IL-KUMPANIJA ĠERMANIŻA TUI CRUISES TERĠA’ TAGĦŻEL LIL MALTA BIEX TOPERA FIS-SETTUR TAL-CRUISE LINERS GĦALL-2014
F’Ġunju li ġej jibda jopera minn Malta il-cruise liner ġdid Mein Schiff 3
Għar-raba’ sena konsekuttiva, il-kumpanija Ġermaniża TUI Cruises li topera fis-settur tal-cruise liners reġgħet għażlet lil Malta biex għas-sena d-dieħla topera programm sħiħ ta’ cruises fuq il-kunċett ta’ home-porting. Dan ifisser li l-cruise liner ma jkunx sempliċiment qed jagħmel waqfa ta’ ftit sigħat f’Malta iżda l-kumpanija tkun qed tuża l-pajjiżna bħala l-port tat-tluq, bil-possibilità li t-turisti jkunu jistgħu jestendu l-btala tagħhom f’Malta għal ftit ġranet.
F’konferenza tal-aħbarijiet abbord il-cruise liner Mein Schiff 2 fil-Valletta Waterfront, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella inawgura l-programm sħiħ ta’ cruises li l-kumpanija se topera minn Malta matul l-2014. B’mod partikolari tħabbar kif f’Mejju li ġej il-kumpanija TUI Cruises se tkun qed tvara f’pajjiżna l-cruise liner ġdid tagħha Mein Schiff 3 li bħalissa qiegħed jinbena fil-Fillandja u li mistenni jkun itajjar il-bandiera Maltija. Dan mistenni jieħu post il-cruise liner attwali Mein Schiff 2.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem dwar l-importanza tal-industrija tal-cruise liners għas-settur tat-turiżmu fejn din tikkontribwixxi sew b’mod dirett kif ukoll b’mod indirett fl-ekonomija Maltija.
Semma’ kif il-kumpanija Ġermaniża TUI Cruises għandha reputazzjoni kbira fil-qasam tal-ivvjaġġar u l-fatt li pajjiżna ilu għal dawn l-aħħar snin assoċjat magħha joffri sens pożittiv għall-industrija turistika tagħna. Il-Ministru Vella tkellem dwar il-vantaġġi li joffri l-kunċett ta’ home-porting u saħaq fuq il-bżonn li pajjiżna jaħdem aktar f’dan ir-rigward billi jkompli jibni fuq is-suċċess ta’ din l-operazzjoni. Minnu nnifsu dan jinkoroġixxi l-espansjoni ta’ airline seat capacity eżistenti mill-Ġermanja u li minnha tista’ tibbenefika l-industrija turistika.
Fl-isfond tat-tnaqqis fl-ammont ta’ passiġġieri li rreġistra pajjiżna din is-sena fis-settur tal-cruise liners minħabba kanċellar minn żewġ kumpaniji ewlenin sentejn ilu, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella tenna l-impenn tal-Ministeru għat-Turiżmu li flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Valletta Waterfont, l-aġenti u persuni oħra involuti fl-industrija tal-cruise liners qed jagħmlu dak kollu possibli biex ireġġgħu lura t-tnaqqis esperjenzat f’dawk li huma ammont ta’ passiġġieri.
Karmenu Vella ddeskriva bħala mill-aktar pożittiva d-deċiżjoni li operatur prinċipali f’dan is-settur bħat-TUI Cruises reġa’ wera fiduċja f’Malta bħala destinazzjoni għar-raba’ darba u għażel li jopera fuq bażi ta’ home-porting.
Il-cruise liner Mein Schiff 3 mistenni jibda l-operat tiegħu fid-29 ta’ Ġunju sas-26 t’Ottubru 2014, bil-Port il-Kbir iservi bħala l-ewwel port li se jkun qed jopera minnu. Huwa stmat li dan il-cruise liner se jkun qed iġorr aktar minn 2000 passiġġier fil-ġimgħa fosthom turisti li jaslu bl-ajru mill-Ġermanja. Fost il-faċilitajiet li l-Mein Schiff 3 se jkun qed joffri hemm 8 ristoranti, 10 bars, spa, teatru li jesa’ mal-elf passiġġier iddisinjat apposta għall-akustika biex fih isiru kunċerti klassiċi, daqq ta’ mużika jazz u wiri ta’ films b’sistema eċċezzjonali ta’ surround-sound, 2 swimming pools b’waħda minnhom b’tul ta’ 25 metru, jacuzzi, flimkien ma’ diversi faċilitajiet sportivi.
Dan il-cruise liner ġdid mistenni joffri wkoll esperjenza unika fejn il-passiġġieri se jkunu jistgħu jimxu fuq żewġ pjattaformi tal-ħġieġ sebgħa u tletin metru ’l fuq mill-ilma.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll fost l-oħrajn l-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta l-E.T. Klaus-Peter Brandes fejn emfasizza li qed iħares ’il quddiem biex aktar turisti Ġermaniżi jżuru Malta permezz tal-cruises.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032