Left arrow Go Back

DISKORS TAL-GĦELUQ MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-ĦATRA TAL-KUNSILLIERA LOKALI ELETTI FIS-6 TA’ ĠUNJU, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IT-TLIETA,  30 TA’ ĠUNJU 2009

PR1117A
Date Icon 30/06/2009

Segretarji Parlamentari,

Għeżież Kunsilliera Eletti,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Huwata’ unur għalija li nilqagħkom ġewwa l-Uffiċċju tiegħi fil-Berġa ta’ Kastilja għal din iċ-ċerimonja importanti.
Nifraħ lilkom il-Kunsilliera li ġejtu elettifl-elezzjonijiet aktar kmieni dan ix-xahar.  Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex insellem u nirringrazzja l-mistednin tagħkom hawn preżenti u lill-qraba tagħkom kollha għas-sostenn li tawkom tul il-ġranet u l-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni u li se jkomplu jagħtukom tul il-ħidma tagħkom fl-erba’ snin li ġejjin.  Il-ħajja politika u ċivika ma titlobx biss l-impenn ta’ min ikun qiegħed jagħti l-kontribut tiegħu jew tagħha, imma anki tal-familja li sservi ta’ spalla f’dak kollu li intom bħala kunsilliera, se tkunu qed tagħmlu.
Bħalkom kien hemm ukoll nies oħra li xtaqu jkunuta’ servizz.  Nirringrazzja wkoll lil dawk il-kandidati li kkontestaw imma ma ġewx eletti.  Nixtieq nirringrazzjahom talli offrew ruħhom biex ikunu ta’ servizz għal pajjiż u għal lokalitajiet rispettivi.  Kull kandidat, wera sens ta’ impenn soċjali qawwi u għalhekk nappella lilkom Kunsilliera eletti biex ma titilfux din ir-riżorsa billi b’mod jew ieħor tinvolvuhom fil-ħidma tagħkom tul is-snin li ġejjin.  Il-ħeġġa u l-kontribut li riedu joffru dawn l-individwi għandha tiġi rikonoxxuta minkom billi tagħtuhom spazju biex jagħtu sehemhom fil-ħidma tal-Kunsill, u fuq kollox għal ġid tar-residenti.
Manistax ma nirringrazzjax b’mod speċjali, lil dawk il-Kunilliera li servew fil-Kunsilli preċedenti iżda issa mhux ser jiffurmaw parti mill-Kunsilli l-ġodda. Bħala Prim Ministru nirringrazzjahom mill-qalb tax-xogħol u l-impenn kollu tagħhom.
Illum qegħdin hawn għaliex il-poplu pparteċipafi proċess demokratiku bil-vot tiegħu.  L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wrew il-fiduċja li r-residenti għandhom fil-Kunsilli u f’dak li jistgħu jagħmlu u għalhekk ipparteċipaw fl-għażliet li għandna llum.
Iċ-ċerimonja ta’ llum għandha sinifikat speċjalihekk kif qiegħda ssir f’mument tant importanti fejn il-Parlament qed jiddiskuti it-tiġdid li hemm bżonn isir għall-Kunsilli Lokali.  Il-Gvern, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, ingħata mandat mill-poplu biex jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni u jaġġorna l-Kunsilli Lokali biex dawn jagħtu l-aqwa servizz lir-residenti.  Smajna mat-8,000 suġġeriment mill-kunsilliera, mit-tfal, mis-sidien tal-ħwienet, mill-anzjani, mill-għaqdiet volontarji u mir-residenti.  Smajna, iddiskutejna, ikkonsultajna u issa rridu ngħaddu għall-azzjoni.
It-tiġdid tal-Kunsilli Lokali kien wieħedmill-20 proċess ta’ konsultazzjoni li wettaq il-Gvern fl-ewwel sena ta’ din il-leġislatura.  Ridna nassiguraw li t-tiġdid ikun jirrifletti l-pedamenti u s-suċċessi tal-passat, il-bżonnijiet tal-preżent kif ukoll l-isfidi tal-futur.  Tiġdid li fuq kollox ipoġġi r-residenti fiċ-ċentru tas-sistema tal-gvernar lokali.
Danit-tiġdid huwa mibni fuq l-impenn tagħna lkoll li qegħdin fil-politika – kemm nazzjonali kif ukoll lokali, l-impenn tagħna mibni fuq spirtu ta’ servizz għall-komunità li fiha aħna ngħixu.  Dan is-sodisfazzjon jidher l-aktar meta naraw li bil-ħidma tagħna nkunu qegħdin intejbu l-ambjent fiżiku, kulturali, soċjali u edukattiv ta’ madwarna li jkollu l-effett li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Biexdan jista’ jseħħ nemmen li l–ħidma tal-Kunsilli Lokali għandha tkun mibnija fuq erba’ pilastri ewlenin. Biss, qabel xejn, b’impenn lejn din il-ħidma kollha favur il-Kunsilli Lokali u r-residenti taghhom, il-Gvern iddeċieda li jżid il-baġit tal-Kunsilli Lokali.  Parti sostanzjali qed tmur f’allokazzjoni diretta u parti oħra mill-fondi qed jitqassmu permezz ta’ skemi diversi li ġew imħabbra, u oħrajn li ser jiġu mħabbra mill-Gvern. Din turi bil-fatti l-impenn tal-Gvern li jien immexxi favur il-politika lokali.
Il-ħidma tal-Kunsill Lokali għandha tkunimfassla fuq viżjoni, strateġija ċara u ippjanar bil-għaqal.  Irridu li l-Kunsilli Lokali jkunu sħab mal-Gvern Ċentrali.  Il-Kunsilli huma parti integrali fil-pjan olistiku tal-Gvern fejn mhux biss joffru servizz imma jimplimentaw il-politika nazzjonali mfassla skont iċ-ċirkustanzi tal-lokal.  U kien ghalhekk li ġie deċiż li nżidu t-terminu għall-erba’ snin għaliex rajna li dan il-perijodu joffri iktar faċilità lilkom il-Kunsilliera sabiex tippjanaw aħjar u iktar fit-tul.
Irridu li naraw aktar titjib ambjentalifil-lokalitajiet tagħna.  Nixtiequ li aktar lokalitajiet jagħmlu użu mill-enerġija alternattiva.  Il-lokalitajiet tagħna għandu jkollhom ukoll politika favur in-negozju u l-kummerċ.  Nixtiequ naraw aktar komunitajiet jipparteċipaw fl-isports, fl-attivitajiet kulturali li l-Kunsilli Lokali qed jiġu megħjuna li jagħmlu b’fondi mill-Gvern.  Irridu naraw li l-Kunsilli jieħdu aktar inizjattivi fl-edukazzjoni.
Nixtiequ naraw aktar lokalitajiet li jkunu ta’attrazzjoni turistika u b’hekk jiżdied il-kummerċ u jiżdiedu l-impjiegi fil-lokalitajiet tagħna.  Irridu li kull belt u raħal tkun vetrina ta’ dak li hu Malti u Għawdxi, tal-wirt kulturali, storiku u tal-identità tagħna.  Fl-ewwel sena ta’ din il-leġislatura bdew u saru xogħlijiet fuq 80 proġett differenti mill-Gvern, fuq xtut, pjazez, znieter, xogħlijiet ta’ restawr u l-ħarsien tal-wirt stortiku.  B’dawn il-proġetti nkunu qed noħorġu aktar il-ġmiel ta’ dawn il-gżejjer u tal-bliet u l-irħula tagħna.  Nhar is-Sibt li għadda ħabbarna wkoll il-proġetti għad-daħla ta’ Bieb il-Belt, Pjazza Ħelsien u s-sit tat-Teatru Rjal, li saru fuq disinji tal-artisti Renzo Piano.  Dawn huma proġetti li jsaħħu l-identità tagħna u se jlaqqgħu flimkien il-kultura, l-arti, l-istorja, l-identità, il-valuri u l-patrimonju tagħna.  Flimkien qed inkomplu nbiddlu wiċċ pajjiżna.
Il-Gvern qed iżid l-għodda għad-dispożizzjonital-Kunsilli Lokali biex ikunu jistgħu jwettqu aktar.  Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni smajna l-bżonnijiet u fassalna l-għodda meħtieġa u għalhekk qed insaħħu l-Kunsilli Lokali.
Ridna naraw li l-Kunsilli jieħdu inizjattivibiex jaħtfu l-opportunitajiet li s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea ġabet magħha.  Hawn ukoll smajna u fassalna.  It-twaqqif tal-MEUSEC b’unit iddedikat għall-Kunsilli huwa xhieda ta’ dan.  Fl-ewwel xhur ta’ ħidma diġà nistgħu naraw il-frott tal-MEUSEC hekk kif 68 mis-97-il applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea kienu ġejjin mill-Kunsilli Lokali.  U mhux biss waqqafna din it-taqsima iżda minn din is-sena, iddedikajna flus permezz ta’ skema ta’ finanzjament apposta sabiex ngħinu lil Kunsilli Lokali jħallsu s-sehem tagħhom għall-proġetti li jġibu mill-Unjoni Ewropea.
Lill-Kunsilliera Lokali li sena ilu kienuhawnhekk minflokkom sabiex jieħdu l-ġurament tagħhom, jien esiġejt minnhom serjetà u kontabbiltà.  U llum, minkom qed nitlob u nistenna l-istess affarijiet.  Il-Gvern se jkun qiegħed iwieżen lill-Kunsilli Lokali fl-operat leġittimu tagħhom.  Il-Kunsilli jridu jissaħħu aktar billi jkun hemm iktar tmexxija serja, mibnija fuq kontabbiltà sħiħa fil-qafas tal-liġi. B’hekk, permezz ta’ strateġija fit-tul kif ukoll bl-appoġġ tal-Gvern, inkunu qed intejbu dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. U t-tiġdid li aħna qed niddiskutu fil-Parlament huwa propjament sabiex nindirizzaw dawn l-affarijiet ukoll.
It-tieni pilastru hu s-solidarjetà.  Irridulokalitajiet u komunitajiet fejn jimpurtana minn xulxin, fejn nagħtu kas lil xulxin u fejn naħdmu flimkien.  B’solidarjetà nifhmu wkoll li l-Kunsilli jridu jkunu ħolqa f’katina sħiħa ta’ istituzzjonijiet u inizjattivi fil-qasam soċjali.  Irrid nara l-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna bħala r-ruħ u l-mutur sabiex jippromovu dak kollu li hu lokali.  Irrid nara l-Kunsilli Lokali jassiguraw li kulħadd ikun iħossu parti mill-komunità lokali b’mod mill-iktar sħiħ u parteċipattiv.
Danil-prinċipju jfisser ukoll li l-Kunsilli jridu jkunu maqgħudin bejniethom u jaħdmu flimkien għall-interess tal-komunità tagħhom.  Irridu naraw aktar Kunsilli jaħdmu flimkien fil-qafas reġjonali speċjalment issa li t-tiġdid propost ser ikun qed isaħħaħ iktar l-aspett reġjonali ta’ pajjiżna b’formazzjoni ta’ reġjuni ġodda wkoll għal Malta u Għawdex.
Mas-solidarjetà hemm pilastru ieħor li nemmenhuwa fundamentali fl-operat tal-Kunsilli li huwa s-sussidjarjetà.  L-eżistenza tal-Kunsilli hija mibnija fuq dan il-prinċipju u għalhekk hemm bżonn li jitħaddan ferm aktar fl-operat ta’ kuljum.  Hemm bżonn ta’ sussidjarjetà f’kull livell ta’ ħidma.  Għalhekk, joħroġ il-bżonn li l-ħidma tal-Kunsilli ma tkunx ċentralizzata f’persuna waħda imma s-Sindku għandu jassigura li kull Kunsillier ikun qed jagħti s-sehem dirett tiegħu jew tagħha.  Il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar wera l-interess qawwi tar-residenti fil-Kunsilli Lokali.  Esprimew ix-xewqa li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kunsill. Finalment, il-Kunsilli qegħdin hemmhekk għar-residenti u mhux bil-kontra u għalhekk, ir-residenti għandhom jitħallew isemmu leħinhom bl-iktar mod qawwi possibbli u l-Kunsill, f’kull deċiżjoni li jieħu għandu jagħti attenzjoni għal dak li jkunu qed jgħidu r-residenti. It-tiġdid li qed isir huwa wkoll intiż sabiex isaħħaħ dan l-aspett li – l-Kunsilli Lokali qegħdin hemm għar-residenti u mhux ir-residenti qegħdin hemm għall-Kunsilli Lokali.
Hemmukoll il-bżonn li l-Kunsilli jkunu xprun għas-sehem li l-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tagħti fit-tfassil u t-twettiq tal-politika anke fil-livell lokali.  Nemmen illi pajjiżna għandu riżorsa importanti fil-ġenerazzjoni żagħżugħa li għandha potenzjal qawwi biex tagħti kontribut għall-preżent u l-futur ta’ dawn il-gżejjer.  L-istatistika dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’din l-elezzjoni hija xhieda tal-potenzjal ta’ din il-ġenerazzjoni.  24% tal-kandidati kollha kienu żgħażagħ u 25% tal-kandidati eletti kienu kollha żgħażagħ. Huwa tassew ta’ sodisfazzjon kbir għalija u għall-pajjiż li nara din il-parteċipazzjoni tajba ta’ żgħażagħ.
L-investiment qawwi li qegħdin nagħmlufl-edukazzjoni ta’ wliedna qiegħed jissarraf ukoll f’servizz fil-lokalitajiet għall-ħolqien tal-ġid komuni.  Irrid nara l-iskejjel tagħna jintużaw iktar u b’mod tajjeb, wara l-ħinijiet tal-iskola. Dawn l-ispazji kważi f’kull lokalità f’Malta u Għawdex għandhom jikkontribwixxu iktar milli bil-mod tradizzjonali kif nafuhom aħna s’issa.  Hemm bżonn li bi prudenza u għaqal, il-bibien tal-iskola jinfetħu beraħ sabiex isir użu massimu mill-potenzjal li joffru.
Qasam ieħor relatat maż-żgħażagħ hu s-setturtal-għaqdiet u l-volontarjat u nemmen li anke huma għandhom rwol importanti fil-komunitajiet tagħna.  L-anzjani għandhom ukoll enerġija biex jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-lokalitajiet li trabbew u għexu fihom.  Agħtu u oħolqu l-ispazju biex kemm jista’ jkun iż-żgħażagħ , l-anzjani u l-għaqdiet jipparteċipaw fil-komunità.
Is-sostenibbiltà hija r-raba’ pilastru li fuqhatrid tinbena l-politika tal-Kunsilli Lokali.  Il-Kunsill għandu jkun katalist biex l-iżvilupp isir b’mod sostenibbli. Għandu jkun hemm biex jixpruna l-attività ekonomika filwaqt li jħares l-iżvilupp soċjali fil-komunità u billi jara li l-ambjent tar-raħal u l-belt jiġi mħares.  Il-pajjiż ma jistgħax ikollu żvilupp sostenibbli jekk il-lokalitajiet tagħna ma jkunux msejsa fuq is-sostenibbiltà.  Irridu li kull żvilupp isir b’tali mod li jitgawda mill-ġenerazzjoni preżenti imma ma jtellef xejn mid-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  B’dak li nagħmlu llum irridu nassiguraw li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikollhom ukoll id-dritt li jiżviluppaw il-lokalità tagħhom kif jidhrilhom huma li jkun l-aħjar fiż-żminijiet li ġejjin.

Sinjuri,

Flimkien naslu u nirnexxu. Naslu u nirnexxufix-xogħol, fit-turiżmu, fl-ambjent, fl-edukazzjoni u fl-enerġija jekk naħdmu flimkien bħala Gvern u Kunsilli Lokali. Intom trid tkunu sħab mal-Gvern Ċentrali fit-twettiq tal-politika u l-viżjoni tagħna għall-ġid ta’ pajjiżna.
Iċ-ċerimonja ta’ llejla flimkien mat-tiġdidtal-Kunsilli Lokali juri l-fiduċja tal-Gvern u tal-poplu fis-sistema ta’ gvernar lokali u fuq kollox fikom il-Kunsilliera. Nixtieq minn qalbi nerġa’ nawguralkom kull suċċess fil-ħidma li għandkom quddiemkom.
Jekkilkoll kemm aħna, naħdmu bl-għan aħħari li nkunu strument għal titjib fil-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet, allura jien persważ li jkollna suċċess fil-ħidma tagħna, suċċess li intom ilkoll tkunu parteċipi fit-tfassil u fit-twettiq tiegħu.

Grazzi u awguri.

DOI - 30.06.09

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow