. Barra minn hekk, qed issir sistema ta’ ‘filtering’, li tipproduċi 35m kubu ta’ ilma kuljum biex tikkumplimenta l-ilma neċessarju għat-tisqija. Tlesta wkoll ir-restawr tal-ġibjun li se jintuża għat-tisqija u r-restawr tal-ħitan ta’ mal-ġibjun.
“Dan ix-xogħol kollu sar f’qasir żmien fejn kellna nirranġaw ħafna min-nuqqasijiet li sibna. Barra minn hekk, baqagħlu jiġi investiment ta’ €1.7 miljun biex jitlesta l-proġett. Se nibqgħu naħdmu bla heda kemm fil-parti li llum qed nagħtu lura lill-pubbliku u anke fejn hemm fondi tal-UE biex il-proġett, inkunu nistgħu ngħidu li huwa kompletament lest sas-Sajf li ġej,” temm jgħid il-Ministru Joe Mizzi.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032