Left arrow Go Back

Diskors mill-Onor Jason Azzopardi Segretarju Parlamentari għall-Erarji Pubbliċi u Artijiet, fil-ftuħ ta’ workshops organizzati mill-Kunsill u l-Kulleġġ Notarili

pr1248
Date Icon 18/07/2009

Introduzzjoni

Ilqajt bil-ferħ l-istedina tal-President tal-Kunsill u tal-Kulleġġ Notarili biex niftaħ iż-żewġ workshops tal-lum b’diskors qasir, għaliex kemm ili Segretarju Parlamentari b’responsabbiltà, fost l-oħrajn, għan-Notarjat, tajt importanza ‘l din il-professjoni, għax tassew jinħtieġilha attenzjoni.  Filfatt fl-aħħar sena u erbgħa xhur kelli diversi laqgħat kordjali mal-Kunsill fejn studjajna kif nistgħu naffrontaw il-problemi li ilhom jinġemgħu għal ħafna snin, filwaqt li ntejbu din il-professjoni li, b’differenza minn dik ta’ avukat, għandha l-element dupliċi tagħha ta’ uffiċċju pubbliku u ta’ professjoni libera.

Forsi mhux b’kumbinazzjoni li t-tema ta’ wieħed mill-workshops ta’ dalgħodu, ir-relazzjoni li tinħoloq bejn min jitlob is-servizzi tan-nutar u n-nutar, jitfa’ l-aċċent aktar fuq l-aspett privatistiku tan-nutar, waqt li t-tema tat-tieni workshop, li sostanzjalment jirrigwarda metodi ġodda ta’ regolamentazzjoni, jirrifletti ħafna, għalkemm mhux għal kollox, l-aspett pubbliku li n-nutar minn dejjem kien jiżvolġi.  

Dan kollu rridu narawh fl-isfond ta’ dak li ġara f’dawn l-aħħar snin. Jekk nagħtu ħarsa ħafifa x’kienu l-aspetti l-aktar importanti fl-iżvilupp tan-notarjat fl-aħħar tletin sena, nistgħu nidentifikaw tliet aspetti li biddlu n-Notarjat mill-qiegħ: Qiegħed nirriferi

  • l-ewwel  għan-numru ta’ nutara pratikanti, li llum fil-maġġoranza tagħhom huma nisa, tendenza li tidher li ser tibqa’ fil-ġejjieni;
  • It-tieni iż-żieda fir-responsabbiltajiet istituzzjonali li kull nutar huwa msejjaħ li jġorr, u
  • ‘t-tielet l-użu tat-teknologija ta’ l-informatika li, kif għamlet f’professjonijiet oħra, tista’ tgħin ħafna lin-nutar fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum, u hemm x’wieħed jagħmel fil-ġejjieni.

In-numru ta’ nutara u l-komplessità tax-xogħol

F’kull professjoni, in-numru ta’ professjonisti dejjem jista’ joħloq problemi, u xejn anqas fin-notarjat. Qiegħed insemmi n-numru biex nuri li jekk tletin sena ilu qajla kien ikun hemm ilment serju kontra xi wieħed mis-60 nutar pratikant ta’ dak iż-żmien, illum ilmenti serji dwar l-aġir ta’ x’uħud mill-aktar minn 200 nutar pratikant huma realtà li hija ċertament inkwetanti. Jidher li n-nuqqas ta’ ħarsien tal-liġi qiegħed jiżdied, forsi mhux dejjem tort tan-nutara għaliex, ikolli nirrikonoxxi, li gzuz ta’ liġijiet u regolamenti li direttament jew indirettament jolqtu l-ħidma tan-nutar, u n-nuqqas ta’ funzjonament f’waqtu ta’ ċerti istituzzjonijiet marbutin miegħu, ma jagħmlux il-ħidma tan-nutar aktar faċli.  U hawnhekk nixtieq nagħmel parentesi żgħira fejn infaħħar u nifraħ ‘l maġġoranza assoluta tan-nutara għax bil-ħidma tagħhom jagħmlu gieh ‘l professjoni.  F’Malta tassew għandna nutara metikolużi li jagħmlu xogħolhom sewwa u dawn jixirqilhom tfiħir.  Hija ħasra li f’każi rari iżda huma realta’, nisimgħu bi stejjer li ma jagħmlu ebda gieħ ‘l professjoni u li jgħarrqu d-dehen tan-Nutar.

Ħaga li tgħaqqad man-numru ta’ nutara hija l-kwalità ta’ dawk il-gradwati ta’ l-Università tagħna li ta’ kull sena jressqu t-talba tagħhom biex joqogħdu għall-eżami tal-warrant. Sar ħafna xogħol min-naħa ta’ l-amministrazzjoni, u l-Kunsill Notarili u l-Università qegħdin jagħmlu hekk ukoll, biex l-istudji akkademiċi u prattiċi li nutar aspirant irid jagħmel u t-tip ta’ eżami li jrid jgħaddi jkunu juru aħjar jekk huwiex idoneju għal din il-professjoni.  Imma m’għandniex nindirizzaw biss il-proċess ta’ kif aspirant jingħata l-warrant. Is-snin li fihom wieħed jipprattika l-professjoni tiegħu huma ħafna itwal mis-snin li aspirant idum fl-Università, u għal dan iż-żmien twil, il-ħajja sħiħa professjonali tiegħu jew tagħha, jista’ jkun hemm diversi suġġerimenti ta’ x’għandu jsir mill-Kunsill u minn oħrajn biex in-nutar ikun dejjem minn ta’ quddiem fl-għarfien tal-liġi u fit-twettiq tagħha fil-prattika.

Regolamentazzjonital-professjoni
Wieħed mit-temi tal-workshopstal-lum jirrigwarda x’tip ta’ dixxiplina u regolamentazzjoni hija meħtiega għan-nutar meta nafu li l-pubblikazzjoni a’ l-atti hija, tista’ tgħid, il-ħajja stess ta’ kull nutar. Sostanzjalment il-liġi tagħna tfasslet fuq il-liġi Taljana ta’ l-1913, imma dan ma jfissirx li l-ġurisprudenza dwar dik il-liġi hija neċessarjament applikabbli kollha kemm hi għal-liġi tagħna li, minkejja x-xebħ, fiha differenzi kbar minn dik Taljana, l-aktar fil-mod kif il-professjoni hija organizzata fl-Italja u kif inhi organizzata hawn Malta.
It-tema tad-dixxiplinau r-regolamentazzjoni huwa importanti ħafna għall-amministrazzjoni pubblika kemm għaliex il-Gvern irid ikun ċert li n-nutara qegħdin jaqdu dmirijiethom sewwa fl-interess tal-pubbliku, kif ukoll għaliex għandu d-dritt li jdaħħal f’waqtu t-taxxi li n-nutar jiġbor bħala parti mix-xogħol istituzzjonali tiegħu. Nifhem li hemm nuqqasijiet min-naħa tal-amministrazzjoni wkoll, u dawn qegħdin jiġu indirizzati.
Qam dibattitu dwarx’jista’ jsir biex l-organizzazjoni tal-professjoni f’Malta tkun aħjar. Qed nalludi għal kif jinġabru l-atti pubbliċi, x’tip ta’ viżta, reviżjoni jew verifika ssir ta’ dawn l-atti u meta għandha issir, jekk humiex l-atti kollha li għandhomx ikunu soġġetti għal reviżjoni jew verifika, jew numru perċentwali minnhom, jekk għandniex nippruvaw nistrutturaw mill-ġdid il-Qorti ta’ Reviżjoni jew jekk għandux ikun hemm Bord jew Awtorità ta’ Verifika ġdida, jekk għandux ikun hemm xi nutara li jiddedikaw ħinhom kollu għal din il-ħidma ta’ verifika, safejn tista’ tasal l-awto-regolamentazzjoni tal-professjoni, il-kodiċi ta’ etika professjonali, l-istatut tal-Kulleġġ u tal-Kunsill, is-setgħat ta’ dixxiplina ta’ dan ta’ l-aħħar, u materji oħra.
Jiena tal-fehma lil-Kunsill Notarili għandu jkollu wisq aktar setgħat milli għandu llum, għaliex Kunsill li jinbaħ ħafna u ma jista’ jigdem xejn ħlief bil-ħanek, qajla huwa kredibbli. Jekk jiġi studjat sewwa kif in-notarjat jista’ jkollu miżura wiesa’ ta’ awto-regolamentazzjoni, dan jista’ jwassal għat-tisħiħ tal-professjoni u l-prestiġju tagħha.
Ġbir ta’ l-attinotarili
Nagħmel kummentqasir dwar il-ġbir ta’ l-atti u l-arkivjar tagħhom. Bħala amministrazzjoni nista’ ngħid li llum fl-Arkivji tan-Nutara fil-Belt Valletta hemm biżżejjed spazju biex jitqiegħdu l-volumi ta’ l-atti kollha mhux spezzjonati, u kien għalhekk li f’April ta’ din is-sena ħargu regolamenti biex l-Att ta’ l-1999 dwar Atti Notarili (Provvedimenti Temporanji) jiġi estiz ukoll fl-applikabilità tiegħu għall-atti li ġew ippubblikati mill-1 ta’ Lulju tas-sena 2000 lil hawn.

L-użutat-teknologija ta’ l-informatika
It-teknologija ta’l-informatika tintuża ħafna min-nutar, u dan japplika għall-amministrazzjoni wkoll. Għalkemm bħala Segretarju Parlamentari m’inix involut direttament, nawgura li kemm jista’ jkun malajr l-abbozz ta’ liġi dwar ir-Reġistru Ċentrali li miexi fil-Parlament jgħaddi mill-istadji kollha u jidħol fis-seħħ, u li t-teknoloġija ta’ l-informatika tgħin ħafn’iżjed fix-xogħol tan-nutar f’dan ir-rigward.
In-nutar ul-klijent
Xi pronunzjamentiġurisprudenzjali xegħlu diskussjoni taħraq fin-notarjat u fil-professjoni legali in ġenerali dwar jekk in-nutar huwiex responsabbli għall-verifika tat-titolu u, jekk iva, f’liema ċirkostanzi u sa fejn tasal din ir-responsabbiltà, jekk toħroġx jew le mil-liġi notarili jew minn band’oħra. Jista’ wieħed iħares lejn il-kwistjoni b’mod ieħor u jistaqsi x’diliġenza ħija meħtiega min-nutar li joħodha fuqu li jagħti opinjoni jew parir dwar kemm huwa tajjeb it-titolu ta’ l-immobbli ta’ min ikun ser jakkwista proprjetà. Tajjeb għalhekk li f’wieħed mill-workshops tallum ser jiġi diskuss proprju dan fil-kuntest usa’ tal-ħolqa ġuridika li hemm bejn in-nutar u min jitlob is-servizzi tiegħu fl-isfond ta’ l-esiġenzi ġodda tal-klijenti, tad-drittijet tal-konsumatur u ta’ x’jistenna l-pubbliku li huwa r-rwol tan-nutar. Jien ċert li ser ikun hemm diversi suġġerimenti dwar x’jista’ jsir, u tajjeb li l-implikazzjonijiet tagħhom jiġu mgħarbla sewwa.

Xewqat sbiħ

Il-ħsieb ġenerali lijgħaqqad iż-żewg workshops huwa li jitħares in-notarjat billi jkun hemm regolamentazzjoni. Huwa minnu li hemm min barra minn Malta qiegħed jimbutta t-tezi li l-proċess kollu li jwassal għat-trasferiment ta’ immobbli għandu jiġi simplifikat b’mod tali li jkun jista’ jagħmlu min irid mingħajr ma jkun nutar. Jiena ma naqbel xejn ma’ din it-teżi għaliex m’hijiex tivvalorizza r-rwol ċentrali li għandu n-notarjat fis-sistema ġuridiku Malti. Ghalhekk huwa tajjeb li qegħdin isiru dawn il-workshops.
Il-Gvern jemmenbis-sħiħ fil-prinċipju tas-sussidjarjertà u d-djalogu kostruttiv. Nemmen li jridu jkunu n-nutara stess li joħorgu b’soluzzjonijiet konkreti u effettivi dwar it-temi tal-workshops tal-lum. Min-naħa tiegħi nista’ nassigurakom li, sakemm jitħarsu l-interessi tal-pubbliku in ġenerali u ta’ l-amministrazzjoni, jiena lest li naċċetta u, safejn ikun possibbli għalija, immexxi ‘l quddiem dawn is-soluzzjonijiet. Imma wasal iż-żmien li n-notarjat jieħu d-deċiżjonijiet biex l-amministrazzjoni stess li tkun kostretta toħodhom hi minn rajha.
Nixtiqilkom il-ħidmat-tajba matul dawn il-workshops u fis-seduti plenarji.

Grazzi mill-qalb.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow