IL-QATAR INTERESSAT FIL-POTENZJAL TA’ MALTA
Il-kuntatti li saru sa issa bejn Malta u l-Qatar kienu l-ewwel passi biex tkun esplorata l-possiblità ta’ investiment bejn iż-żewġ pajjiżi. Wasal issa l-mument li dan il-proċess jimxi għal pass li jmiss biex iħalli riżultati pożittivi għaż-żewġ pajjiżi.
Waqt laqgħa li kellu fi New York l-Prim Ministru Joseph Muscat mal-Emir tal-Istat tal-Qatar Shaikh Tamim bin Hamad Al Thani ġew diskussi opportunitajiet li jistgħu jkunu esplorati flimkien bejn iż-żewġ naħat.
Din kienet l-ewwel okkażjoni tal-Prim Ministru li jiltaqa’ mal-Emir il-ġdid wara li dan ħa il-ħatra ftit tal-ġimgħat ilu. Id-diskussjoni kienet waħda amikevoli fejn l-Emir kien interessat fil-potenzjal li għandu pajjiżna.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella, qal li Malta tħoss li l-investiment fil-Qatar għandu jiffoka l-aktar fil-qasam tal-enerġija, t-turiżmu u l-infrastruttura. Qal li l-Qatar għandu wkoll il-possibilità li jimraħ fis-servizzi finanzjarji ta’ pajjiżna li fil-futur għandu jkompli jiżviluppa u jissaħħaħ.
Dr Muscat irrefera għal-laqgħa li kellu iktar kmieni din il-ġimgħa fi New York mal-Gulf Cooperation Council (GCC), li l-Qatar jifforma parti minnu, u fakkar kif ġiet diskussa relazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-membri tal-GCC u l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, speċjalment tal-Mediterran, biex ikun faċilitat in-negozju bejn iż-żewġ naħat.
L-Emir Al Thani qal li l-Qatar jappoġja bis-sħiħ li jkun hemm anke ftehim uffiċjali mall-Gulf Cooperation Council li jinkludi fih ukoll lill-Għarabija Sawdita, il-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman u l-Emirati Għarab Maqgħuda.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Emir tal-Istat tal-Qatar Shaikh Tamim bin Hamad Al Thani għamlu stedina reċiproka lil xulxin għal żjarat fiż-żewġ pajjiżi rispettivi.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032