LAQGĦA OĦRA BILATERALI BEJN MALTA U L-LIBJA
Il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u l-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan komplew jiddiskutu t-triq ’il quddiem bejn iż-żewġ pajjiżi wara l-ftehim iffirmat ftit tal-ġimghat ilu f'Malta li permezz tiegħu pajjiżna se jkun jista’ jixtri petrol, diesel, jet oil u gass taċ-ċilindri bi prezz vantaġġjuż.
Waqt laqgħa fi New York, fejn iż-żewġ delegazzjonijiet qed jattendu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Libja reġgħet iddikjarat l-impenn tagħha li tikkolabora ma’ Malta fil-qasam tal-enerġija.
Dr Muscat qal li dan il-ftehim mal-Libja se jfisser aktar serħan il-moħħ lill-konsumaturi filwaqt li jagħti nifs lill-Korporazzjoni Enemalta. Għalhekk dan il-ftehim jimxi id f'id mal-Memorandum of Understanding li Malta ffirmat maċ-Ċina biex it-tieni l-akbar ekonomija tad-dinja tinvesti b’mod dirett fl-Enemalta bħala sieħeb strateġiku. Il-Prim Ministru fakkar kif l-MOU jipprovdi wkoll biex iċ-Ċina tgħaqqad il-panelli fotovoltajici tagħha f'Malta u pajjiżna jkun jista’ jesporta l-enerġija għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu.
Ġiet diskussa wkoll il-ħidma li qed issir bejn iż-żewġ naħat għat-tneħħija tal-iffriżar tal-assi Libjani f'Malta. Dr Muscat u Ali Zeidan iddikjaraw li se jkomplu jaħdmu flimkien f’oqsma differenti għall-ġid taż-żewġ pajjiżi.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032