TIFTAĦ IS-SENA AKKADEMIKA L-ĠDIDA TAL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI (ITS)
Jiżdied b’aktar mid-doppju n-numru ta’ studenti ġodda fuq is-sena ta’ qabel
Dalgħodu aktar minn 750 student u studenta attendew għaċ-ċerimonja inawgurali fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena akkademika l-ġdida tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Fl-indirizz tiegħu lill-istudenti, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma’ kif l-istudenti rreġistrati fl-ewwel sena f’korsijiet differenti din id-darba qabeż iċ-ċifra ta’ ħames mija u erbgħin student, biex issa l-popolazzjoni fl-ITS tlaħħaq għal kważi tmien mitt student u studenta.
Il-Ministru Vella semma’ kif l-ewwel pass li ħa l-ITS għat-tħaddim tal-kunċett ta’ studju, taħriġ u xogħol kien li jintroduċi l-kors Foundation in Tourism Enterprise fejn wara diskussjonijiet li saru mal-Ministeri tat-Turiżmu, Edukazzjoni u tal-Ekonomija, tfassal programm innovattiv li se jiġi mwettaq mill-ITS, il-Malta Enterprise u l-ETC. Ħabbar kif il-mira ta’ 50 student għal dan il-kors inqabżet hekk kif irreġistraw mas-70 student u studenta.
Il-Ministru Vella saħaq fuq il-bżonn li filwaqt li jiżdiedu n-numri, jibqa’ jkun assigurat li l-kwalità tibqa prijorità għal dan l-Istitut. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-twaqqif għall-ewwel darba ta’ diversi servizzi t’appoġġ għall-istudenti li jinkludu servizz ta’ councillor fuq bażi full time, servizz ta’ guidance u career officer flimkien ma’ żewġ chaplains. Ħabbar ukoll kif b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ l-ETC, se jkun qed jinfetaħ uffiċċju biex ikunu sostnuti opportunitajiet ta’ xogħol u placements għall-istudenti. F’dan ir-rigward il-Ministru għat-Turiżmu esprima x-xewqa tiegħu li l-istudenti tal-ITS jibqgħu jkunu segwiti anke wara li jkunu spiċċaw it-taħriġ u l-istudji tagħhom.
Il-Ministru Karmenu Vella tkellem fuq l-għajuna li l-Ministeru għat-Turiżmu qed jagħti lill-ITS fejn għandhom x’jaqsmu allokazzjoni ta’ riżorsi. Fost l-oħrajn semma’ r-rinnovament ta’ Martin Luther King li flimkien mal-kampus f’San Ġiljan u f’dak t’Għawdex se jkunu qed jipprovdu r-riżorsi neċessarji ta’ tagħlim. F’dan il-kuntest huwa saħaq fuq il-bżonn ta’ integrazzjoni sħiħa bejn l-istudenti Maltin, Għawdxin u barranin li lkoll se jkunu qed jagħmlu esperjenzi differenti mhux biss fil-kampuses kollha iżda wkoll f’postijiet ta’ xogħol barra minn Malta.
Il-pjan strateġiku għall-ITS qiegħed isir bis-serjetà u b’viżjoni fit-tul li jwasslu għal standards komparabbli mal-aħjar istituzzjonijiet simili fl-Ewropa kompla l-Ministru Vella. Saħaq li dan se jkun possibli biss jekk il-korp studentesk, l-istaff akkademiku, il-management u l-bord tal-gvernaturi jaħdmu lkoll flimkien.
B’referenza għall-Jum Dinji għat-Turiżmu li qed ikun imfakkar illum, bit-tema ewlenija tkun l-ilma, il-Ministru Karmenu Vella appella lill-industrija turistika biex tibża għall-ilma, fl-istess ħin li appella wkoll lill-istudenti preżenti biex ikunu konxji huma wkoll tal-bżonn tal-konservazzjoni tal-ilma.
Sadanittant, fost l-aktar korsijijet popolari li l-istudenti l-ġodda rreġistraw għalihom insibu dak ta’ Certificate in Food Preparation & Production li għalih irreġistraw 207 studenti segwit mill-kors ta’ Diploma in Culinary Arts li għalih applikaw 125 student. Korsijijet oħra popolari jinkludu dak tal-Foundation course in Tousim & Enterprise u Diploma in Hospitality Operations.
B’kollox l-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed joffri għażla ta’ 17-il kors differenti, filwaqt li hemm il-ħsieb ukoll li jibdew ikunu offruti anke programmi f’livell sitta u sebgħa tal-MQF.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032