L-EDUKAZZJONI HIJA Ċ-ĊAVETTA BIEX JINĦALL IĊ-ĊIRKU TAL-FAQAR TA’ DIVERSI FAMILJI – STEFAN BUONTEMPO
L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta biex jinħall iċ-ċirku tal-faqar ta’ diversi familji. Dan qalu l-Onor. Stefan Buontempo, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, waqt ċerimonja t’għoti ta’ premijiet lill-kittieba li ħadu sehem fil-konkors letterarju żgħażagħ organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Aġenzija Żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-qari jgħin mhux biss fit-tagħlim tal-lingwa, jew fit-tixrid tal-informazzjoni, iżda jgħin ukoll biex il-qarrej jimraħ fl-immaġinazzjoni tiegħu u jkun kreattiv u anke innovattiv.
Huwa semma l-kampanja li qed jagħmel il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol favur il-qari kif ukoll l-istrateġija nazzjonali tal-litteriżmu. Dr Buontempo rringrazzja lill-kittieba kollha għall-opportunitajiet li qed jagħtu lit-tfal u lil pajjiżna permezz tal-kitba tagħhom. Huwa qal li l-kittieba qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem fl-edukazzjoni. Dan hu importanti mil-lat soċjali, biex jinqered il-faqar f’pajjiżna.
Dan il-konkors kien miftuħ għal manuskritti li jitrattaw l-età tal-adolexxenza, li jfisser żgħażagħ ta’ bejn 12 u 17-il sena. Ix-xogħolijiet riedu jkunu oriġinali, bil-lingwa Maltija.
L-edizzjoni ta’ din is-sena intrebħet minn Charles Casha bil-kitba L-Ewwel Darba li Ħassejtek u Tony C. Cutajar bil-kitba Ħabib fil-Bżonn. Ġew ukoll preżentati l-kotba tas-sena l-oħra li kienu Bella ta’ Rita Saliba u ‘Ossessjoni ta’ Carmen Scicluna. Ir-rebbieħ żgħażugħ huwa Sean Caruana Webster bil-kitba L-Avventuri tal-Prinċep Timotju.
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032