AKTAR INIZJATTIVI F’GĦAWDEX BIEX JISSAĦĦU L-IMPJIEGI
Stqarrija b'referenza għal dik maħruġa mill-Oppożizzjoni
Il-Gvern qiegħed jattwa politika biex jissaħħu l-impjiegi f’Għawdex.
Waqt laqgħa tal-Kumitat Reġjonali tal-MCESD il-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar 3 inizjattivi importanti għall-gżira Għawdxija:
- Li Għawdex ikun meqjus bħala żona turistika;
- Li jinfetaħ uffiċċju konġunt bejn il-MEUSAC u l-MCESD biex Kunsilli Lokali, Għaqdiet mhux Governattivi u s-settur privat ikun jista’ jibbenefika aktar mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea; u
- L-iżvilupp ta’ Rural Tourism Policy
Dawn it-tliet inizjattivi għandhom jgħinu biex jiżdied in-negozju u l-kummerċ f’Għawdex u b’hekk jinħoloq aktar xogħol, u biex l-Għawdxin igawdu aktar mill-programmi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern diġà implimenta deċiżjoni li n-negozji f’Għawdex iħallsu 75% ta’ dik li titħallas min-negozji f’Malta u dawn se jibqgħu jgawdu minn din ir-rata mnaqqsa.
Dan hu Gvern ko-ordinat li qed jieħu inizjattivi differenti f’Għawdex:
- Din is-sena ħarġu 3 skemi oħra li se joffru programmi ta’ taħriġ u impjieg lil 26,000 persuna. Waħda mill-iskemi tipprovdi li għall-Maltin, l-ETC tħallas 26 ġimgħa mill-paga u mill-bolla; filwaqt li għall-Għawdxin dan il-ħlas jitla’ għal 52 ġimgħa.
- Aktar kmieni din is-sena ġie inawgurat l-Istitut għall-Istudji Turistiċi biex iż-żgħażagħ u l-ħaddiema jingħataw taħriġ fl-industrija tat-turiżmu li hi tant importanti għal din il-gżira.
- F’sena 264 persuna ġew impjegati fi 85 intrapriża permezz tal-Employment Aid Scheme. 11-il persuna gawdew mill-iskema Start up your Business Scheme u fetħu negozju għal rashom.
- Aktar minn 90% tad-drenaġġ f’Għawdex qed jiġi trattat bis-saħħa tal-Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ. B’hekk qed jiġi mħares l-ambjent marittimu madwar il-gżira.
- Nhar is-Sibt li għadda l-Gvern inawgura l-faċilità ġdida għar-rimi ta’ skart goff biex b’hekk ikompli jkun imħares aktar l-ambjent f’Għawdex.
- Din is-sena wkoll ġie inawgurat Ċentru ta’ Matul il-jum għall-persuni b’diżabilità li joffri diversi servizzi fosthom ta’ taħriġ.
- Qed isir il-bini ta’ skola sekonardja ġdida tas-subien b’investiment ta’ €7 miljun. Din l-iskola se jkollha fost l-oħrajn, laboratorji u workshops moderni u faċilitajiet sportivi ġodda.
- Qed isir il-proġett ta’ taqsima tar-radjoloġija u upgrading fit-tieni sala tal-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
- Se jsir il-proġett taż-Żewwieqa Waterfront f’Għawdex u l-yacht marinas.
- Inbnew mill-ġdid 2.6 kilometru ta’ toroq arterjali fosthom it-triq li mill-Imġarr twassal sax-Xewkija u t-triq li mir-Rabat tagħti għal San Lawrenz. Se jibdew ukoll xogħlijiet oħra fuq it-triq ta’ Pinu u tax-Xlendi.
Dawn huma uħud mill-inizjattivi li twettqu fl-aħħar xhur għal ġid tal-Għawdxin. Hi ħasra li flok l-Oppożizzjoni tingħaqad mal-Gvern biex jissaħħu l-impjiegi f’Għawdex tipprova tagħmel il-bsaten fir-roti bi kritika superfiċjali.
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984