STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT DWAR IŻ-ŻJARAT UFFIĊJALI LI SARU MATUL IS-SAJF
Sur President,
Nixtieq illum nirrapporta ħidma li saret minn dan il-Gvern matul ix-xhur tas-sajf li wasslu għal kisbiet importanti li għandhom iwasslu għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies, familji u negozji.
Dan kien sajf impenjattiv ħafna min-naħa tal-Gvern tiegħi, fejn ma strahniex. Urejna li ma aħniex lesti npoġġu bil-qiegħda b’idejna marbutin nistennew ir-riżultati jaqgħu mis-smewwiet. Morna aħna għax-xogħol, fittixna x-xogħol u ġibna riżultati konkreti ħafna.
Mill-bidu nett ridt nuri li ż-żjarat li jkolli bħala Prim Ministru ma jkunx sempliċiment żjarat ta' kortesija, izda jridu jkunu sors ta’ kif inġibu x-xogħol lejn Malta. Ta’ kif inġibu investiment f’Malta. Ta’ kif naraw li npoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa dinjija.
Sinċerament, ma’ kull min iltqajt, mill-Afrika ta’ Fuq, sal-Ewropa, sal-Golf Għarbi, Lvant Nofsani, l-Istati Uniti u fl-Asja ... ħadd ma qalli li jħoss li Malta hija l-agħar fl-Ewropa! Anzi, jemmnu f’pajjiżna, jemmnu fil-poplu Malti u nassigurakom li kull fejn kont, dejjem tkellimt bi kburija dwar pajjiżi. Hekk dejjem għamilt u hekk dejjem se nagħmel, b' konsistenza, mill-Oppożizzjoni u mill-Gvern.
Altru milli l-aħħar – fost l-aqwa, u fadlilna x’nikbru. Il-messaġġ ta’ dan il-Gvern huwa pożittiv, u se jibqa’ pożittiv.
Iż-żjara fil-Libja li kienet reċiprokata bi żjara mill-Prim Ministru Libjan f’Malta, iż-żjarat fl-Ukrajna, fiċ-Ċina u anke l-laqgħat bilaterali li kellna waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Ġnus Magħquda qed iħallu l-frott.
Ftehim mal-Libja għal fuels orħos
Ir-relazzjoni ta’ pajjiżna mal-Libja kienet, għadha u tibqa’ mill-aqwa. Mis-sebgħinijiet meta pajjiżna kien qrib il-poplu Libjan fi żmien ta' bidla, sa ftit tas-snin ilu fir-rivoluzzjoni li saret.
Din ir-relazzjoni qiegħda issa tissarraf b’mod tanġibbli u għandha twassal għal win-win deal għaż-żewġ pajjiżi. Mill-kliem, illum għaddejna għall-fatti u għamilna qabża oħra fir-relazzjonijiet mal-Libja.
Fiż-żjara li għamel il-Prim Ministru Ali Zeidan f’Malta ffirmajna Memorandum of Understanding li beda jinħema fl-ewwel żjara tiegħi ta’ jum fil-Libja, u kompla bil-follow up waqt il-laqgħa li kellna l-gimgħa l-oħra fil-Ġnus Magħquda.
Permezz ta’ dan il-ftehim il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin eventwalment se jibbenefikaw minn prezzijiet orħos tal-fuels li jiġi importat mil-Libja.
Il-prodotti li lħaqna qbil fuqhom, u li se jkollna prezzijiet favorevoli fuqhom, huma iż-żejt (proċessat jew mhux), diesel, petrol, jet fuel u gass taċ-ċilindri. Fuq dawn se jkollna termini favorevoli li qed jiġu negozjati.
Dan il-ftehim se jgħin iktar lill-Enemalta biex tkompli titpoġġa fuq sisien sodi, filwaqt li se joffri lill-konsumatur u lill-industrija iktar stabbilta’ b’mod li nibqgħux niddependu biss mis-swieq internazzjonali biex nissettjaw il-prezz tal-fuels tagħna.
Dan il-ftehim jidħol fis-seħħ hekk kif il-Libja tibda żżid il-produzzjoni taż-żejt tagħha u l-ammonti li tipproduċi jiġu għan-normal.
Il-Ftehim isemmi wkoll li fil-medium u long term, Malta ssir ċentru minn fejn il-Libja tkun tista’ tipprovdi servizzi fis-settur tal-enerġija lill-bqija tal-Ewropa.
L-għan tagħna se jkun mhux li sempliciment nixtru l-enerġija mill-Ewropa, iżda li eventwalment inkunu nistgħu nissuplixxu aħna lill-bqija tal-Ewropa u nsiru hub tal-enerġija.
Flimkien mal-Libja qbilna wkoll li nibdew nikkusidraw tiftix għaż-żejt u l-gass fiż-żona li fiha għandna kwistjoni mal-Libja. Din hija inizjattiva simili għal dak li għamilna mal-Italja.
Dan it-tiftix jagħmel sens biex flok inħallu dan il-potenzjal mejjet minħabba kwistjoni ta’ territorju, naraw kif nibdew nutilizzawh. Użajna s-sens komun u wasalna biex nagħmlu l-ewwel pass. Jekk Alla jrid inkunu nistgħu nirrapportaw iktar progress wara laqgħat tekniċi li qed isiru bejn iż-żewġ naħat.
Fl-istess ftehim, Malta se sservi ukoll ta’ ċentru ta’ tagħlim tal-Ingliż għall-ħaddiema Libjani li jaħdmu fis-settur taż-żejt u l-gass f’pajjiżhom. Għal dan il-għan se tintuża l-iskola ta’ Ta’ Giorni, fost l-oħrajn. Dwar dan iċ-ċentru lħaqna ftehim biex il-Gvern Libjan jinvesti e21 miljun biex ikun post ta' żvilupp u li jħares lejn il-futur. Biex tinvesti e21 miljun fi proġett wieħed, bilfors li l-Gvern Libjan jemmen, kif nemmnu aħna, li Malta hija fost l-Aqwa fl-Ewropa.
Nemmen li dan il-ftehim se jdaħħal ir-relazzjoni mal-Libja f’livell ġdid ma’ pajjiż li jrid iħares li jimxi ‘il quddiem.
Iktar minn hekk iżda, jekk kif jien fiduċjuż li jsir, nagħlqu dan il-ftehim, se nkunu qed insaħħu l-Enemalta u nagħtu iktar stabbilta’ fil-prezz tal-petrol, diesel, fuel jet u prezz tal-LPG.
Turnaround għall-Enemalta
Fiċ-Ċina, jien bħala Prim Ministru kont mistieden nattendi għall-Forum Ekonomiku Dinji, magħruf bħala Summer Davos. Ipparteċipajt f’dan il-Forum u tajt il-kontribut tiegħi waqt laqgħa dwar il-Futur tal-Ewropa flimkien mal-Prim Ministru tal-Finlandja u l-Prim Ministru tal-Bulgarija. F’dan il-Forum jipparteċipaw leaders fl-industrija, CEOs ta’ kumpaniji kbar u mexxejja politiċi mid-dinja kollha.
Iċ-Ċina serviet ta’ sfond xieraq għall-messaġġ favur tkabbir ekonomiku li konna qed niddiskutu fil-World Economic Forum. Il-Prim Ministru taċ-Ċina Li Keqiang f’diskors li għamel spjega l-intenzjonijiet taċ-Ċina li tkompli tiftaħ u tinvesti fl-ekonomija tagħha u wrew bis-serjeta’ li huma miftuħin għall-business. Il-Prim Ministru Ciniz qal li fis-snin li gejjin, pajjiżu se jinvesti e500 biljun u se jibgħat 200 miljun turist madwar id-dinja.
Nassigura lil din il-Kamra li l-interess fiċ-Ċina ġej mid-dinja kollha u l-Gvernijiet tal-Punent, bħal Malta, qed jagħmlu minn kollox biex joqorbu lejn dan il-pajjiż li għandu t-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja. Araw x’qed jiġri fir-Renju Unit, fost l-oħrajn.
B’hekk rajna opportunita’ u ħdimna bil-għaqal kmieni f’din il-leġislatura biex inġibu lejn Malta investiment f’qasam kruċjali għall-ekonomija Maltija, għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, l-Enerġija.
Permezz ta’ ħidma li saret mill-Ministru tal-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma u t-team tiegħu flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ikkonkludejna negozjati li wassluna biex fil-11 ta’ Settembru 2013 iffirmajna Memorandum of Understanding biex kumpanija ewlenija tal-Enerġija, China Power Investment u s-sussidjarja tagħha Shanghai Electric, uħud mill-akbar kumpaniji fiċ-Ċina u fid-dinja, jinvestu fl-Enemalta permezz ta’ sehem minoritarju f’din il-kumpanija parastatali.
Nixtieq nieħu l-okkażjoni f’dan l-istadju biex nagħti ftit fatti dwar l-istat li sibna fiha l-Enemalta meta dħalna fil-Gvern ftit iktar minn sitt xhur ilu.
· L-Enemalta ilha tagħmel telf sa mill-2001, bi ftit eċċezzjonijiet li għalihom ħallsu l-familji u negozji permezz ta' kontijiet ogħla.
· Id-dejn tal-Enemalta laħaq it-€840 miljun.
· Is-sena l-oħra l-Enemalta għamlet €70 miljun f’telf.
· Il-cash flow tal-kumpanija huwa negattiv
· U rajna Enemalta li ġiet downgraded għal darba darbtejn minn aġenziji ta’ kreditu li jgħidu wkoll li l-credit rating ta’ din il-kumpanija parastatali qed tiġbed magħha lill-pajjiż kollu. Dan kien il-wirt li sibna.
Dan biex ma nsemmix it-taħwid u intriċċi li qed nisimgħu fil-Public Accounts Committee li juru li din il-Korporazzjoni kienet xempju tat-tmexxija tal-pajjiż sa ftit tax-xhur ilu.
Sur President, ngħidha b’għafsa ta’ qalb, dan hu l-legat fl-Enemalta li ħallew il-persuni li jinsabu bil-qiegħda quddiemna fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Imma aħna x’għamilna?
Aħna pożittivi mhux negattivi.
Ma smajtuniex neqirdu kuljum dwar il-problemi fl-Enemalta. Ma tfajnix ħaddiema l-barra għax sibna sitwazzjoni diżastruża li ħallewlna ta’ qabilna. Bdejna naħdmu mill-ewwel jum biex indawru din il-korporazzjoni minn mażżra għall-pajjiż għal waħda li se tkun tagħti nifs lill-pajjiż.
Minn telf għal benefiċċji. Minn ċentru li kemm kemm iservi għal pajjiżna għal ċentru biex jissupplixxi u jagħti servizz fl-Enerġija lil pajjiżi oħra.
Essenzjalment il-konvenju li għamilna maċ-Ċina, preċiżament ma’ China Power Investment u Shanghai Electric Power li hija kumpanija fost l-aqwa 500 kumpanija fid-dinja, iwassal biex iċ-Ċiniżi jkunu azzjonisti ta’ minoranza.
Il-kontroll tal-kumpanija se jibqa’ kompletament f’idejn il-Gvern Malti.
U Sur President, nassigura lill-sieħbi l-Kap tal-Oppożizzjoni li l-iswiċċ tal-elettriku se jibqa’ f’idejna, u se jkun f’idejn sodi.
Dan il-ftehim se jwassal biex ikun hemm cash injection fl-Enemalta li se tkun tfisser tnaqqis sostanzjali fid-dejn tal-Korporazzjoni.
B'hekk se jkun qed jitneħħa parti mill-piż kbir li t-taxpayers ilhom iġorru għal 25 sena sħaħ, filwaqt li se jkunu qed jiġu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema, li kienu tpoġġew fil-periklu minn dan id-dejn.
Dan il-Memorandum of Understanding jitkellem ukoll fuq iktar investiment f’Malta fil-forma ta’ Ċentru ta’ Servizzi fl-Enerġija liema investiment se jsir minn kumpanija li titwaqqaf bi sħab mal-Enemalta. Dan ikun iservi ta’ service centre għal impjanti tal-enerġija mad-dawra tal-Mediterran u l-Afrika.
Dan iċ-Ċentru se jkun sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalita’ għal pajjiżna. Sors ta’ green jobs u mod ieħor ta’ kif l-Enemalta tiddifersifika u twessa’ r-revenue stream tagħha.
Investiment ieħor se jkun fil-qasam tas-Solar Photovoltaic Panels li permezz ta’ dan il-ftehim jistgħu jibdew jiġu manifatturati Malta. Punt importanti ħafna kemm għall-iżvilupp tal-enerġija rinovabbli f’Malta u anke għal iktar ħolqien ta’ impjiegi.
Sa issa ffirmajna l-konvenju. Għandna sitt xhur biex niddiskutu l-kuntratt. Qabel nikkonkludu, se niġu quddiem dan il-Parlament, f' turija ta' trasparenza li ftit li xejn saret qabel.
Fil-każ tal-Enemalta, minn taħżiż fuq il-karta fl-agħar tip ta' tmexxija, se nimxu għal trasparenza sħiħa.
Nittama li l-Oppożizzjoni tkun pożittiva. Sa issa rajna messaġġi konfużi. L-ewwel il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jattakka qatta bla ħabel, imbagħad id-Deputat Kap tiegħu kiteb artiklu fejn deher li fih qed ikun miftuħ għall-investiment. Imbagħad reġa’ attakka l-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda wara ltaqa’ mal-Ambaxxatur Ċiniż u reġa’ dawwar il-kliem. Imbagħad reġa’ attakka biex fl-aħħar il-Kelliem tal-Oppozizzjoni għall-Affarijiet Barranin ħareġ ifaħħar ir-relazzjonijiet maċ-Ċina. Tistgħu tgħidulna l-Oppożizzjoni fejn hi u xi trid verament? X' inhu l-pjan tal-Oppożizzjoni għall-Enemalta?
Ħalli nfakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni li filwaqt li hu kien qed jibdel minn pożizzjoni għall-oħra, il-maġġoranza kbira tal-istakeholders qablu bl-iktar mod assolut li dan kien pass importanti ħafna għall-ġid tal-pajjiż.
Dan kollu huwa xogħol li qed isir flimkien ma’ proġett ieħor relatat – il-qalba minn Heavy Fuel Oil għal gass nadif biex niġġeneraw l-enerġija ta’ pajjiżna. Dan il-proġett jinsab on track u se jwassal biex inwettqu l-wegħda ewlenija ta’ dan il-Gvern li f’Marzu li ġej inraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u bil-qalba minn żejt għal gass ikollna arja aktar nadifa.
Stabbilta’ fil-prezzijiet tal-fuels u l-gass
Sadanittant, filwaqt li konna impenjati naħdmu biex insibu msieħba strateġiċi biex jinvestu fil-qasam tal-enerġija, f’Malta bdejna naħdmu biex indaħħlu stabbilta’ f’qasam ieħor li kien qed jaqta’ nifs l-ekonomija: il-prezz tal-petrol, id-diesel u l-gass.
Nistqarr li waħda mill-affarijiet li jdejjquni hija t-tħabbira tal-prezz tal-petrol, id-diesel fl-aħħar tax-xahar. Fl-opinjoni tiegħi xi ħaġa li ma tħallik qatt tippjana mqar għal tliet xhur sħaħ. Min ikellimni fil-qasam tan-negozju jgħidli l-inċertezza fil-prezz tal-petrol, diesel u gass minn xahar għall-ieħor tkissirna.
Kemm konna nisimgħu – “ma jista’ jsir xejn għax il-prezz tal-petrol u d-diesel huwa ddettat mis-suq internazzjonali”.
Inressqu d-dubji tagħna u dlonk xi ħadd mill-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien idaħħal fin-nofs il-prezz internazzjonali. Il-prezz internazzjonali tiegħla u l-prezz internazzjonali nieżel.
Dħalna aħna, u bl-istess prezz internazzjonali, bl-istess realtajiet jekk mhux agħar, nistgħu nħabbru li prezz internazzjonali jew mhux, in-negozji żgħar u kbar u l-familji jafu kemm se jkun il-prezz tal-petrol u d-diesel sal-aħħar tas-sena!
Rocket science? Le.
Gvern li jifhem ir-realtajiet tan-nies ġewwa d-djar tagħhom, ġewwa n-negozji tagħhom. Jisma’ dak li għandhom xi jgħidu u jaġixxi fuq il-bżonnijiet tagħhom.
Iddiskutejna u wasalna biex sal-aħħar tas-sena se jkollna prezz ridott għall-petrol ta’ b’6 ċenteżmi u għad-diesel b’2 ċenteżmi.
Imma l-iktar parti importanti hi dan il-prezz mhux se jiċċaqlaq għal tliet xhur sħaħ.
Wara li ħabbarna li rnexxielna niffissaw il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel sal-aħħar tas-sena, b’roħs ta’ sitt ċenteżmi u ta’ żewġ ċenteżmi rispettivament, għidna li konna se nikkonċentraw biex ikollna wkoll stabbilita’ fil-prezzijiet tal-gass.
Id-direzzjoni għall-stabbilita’ fil-prezzijiet għall-familji u n-negozji u stabbilita’ ekonomika, konna tkellimna dwarha ftit taż-żmien ilu, meta għamilna talba biex ir-regolatur iniedi qafas ġdid fl-aħħar tas-sena ta’ kif jitfasslu l-prezzijiet tal-gass biex ikun hemm aktar stabbilita’.
Illejla, bi pjaċir inħabbar li grazzi għall-koperazzjoni fost oħrajn tal-kumpanija Liquigas, irnexxielna li l-prezz tal-gass ukoll se jibqa’ stabbli sal-aħħar ta’ din is-sena.
Matul dan l-perjodu, il-prezz taċ-ċilindri tal-gass kull sena jogħla xahar wara l-ieħor.
Fil-fatt, il-prezz ta’ ċilindru gass tat-12-il kilo fl-aħħar 3 xhur tas-sena li għaddiet kien żdied b’€2.10c u laħaq il-prezz ta’ €20.60c
Issa rnexxielna li nillokkjaw il-prezz tal-gass għat-tliet xhur li ġejjin għal massimu ta’ €18.30ċ għaċ-ċilindru tat-12-il kilo li huwa l-iktar ċilindru wżat mill-familji.
Il-prezz tal-gass għalhekk se jibqa’ l-istess sal-aħħar tas-sena u mhux se jerġa' jogħla f'Novembru u Diċembru.
Għalhekk, il-familji u negozji se jgawdu minn stabbilta’ u anke fil-maġġoranza tal-każijiet roħs fuq is-sena li għaddiet.
Bejn il-perjodu ta’ Settembru u Diċembru, is-sena li għaddiet, il-prezz taċ-ċilindru tal-gass tat-12-il kilo kien tela’ minn €18.50ċ għal €20.60ċ.
F’Ottubru tas-sena li għaddiet għall-istess ċilindru gass, il-prezz kien €19.60ċ - €1.30 iktar minn kemm illokkjajna bih.
Fit-tliet xhur li ġejjin, ċilindru tal-gass se jkun €1.66ċ orħos mill-medja tal-aħħar xhur tas-sena l-oħra.
Bil-prezz il-ġdid, il-konsumaturi, se jkunu qed jiffrankaw aktar minn żewġ ewro f’Diċembru meta tqabblu ma’ Diċembru tas-sena l-oħra.
Il-prezz li ġie ffissat għall-familji huwa orħos mill-prezzijiet li kien hemm f’disa’ xhur sħaħ fis-sena li għaddiet.
L-għan tagħna huwa li kemm jista’ jkun immorru f’direzzjoni li tipprovdi stabbilita’ fil-prezzijiet għall-familji u n-negozji biex dawn ma’ joqgħodux jinkwetaw xahar b’xahar kif se jiżdiedulhom l-ispejjeż.
Se nkomplu nahdmu biex fix-xhur li gejjin indaħħlu aktar stabbilita', li tgħin il-ħolqien tax-xogħol.
Konxji li dawn in-negozjati huma sensittivi. Madankollu minn ftehimiet bħal dawn ikun qed igawdi l-pajjiż kollu. Minn dik l-anzjana li tixgħel il-heater, sa dak in-negozju żgħir li għand żewġ jew tliet karozzi fit-toroq u jimpjega ħamsa min-nies, sal-industrija u fabbriki li jimpjegaw eluf ta’ rġiel, nisa, ommijiet u missirijiet.
It-68 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York
Fi New York kelli l-okkażjoni li nindirizza għall-ewwel darba l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. L-esperjenza li tisma’ u tipparteċipa flimkien ma’ Mexxejja ta’ pajjiżi mid-dinja tpoġġilek sens ta’ perspettiva.
Il-kwistjoni tal-attakki kimici fs-Sirja ddominat din l-Assemblea Ġenerali.
Fl-opinjoni tiegħi s-sens komun qed jirrenja u l-isforzi multi-laterali biex tinstab soluzzjoni paċifika kienu kruċjali. Intenni l-pożizzjoni ħadna sa mill-bidu ta’ din il-kwistjoni. Is-soluzzjoni diplomatika u ta’ raġjuni għandha tiehu s-soppravent. Bi pjaċir ninnota li din hi t-triq li nqabdet minn kulħadd u filwaqt li ma għandna nittolleraw l-ebda forma ta’ vjolenza, is-sens komun jidher li qed jipprevali.
Fid-diskors tiegħi ffukajt fuq, fost l-oħrajn, il-kawża li twassal għall-immigrazzjoni illegali li qed twassal għall-problemi li qed niffaċċjaw fil-Mediterran, b’mod partikolari f’Malta. Għaqqadt dan mal-problemi ta’ faqar f’pajjiżi inqas żviluppati u anke n-nuqqas ta’ stabbilta’ politika u demokrazija f’pajjiżi minn fejn qed joriġinaw traġedji umanitarji li jwasslu għall-immigrazzjoni illegali lejn l-Afrika ta’ Fuq u l-Mediterran.
Anke hawn ksibna riżultati konkreti.
L-istrateġija kienet li ħdimna fuqha kienet fuq tliet binarji, l-ewwel li niffukaw fuq il-pajjiżi tal-Mediterran, imbagħad li niltaqgħu ma’ imsieħba strateġiċi bl-għan li ngħinu l-ekonomija, it-tielet li nitkellmu ma’ pajjiżi li għaddejjin mill-problema tal-immigrazzjoni.
Immigrazzjoni illegali
Għall-ewwel darba tkellimna ma’ pajjiż minn fejn oriġinaw 40% tal-immigranti illegali li waslu f’pajjiżna: Is-Somalja.
Biex nirrealizzaw kemm hi kbira l-problema fis-Somalja. Minn ftit inqas minn 19,000 immigranti li waslu Malta matul is-snin, iktar minn 7000 minnhom huma mis-Somalja. Din is-sena, minn 1690 persuna li waslu Malta b’mod illegali, 995 (kważi 1000) minnhom huma Somali.
La kont naf b’din ir-realta’, għamilt mezz li nagħmel kuntatt mal-Prim Ministru tas-Somalja li kien għall-Assemblea Ġenerali u tkellimna b’mod privat, ftehmna li delegazzjoni Maltija u delegazzjoni Somala jiltaqgħu għal diskussjonijiet.
Din il-laqgħa saret mad-Deputat Prim Ministru tas-Somalja Fawzia Yusuf Adam.
Din kienet l-ewwel darba li saret laqgħa bejn iż-żewġ pajjiżi mmirata biex tiftaħ il-bieb għal relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul din il-laqgħa, Malta għamlet talba formali għal bidu ta’ relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, liema talba nittama li se tiġi kkonfermata uffiċjalment mill-Gvern Somalu fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan huwa l-ewwel pass biex iż-żewġ gvernijiet jibdew jaħdmu flimkien dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali.
Ġew diskussi metodi tanġibbli kif dan jista’ jsir wara li jibdew ir-relazzjonajiet.
Nerġa’ nisħaq li biex nibdew insolvu l-problema tal-immigrazzjoni b’mod sostenibbli rridu nħarsu u ngħinu lill-pajjiżi li minnhom joriġinaw il-problemi. Dawn iridu jkunu parti mis-soluzzjoni.
Dwar l-imigrazzjoni tkellimna ukoll mas-Segrertarju tal-Gnus Maqgħuda Ban Ki-moon. Fissirna kif il-piż ta’ din il-problema fuq pajjiżna huwa wieħed qawwi hafna.
Għalina l-istatus-quo ma hijiex għażla aċċettabbli.
Il-messaġġ li wassalna f’New York huwa l-istess messaġġ li kontinwament nisħqu fuqu ma sħabna fl-Unjoni Ewropea.
Insaħħu l-pożizzjoni tagħna fil-Mediterran
Dan il-Gvern, b’konvinzjoni, qed jiffoka t-taħditiet bilaterali tiegħu mal-pajjiżi fil-Mediterran. Qed nikkolaboraw mal-ġirien tagħna ħafna iktar milli sar fl-aħħar snin. Għaliex nemmnu li magħhom nistgħu nirnexxu, nistgħu nimxu ‘il quddiem billi niddentifikaw l-opporunitajiet u naħdmu biex nattirawhom lejn Malta.
L-istabbilita’ fil-Mediterran hija kruċjali. Bħala sieħba strateġika, Malta trid tgħin milli tista’, u b’li tista’, biex il-proċess politiku, f’pajjiżi li qiegħdin f’tranżizzjoni, jitwettaq bl-aħjar mod possibbli. L-istabbilita’ twassal għal prosperita’ li minnha jgawdi kulħadd f’dan ir-reġjun. Dan kien il-messaġġ li wassalna lill-Ministru għall-Affarjijiet Barranin Eġizzjan.
Fi New York, iltqajna wkoll mal-Algerija. Sur President, innutajna li, minn dan il-pajjiż, hemm ir-rieda politika li r-relazzjoni ma’ Malta tissaħħaħ.
Tkellimna dwar it-turiżmu u kif il-konnettivita’ bejn iż-żewġ pajjiżi diġa żdiedet bid-deċiżjoni li jibda’ jkun hemm titjiriet diretti tal-Air Malta. Iżda fadal ħafna x’jista jsir. Bħal Libja u ċ-Ċina, anke l-Alġerija tista tkun imsieħeb importanti għal pajjiżna.
Fattur komuni fil-laqgħat li kellna mal-ġirien Mediterranji huwa li dawn il-pajjiżi kollha jqisuna bħala ħbieb naturali tagħhom. Mal-President Tuneżin Mohamed Moncef Marzouki qbilna li jibda jkun hemm kommunikazzjoni aktar miftuħa bejn il-kommunitajiet kummerċali ta’ Malta u tat-Tuneżija. Qed naħsbu biex isiru aktar kuntatti bejn il-Malta Enterprise u l-organiżazzjoni ekwivalenti tagħha fit-Tuneżija bħala parti minn strateġija għat-tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd.
L-istess tip ta’ kollaborazzjoni mal-Marokk u mal-Libanu, Sur President. Il-laqgħat bilaterali, b’mod separat, li kellna mal-Prim Ministru Marokkin Abdelilah Benkirane u mal-President Michel Slieman urew l-istess tip ta’ rieda politika. Huwa evidenti li dawn il-ġirien fil-Mediterran iridu aktar rabtiet kummerċjali bejniethom u kommessi li nkomplu naħdmu sakemm naslu fejn nixtiequ.
Fi New York, iltqajna għal darba oħra mal-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan fejn komplejna nitkellmu dwar it-triq ‘il quddiem wara l-ftehim iffirmat biex Malta tkun tista tixtri petrol, diesel, jet oil u gass taċ-ċilindri bi prezz vantaġġjuż. Il-Libja reġgħet iddikjarat l-impenn tagħha li tikkopera bis-sħiħ ma’ pajjiżna f’oqsma differenti, mhux biss fl-enerġija, għall-ġid taż-żewġ pajjiżi. Iddiskutejna b’mod konkret il-passi li jmiss fir-rigward tat-tneħħija tal-iffriżar tal-assi Libjani f’Malta.
Laqgha li saret f’ ambjent ta’ ħbiberija kbira kienet mall-President tal-Awtorita Palestinjana Mahmoud Abbas, fejn iddiskutejna dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani. Abbas esprima l-gratitudni tiegħu għax-xogħol li dejjem għamlet Malta għall-kawża tal-poplu Palestinjan. Huwa ta’ sodisfazzjon qawwi li smajna mingħand Mahmoud Abbas kif il-Palestina u l-Iżrael se jintensifikaw it-taħditiet taħditiet tagħhom favur il-paċi. Sitwazzjoni li twassal mhux biss għal sitwazzjoni iktar trankwilla iżda wkoll għal żvilupp ekonomiku. Għaliex jiena fiduċjuż li, anke mil-Lvant Nofsani, Malta tista tattira investiment lejha fix-xhur u s-snin li ġejjin.
Il-laqgħat bilaterali tagħna ma waqfux sal-Mediterran iżda. Iffukajna ukoll fuq il-Golf. Iltqajna ma’ forzi ekonomiċi kbar li minnu pajjiżna jista biss jibbenefika. Fosthom il-Qatar fejn kellna l-ewwel okkażjoni li niltaqgħu mal-Emir il-ġdid Shaikh Tamim bin Hamad Al Thani.
Sur President, il-Qatar jemmen fil-potenzjal ta’ Malta. Il-kuntatti li saru sa issa bejn Malta u l-Qatar kienu l-ewwel passi biex tkun esplorata l-possibilita ta’ investiment bejn iż-żewġ pajjiżi. Wasal issa l-mument li dan il-proċess jimxi għal pass li jmiss. Malta tħoss li l-investiment mill-Qatar għandu jiffoka l-aktar fil-qasam tal-enerġija, l-infrastruttura, s-servizzi finanzjarji u turiżmu, fost l-ohrajn.
L-istess mal-Kuwajt fejn iltqajna mal-Prim Ministru Jaber Al-Mubarak u ffirmajna mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tiegħu ftehim fis-settur tal-avjazzjoni, li jiftah il-bibien ghal titjiriet diretti.
Dan huwa pass importanti iehor mall-Kuwajt, fejn ftit tal-gimghat ilu, il-kumpanija Kipco, l-investment arm tal-awtoritajiet tal-Kuwajt, investiet biex se tikseb il-maġġoranza tal-ishma fil-bank Malti, Fimbank.
Laqgħat oħra fl-istess direzzjoni saru mall-Bahrejn u l-Emirati Gharab Maghquda. Ma’ dawn il-pajjiżi ħadna ukoll approach regjonali, billi kellna laqgha mas-Segretarju Generali tal-Kunsill tal-Koperazzjoni tal-Golf, li minbarra l-pajjiżi diġa’ msemmija, iħaddan lill-Għarabija Sawdita u l-Oman.
Kuntatti inizjali kienu diġa’ saru mill-Ministru George Vella fil-Bahrejn, u issa qed naħdmu biex ikollna għall-ewwel darba ftehim ta’ ħidma ma’ din l-organizazzjoni reġjonali tant b’ saħħitha. Fil-fehma tiegħi r-rabtiet politiċi u ekonomiċi magħhom huma opportunita’ tad-deheb għal Malta, u għalhekk se naħdmu biex inkattru l-appoġġ għal dan il-ftehim.
Sur President, kellna laqgħa importanti mar-Russja. Dan il-pajjiż enormi irid jaħdem ma’ Malta għaliex iħoss, u jaf, li hemm opportunitajiet tajbin ta’ negozju bejn iż-żewġ naħat. Aħna grati lejn il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, li fl-aħħar jiem tant kien fiċ-ċentru tal-aħbarijiet internazzjonali, li sab il-ħin għal din il-laqgħa, li kienet effettiva ħafna.
F’din il-laqgħa tajna s-sinjal li nixtiequ li r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jogħlew fil-livell u jitjiebu. Ir-Russi dehru li qablu li dan jista’ jkun mument ta’ żblokk u fil-ġimgħat li ġejjin se nistennew żjara f’ Malta minn persuni inkarigati fi ħdan il-Gvern Russu biex inkunu nistgħu nippjanaw it-triq ‘il quddiem.
Mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth Kamalesh Sharma tkellimna dwar ir-rwol li pajjiżna irid ikollu f’ dan il-grupp ta’ pajjiżi. Urejna interess li nesploraw il-possibilta’ li nkunu fost il-pajjiżi li mmexxu proġett li se tniedi l-Commonwealth biex titwaqqaf istituzzjoni finanzjarja li tassisti intrapriżi żgħar fl-opportunitajiet tan-negozju l-aktar fl-esportazzjoni. Malta trid tkun parti minn din l-inizjattiva u l-Gvern se jkun qed jesplora kif se jinvolvi ruħu f’dan il-proġett. Semmejna wkoll l-impenn politiku ta’ dan il-Gvern li jagħti garanzija ta’ tagħlim, taħriġ u xogħol għaż-żgħażagh.
Kelli l-opportunita li nagħmel konoxxenza inizjali mal-President tal-Istati Uniti Barack Obama. Din inqisha bħala opportunita’ importanti biex insaħħu l-kuntatt bejn Malta u l-Amerika fuq livell ta’ tmexxija politika. Marti Michelle, li kienet mistiedna għal din iż-żjara, kellha okkażjonijiet differenti tiltaqa’ mas-Sinjura Obama. Jien verament nemmen li l-kuntatt personali huwa importanti biex insaħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi differenti madwar id-dinja.
Ġejt mistieden mill-President Bill Clinton biex nattendi l-laqgħa annwali tal-Clinton Global Initiative li kienet qed tinżamm ukoll fi New York.
Il-Clinton Global Initiative – tlaqqa’ mexxejja madwar id-dinja, chief executive officers ta’ kumpaniji li huma leaders fis-suq u organizazzjonijiet filantropiċi – li huma kommessi li jieħdu azzjonijiet fuq sfidi globali. Hemmhekk kellna l-opportunita’ li nitkellmu ma’ President Clinton u Segretarju Hilary Clinton dwar Malta, ma’ tal-aħħar b’mod partikolari dwar il-qaghda fil-Mediterran u ż-żjara tagħha waqt il-kriżi fil-Libja.
Mall-Istati Uniti, li ahna nqisuhom bhala imsieħba strateġiċi tagħna, kellna ukoll laqgħat oħra li nemmen li se jwasslu biex juru li l-istima u r-rispett ġejjin miż-żewġ naħat.
Irrid insemmi li kellna ukoll laqgħat ma’ pajjiżi oħra bħal Montenegro, li magħhom se nkomplu naħdmu dwar integrazzjoni Ewropea, Andorra, li kellhom fuq l-aġenda tagħhom issues relatati mar-relazzjoni mall-Unjoni Ewropea, u l-Barbados, li magħhom iffirmajna emenda ghat-Trattat ta’ Taxxa Doppja.
Kellna ukoll kuntatt, wara ħafna snin, mall-Ġappun, li nittama li nkunu nistgħu naħdmu magħhom ukoll, kif ukoll kuntatti mar-Renju Unit, Awstralja, New Zealand, Kanada, Sri Lanka, Peru, Bulgarija u Grecja, fost l-oħrajn.
Sur President, kif tista’ tinnota, dik li għaddiet kienet ġimgħa impenjattiva ħafna li matulha użajna l-ħin kollu li stajna biex saru laqgħat, waħda wara l-oħra, uħud minnhom bla preċedent. Hdimna ukoll fuq xoghol iehor li nittama li jaghti l-frott fix-xhur li gejjin. Dan huwa xogħol importanti għal pajjiżna. Malta ma tgħix f’iżolament u għalhekk huwa kruċjali li jkollna l-aqwa relazzjoni mal-pajjiżi ta’ madwarna. L-enerġija tagħna mhux se tieqaf hawn. Wara l-laqgħat bilaterali kollha li kellna fl-Istati Uniti, se nkomplu nagħfsu għal kull possibilita, għal kull opportunita, li niġbdu lejn pajjiżna investiment li jsarraf f’impjiegi għal ħaddiema u f’kwalita ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna.
Nonqos jekk ma nsemmix li ħadna l-okkażjoni biex kemm fl-Istati Uniti, kif ukoll f’waqfa ta’ ftit aktar minn 24 siegħa fil-Kanada, kellna mall-kommunitajiet Maltin, u fuq kollox Għawdxin, ta’ New York u Toronto, li laqgħuna b’mod kaloruż ħafna. Nittama li fis-snin li ġejjin, ikun hemm aktar okkażjonijiet fejn rappreżentanti tal-poplu iżuru dawn il-kommunitajiet. Sur President, ninnota bi pjaċir li int żort kommunitajiet Maltin fl-Awstalja meta kkumbinajt dan ma’ doveri ohra. Konvint li miż-żewġ naħat tal-Kamra se nkomplu b’ dawn il-kuntatti.
Ukrajna
Fi żjara ta’ ftit inqas minn 24 siegħa fl-Ukrajna l-Gvern Malti ffirma ftehim mal-Gvern Ukren dwar it-tneħħija tat-taxxa doppja. Tajjeb li ngħid li Malta kienet l-aħħar pajjiż Ewropew li laħaq ftehim simili għat-tneħħija tat-taxxa doppja.
Kellna laqgħat improtanti mal-President Victor Yanukovych u l-Prim Ministru Mykola Azarov.
Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea trid li jkollha l-aqwa relazzjoni possibbli mal-pajjiżi li mhumiex membri fl-Unjoni u pajjiżi li għandhom prospett li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Il-President Yanukovych qal li l-Ukrajna tqies lil Malta bħala pajjiż qrib tagħha u b’hekk li qed isir sforz biex dawn iż-żewġ pajjiżi jkunu eqreb u jkun hemm koperazzjoni ikbar f’diversi oqsma.
Aħna se nagħtu l-appoġġ tagħna għall-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea li l-Ukrajna mistennija tiffirma f'Novembru li ġej.
Dwar dan il-ftehim għad hemm kwistjonijiet pendenti dwar ir-riforma ġudizzjarja tal-pajjiż, li jaf ixxekklu dan il-ftehim. Il-pożizzjoni tagħna hija bħal tal-Unjoni Ewropea. Madankollu pożittivi li l-kwistjonijiet pendenti jistgħu jiġu solvuti.
Konklużjoni
Ħabat tajjeb li bħala Prim Ministru qed nagħti rendikont tal-ħidma li saret propju fil-ftuħ tal-Parlament wara l-waqfa għas-sajf.
Nixtieq nirringrazzja b’mod partikolari lill-Ministri involuti, b' mod partikolari lid-Deputat Prim Ministru, Louis Grech, il-Ministru ghall-Affarijiet Barranin, George Vella, il-Ministru ghall-Energija u Konservazzjoni tal-Ilma, Konrad Mizzi u lis-Segretarju Parlamentari ghall-Kompetittiva' u Tkabbir Ekonomiku, Edward Zammit Lewis.
Nirringrazzja lill-ambaxxaturi li kienu qrib tagħna f’dawn il-missjonijiet, b’mod partikolari lill-Ambaxxatur taċ-Ċina, Clifford Borg Marks u l-Ambaxxatur tagħna għall-Ġnus Magħquda, Chris Grima.
Filwaqt li ħaddieħor izola ruhu fin-negattivita', aħna ffukajna fuq xogħol tanġibbli li jinħass fil-ħajja ta’ kuljum.
Nafu fejn irridu mmorru.
Dan il-pajjiż qed nagħtuh direzzjoni u qed immexxu fid-direzzjoni t-tajba fuq issues li jolqtu lil kulħadd. Fuq il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies, familji u negozji. Imma anke fuq l-affarijiet iż-żgħar li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum.
Il-ħidma intensiva tagħna tiżboq kwalunkwe negattivita’. Xogħlna jibqa’ li nwettqu mingħajr ħafna tgergir biex nagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.
Min irid jiżola ruħu fin-negattivita’. Min irid imaqdar ftehim li jista’ jwassal biex isolvi l-problemi li ħoloq hu fl-Enemalta. Min irid imaqdar ir-roħs u l-istabbilta’ tal-prezz tal-petrol u diesel. Min irid jiddieħak bil-ftehim mal-Libja. Jew ma jridx jiġbed l-istess ħabel fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni llegali, mhuwiex ħlief jaqbad triq li ma twassal għal imkien.
Kif għamilna fl-aħħar snin mill-Oppożizzjoni, u iktar u iktar issa mill-Gvern, inħallu r-riżultati jitkellmu għalihom. Il-familji u n-negozji jafu li qiegħdin u iktar se nibqgħu nagħmlu d-differenza għall-aħjar fil-ħajja tagħhom.
In-negattivita’ estrema se negħlbuha b’pożittivita’ u riżultati tanġibbli.
Aħna ma nħarsux lejn il-familji u n-negozji u ngħidulhom – intom l-agħar fl-Ewropa.
Aħna nħarsu lejn il-familji u n-negozji u ngħidulhom – din hija Malta tagħkom ilkoll, naħdmu flimkien u nilħqu l-aspirazzjoni tagħna.
Lill-Oppozizzjoni nappellalha biex jingħaqdu magħna biex inkomplu noħolqu l-pożittivita’ li rnexxielna ndaħħlu f’dan il-pajjiż stabbli politikament u b’saħħtu ekonomikament.
Il-familji u n-negozji reġgħu qiegħdin jaspiraw u jemmnu li xogħolhom se jwassalhom jimxu ‘il quddiem.
Toqtlux l-aspirazzjonijiet ta’ dan il-pajjiż bieżel.
Ma ġara xejn, jekk tridu nqajmukom meta jgħaddi kollox u nkunu ksibna kollox – mhux hekk għedtulna 'Wake me up when its all over’.
Imma tal-inqas waqt li hemm min hu rieqed, ħallu lil min jaspira li jimxi ‘il quddiem. Tkunux dream breakers.
Dan il-pajjiż għandu futur sabiħ.
Kull fejn morna sibna biss kliem pożittiv fuq pajjiżna.
U din il-fiduċja f’pajjiżna twassal biex jien bħala Prim Ministru, flimkien ma’ sħabi, immorru fejn immorru fid-dinja niġu lura nirrapportaw dak li bħala pajjiż ksibna.
Dan il-Gvern għandu pjan ċar u qed iwettqu biex pajjiżna ma jistrieħx fuq dak li għandu imma jaħdem iktar biex iġib iktar riżultati li jgawdi minnhom kulħadd.
Biex inkunu l-Aqwa fl-Ewropa!
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032