DELEGAZZJONI MALTIJA TILTAQA’ MA’ RAPPREŻENTANTI TA’ DIRETTORAT ĠENERALI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Delegazzjoni parlamentari Maltija mmexxija mill-iSpeaker Anġlu Farrugia ltaqgħet mas-Sur Jean-Claude Thebault mid-Direttorat Ġenerali Bureau of European Policy Advisers, tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-kuntest ta’ dibattitu aktar wiesa’ dwar il-futur tal-Ewropa, l-iSpeaker Farrugia emfasizza li l-problema tal-immigrazzjoni f’Malta għandha titqies mill-Ewropa bħala valur ta’ rispett lejn l-umanità u li għalhekk l-Ewropa għandha tagħmel l-almu tagħha biex il-problema tal-immigrazzjoni tiġi dejjem aktar indirizzata mill-pajjiżi kollha tal-Ewropa.
Id-delegazzjoni kellha wkoll laqgħa interessanti mas-Sur Istvan Pal Szekely li jmexxi d-Direttorat Ġenerali dwar l-Ekonomija u Materji Finanzjarji fejn ġew diskussi l-isfidi finanzjarji li pajjiżna qed jaffaċċja u x’jeħtieġ isir biex Malta ma taqax taħt l-excessive deficit programme (EDP).
Immedjatament wara d-delegazzjoni ltaqgħet ukoll mas-Sur Lorenza Vella mid-Direttorat Ġenerali tal-Impiegi u Affarijiet Soċjali fejn ġew diskussi problemi saljenti u persistenti f’Malta li jirrigwardaw, in partikolari, iż-żieda ta’ dawk il-persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar li skont l-aħħar statistika pubblikata mill-Eurostat, laħqu l-figura ta’ 92,000. Ġiet diskussa wkoll il-problema persistenti ta’ public procurement fejn minħabba d-dewmien fl-applikazzjoni għat-teħid ta’ fondi Ewropej, jistgħu jintilfu l-istess fondi.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032