Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984
Date Icon 20/11/2026

• Waqt il-Kungress tal-UĦM – Voice of the Workers il-Prim Ministru jgħid illi dawn il-ftehimiet jistgħu jseħħu għax Malta għandha ekonomija b’saħħitha


“It-tliet ftehimiet kollettivi li se jiġu ffirmati llum jolqtu ħaddiema f’oqsma differenti u għandhom prinċipju komuni: il-ħidma u r-responsabbiltà tal-ħaddiema jistħoqqilhom rikonoxximent ġust.” Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela waqt diskors li għamel fil-Kungress tal-UĦM – Voice of the Workers li matulu ġew iffirmati tliet ftehimiet kollettivi mal-istess union għall-benefiċċju ta’ kważi 1,700 ħaddiem.


L-akbar ftehim ikopri lil 1,600 ħaddiem tal-Malta Public Transport, inkluż xufiera, li se jkunu qed jaraw titjib sostanzjali fid-dħul, fosthom b’żidiet fil-ħlasijiet għall-Ħdud u shifts matul il-lejl, titjib fl-allowances, żieda fil-Perfomance Bonus u żieda wkoll fl-Advanced Driver Allowance. Dawn il-ħaddiema se jaraw ukoll titjib fil-kundizzjonijiet u l-ħolqien ta’ Life Insurance u bonus ġdid tal-irtirar. Dan il-ftehim ikopri s-snin 2027 sa 2029.


Il-Prim Ministru esprima sodisfazzjon għal dan il-ftehim u dak li se jfisser għall-ħaddiema. “Ix-xogħol tagħkom għandu responsabbiltà kbira.  Ħafna minnkom taħdmu kmieni filgħodu, tard billejl, fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi, biex ħaddieħor ikun jista’ jasal għax-xogħol, għall-istudju jew għall-attivitajiet ta’ kuljum. Huwa għalhekk li dan il-ftehim għandu sinifikat importanti,” qal Dr Abela.


Esprima sodisfazzjon partikolari għall-fatt li dan il-ftehim kollettiv se jfisser appoġġ f’każ ta’ leave tal-mard fit-tul minħabba mard serju u anke proċeduri dixxiplinarji aktar ġusti. “Dawn huma benefiċċji li jagħtu sigurtà lill-ħaddiem, u li jħarsu wkoll lejn il-familja tiegħu meta jkollha l-akbar bżonn,” kompla Dr Abela.


Iż-żewġ ftehimiet l-oħrajn huma ma’ madwar 50 impjegat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Protezzjoni (IPA) u 35 ħaddiem tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.


Fil-każ tal-IPA il-ftehim se jinkludi titjib ta’ diversi allowances, fosthom il-Performance Bonus u l-ħolqien ta’ bonus ġdid. Fil-każ tal-Arkivji wkoll dak maqbul se jfisser titjib fil-pagi kif ukoll opportunitajiet għall-progressjoni tal-karriera.


“Dawn il-ftehimiet nistgħu nwettquhom biss għax għandna ekonomija b’saħħitha.  Ekonomija li tikber b’mod sostenibbli tagħti lill-Gvern il-mezzi biex jinvesti fil-ħaddiema u tagħti lin-negozji aktar spazju biex itejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet. Permezz tad-djalogu soċjali, nistgħu nsarrfu dik is-saħħa ekonomika f’titjib konkret għall-ħaddiema,” stqarr Dr Abela.


Huwa rrefera għal taħdita li kellu din il-ġimgħa mal-IMF, “li turik l-importanza ta’ dan kollu. Bla tkabbir ekonomiku dan kollu ma jkunx possibbli.” Kompla jgħid li l-Gvern qed jaħdem fuq il-qabża ekonomika li jmiss, b’aktar produttività u investiment li jżid il-valur ekonomiku, iħallas pagi aħjar u jagħmel użu aħjar mit-teknoloġija. 


Huwa għamel aċċenn partikolari fuq il-bżonn ta’ taħriġ tal-ħiliet li jkun aċċessibbli u kif il-kontribut tal-unions f’dan il-qasam huwa kruċjali għaliex ħadd daqshom ma jaf x’qed jinbidel fuq il-post tax-xogħol. 


“L-istess  japplika għat-teknoloġija u għall-intelliġenza artifiċjali. Dawn jistgħu jtejbu l-produttività, inaqqsu xogħol ripetittiv u joħolqu servizzi ġodda. Fl-istess waqt, iġibu magħhom mistoqsijiet leġittimi dwar kif se jinbidlu ċerti impjiegi,” stqarr Dr Abela u fakkar fil-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam, fosthom tal-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali u l-kors AI għal kulħadd. 


“Iżda fuq kollox tibqa’ l-importanza tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-dinjità tal-ħaddiem irrispettivament minn nazzjonalità tiegħu. Is-saħħa u s-sigurtà, il-ħin tal-mistrieħ, il-ħlas dovut u t-trattament ġust huma l-pedament ta’ suq tax-xogħol serju u robust. L-istess jgħodd għall-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament. Meta ħaddiem jiġi sfruttat, ikun qed ibati hu u l-familja tiegħu. Ikun qed jinħoloq ukoll żvantaġġ għal min iħaddem b’mod korrett, iħallas kif suppost u jinvesti fin-nies tiegħu. Għalhekk standards tajbin jipproteġu lill-ħaddiema,” qal Dr Abela. 


Fid-diskors tiegħu fakkar illi dan kien wieħed mill-għanijiet tal-Labour Migration Policy. 


Il-Kungress immarka s-60 anniversarju mit-twaqqif tal-UĦM. Il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fil-union u anke lill-Kap Eżekuttiv Josef Vella, li se jkun qed jieħu rwol ġdid fl-istess union. 


“Għandkom l-impenn tiegħi li nkomplu naħdmu magħkom għal suq tax-xogħol b’saħħtu, għal kundizzjonijiet aħjar u għal ekonomija li l-progress tagħha jinħass fil-ħajja tal-familji tagħna,” temm jgħid il-Prim Ministru.


STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES  Maltese parliamentary delegation participates in the Inter-parliamentary conference on Stability, Economic Coordination and Governance in the EU

PR261983

PRESS RELEASE BY THE HOUSE OF REPRESENTATIVES Maltese parliamentary delega...

More Press Releases Right arrow