STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA
Stabbilità fil-prezzijiet tal-fuels sal-aħħar tas-sena - l-orħos prezzijiet fl-aħħar xhur għall-familji u n-negozji
Il-prezzijiet tal-petrol u tad-diesel mhux biss se jkunu qed jorħsu b’ sitt ċenteżmi u b’żewg ċenteżmi rispettivament mix-xahar li għadda iżda l-prezz se jibqa’ l-istess sal-aħħar tas-sena.
Waqt Press Briefing, l-Onor. Konrad Mizzi, il-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma, ħabbar li fl-aħħar xhur, wara li l-Gvern esprima x-xewqa li mmorru għal stabbilità fil-prezzijiet, l-Enemalta irnexxielha tasal għal ftehim ma’ banek lokali u l-banek internazzjonali biex tiffissa l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel sal-aħħar tas-sena bi prezz mill-aktar favorevoli.
Filfatt, il-prezz tal-petrol se jkun 6 ċenteżmi orħos mix-xahar li għadda u 10 ċenteżmi orħos minn Ottubru tas-sena li għaddiet. Dan se jkun l-orħos prezz ta’ petrol fl-aħħar sentejn. Waqt li l-prezz tad-diesel se jkun żewġ ċenteżmi orħos mix-xahar li għadda u l-orħos fl-aħħar sena.
Il-Ministru Mizzi qal li dan mhux biss ser jissarraf fi prezz orħos għall-familji u n-negozji iżda fi stabbilità fil-prezzijiet u stabbilità għall-ekonomija.
B’hekk għal dawn it-tliet xhur li ġejjin, il-familji u n-negozji mhux se jkollhom għalfejn joqogħdu jinkwetaw dwar jekk hux se jkunu qed jogħlew il-prezzijiet tal-fuels. Fl-istess waqt, il-Korporazzjoni Enemalta se tkun taf kemm se tkun qed tonfoq f’dawn ix-xhur minn qabel. Dan huwa mod kif l-Enemalta qed tipprova tnaqqas l-ispejjez għall-familji u n-negozji.
Il-Ministru Mizzi temm jghid li dan kollu jimxi mal-politika ta’ dan il-Gvern li mhux biss kommess li jibqa’ jwettaq dak li wiegħed iżda li qed jipprova jagħmel sforz akbar biex jinstabu soluzzjonijiet oħra li jħallu impatt pożittiv fuq il-familji u n-negozji f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032