MALTA U L-PALESTINA JIDDISKUTU L-PAĊI FIL-LVANT NOFSANI
Il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani kien diskuss bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas fi New York, l-Istati Uniti.
Dr Muscat qal li Malta tappoġġa l-kawża tal-poplu Palestinjan b'konvinzjoni filwaqt li semma kif, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkollu taħditiet uffiċjali kemm f'Iżrael kif ukoll fl-Istat Palestinjan.
Il-President Mahmoud Abbas qal li l-Palestina hija grata għax-xogħol li dejjem għamlet Malta għall-Palestina fil-Ġnus Maqgħuda u fisser lil pajjiżna bħala ħabib antik. Fakkar kif Malta ilha rapporteur tal-kumitat għat-twettieq tad-drittijiet tal-poplu Palestinjan għal kważi erbgħin sena.
Abbas ikkonferma d-dikjarazzjoni li għamel ftit tal-jiem ilu s-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry dwar kif Iżrael u l-Palestina aċċettaw li jintensifikaw it-taħditiet favur il-paċi bil-għan li jintlaħaq qbil finali. Il-President tal-Awtorità Palestinjan qal li ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi għandu jwassal mhux biss għal sitwazzjoni iktar trankwilla iżda wkoll għal żvilupp ekonomiku posittiv fir-reġjun.
Intant, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qed iħares ‘il quddiem biex il-Gvern Malti jesplora l-possiblità li jattira investiment mil-Lvant Nofsani f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032