Gianluca Bezzina jippreżenta l-album tiegħu lill-Onor. Jose’ Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali
Gianluca Bezzina ippreżenta l-album tad-debutt tiegħu bl-isem ta’ Waiting for Tomorrow lis-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Jose’ Herrera, fl-uffiċċju tiegħu fit-Teatru Manoel.
Doyaya Management flimkien ma’ l-isponsor uffiċjali Calamatta Cuschieri Co. Limited, kumpanija lokali li toffri servizzi finanzjarji, ħabbru t-tnedija ta’ dan l-album dan is-Sajf. Maħruġ minn label indipendenti fl-Ingilterra, Albam Records, dan l-album huwa disponibbli għal bejgħ kemm fil-forma fiżika ta’ CD-album kif ukoll f’forma diġitali, f’Malta u kif ukoll barra minn xtutna. Dan l-album fih 10 diski li ġew miktuba u bi produzzjoni ta’ Boris Cezek u Dean Muscat, l-istess tim wara l-hit single Tomorrow.
Ewro minn kull CD-album li jinbiegħ ser imur fis-CC Cancer Fund, fond li ġie mwaqqaf bħala kampanja ta’ kollaborazzjoni ma’ Gianluca; u l-ammont ser jiġi irduppjat minn Calamatta Cuschieri. Is-sur Alan Cuschieri, Direttur tal-Operat ta’ Calamatta Cuschieri qal li “l-CC Cancer Fund hija parti mill-programm ta’ Corporate Social Responsibility tal-kumpanija, u l-għan primarju ta’ dan il-Fond hu biex jinġabru flus minn organiżżazzjoni ta’ eventi; il-fondi li jinġabru ser imorru għall-riċerka u inizjativi oħra. Dawn l-eventi ser jibdew lejn l-aħħar ta’ din is-sena u m’għandna l-ebda dubbju li ser ikunu ta’ suċċess.”
‘Il-kollaborazzjoni ma’ dan it-tim ilha għaddejja għal din l-aħħar sena u ħdimna ħafna u fl-istess ħin ħadna pjaċir nagħmluh. Xtaqt nippreżenta dan l-album lill-Onor. Herrera, bħala l-għola uffiċjal fil-qasam tal-kultura. Barra minnhekk nirringrazzja lill-isponsors Calamatta Cuschieri tas-support kbir tagħhom” qal Gianluca Bezzina.
Boris Cezek qal li l-album Waiting for Tomorrow, li ġie rrekordjat f’Doyaya Studios, inkiteb u ġie rrekordjat materjal oriġinali, mfassal speċifikament għal vuċi u stil uniku ta’ Gianluca, u li jiġbor fih diski fuq stil retro u ferrieħi, stil li huwa diġa’ sinonimu ma’ Gianluca u jinkludu elementi ta’ pop tas-sittinijiet, swing u blue eyed soul.
“Aħna dejjem emmina fil-potenzjal ta’ Gianluca u ninsabu ferm kburin meta narawh jikber artistikament. Waiting for Tomorrow huwa biss il-bidu ta’ karriera mużikali ta’ suċċess,” kompla jgħid Dean Muscat.
L-Onor. Dr. Jose’ Herrera qal li “huwa ta’ sodissfazzjoni li tara artisti żagħżagħ ta’ talent bħal Gianluca u t-tim tiegħu jaħdmu biex ikabbru il-karriera artistika tagħhom; mhux biss, imma ukoll jilħqu standards għoljin.” Hu kompla jgħid li “jinkoragixxi entitajiet privati biex jinvestu fis-suċċess ta’ artisti lokali bħal Gianluca, u b’hekk tawh il-kuraġġ biex ikompli jkabbar it-talent tiegħu. Il-Gvern qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti li jinkludu kull forma ta’ arti, li jagħtu s-sapport biex l-industrija tal-kreattivitá f’Malta tikber u biex tiġi esportata l-kultura barra minn xtutna.”
Other Press Releases:
PR262033
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...
PR262032