Left arrow Go Back

IL-MEMBRI PARLAMENTARI EWROPEJ FOST L-EQREB KOLLABORATURI TAL-PARLAMENT MALTI

PR1029
Date Icon 12/06/2009
“Il-poplu Malti u Għawdxi jiddependi ħafna fuqil-ħila, l-intelliġenza u l-impenn tagħkom fil-Parlament Ewropew u fil-Kumitati u l-fora tiegħu, biex iħares l-interessi u l-ġid komuni ta’ Malta u biex jissieħeb b’mod produttiv fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea. Intom tistgħu twettqu diplomazija parlamentari tal-ogħla valur b’appoġġ għall-inizjattivi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-Parlament u l-Gvern Malti.”
Dan sostnieh Dr Louis Galea, l-iSpeakertal-Parlament Malti meta dalgħodu ltaqa’ għall-ewwel darba mal-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) il-ġodda. Għal-laqgħa attendiet ukoll l-Iskrivan tal-Kamra, Pauline Abela.
Louis Galea beda billi feraħlill-Membri Parlamentari Ewropej (MPE) eletti fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda. “L-għażla tagħkom ma tirriflettix biss messaġġ politiku lill-partiti li tirrappreżentaw, imma hija wkoll xhieda tal-fiduċja ċara li l-poplu Malti u Għawdxi qed juri fikom u fl-impenn li bih intom ser issegwu l-interessi tal-poplu tagħna  sew fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f’pajjiżna stess.”
Louis Galea saħaq li huwa jqis il-MPE Maltinbħala fost l-eqreb kollaboraturi tal-Parlament Malti. Infatti l-MPE jieħdu sehem ukoll fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti filwaqt li l-Membri Parlamentari Maltin jieħdu sehem f’lagħat konġunti tal-Parlament Ewropew.  “Aħna nsegwu mill-qrib u b’interess il-ħidma tagħkom. L-iżviluppi istituzzjonali li qed iseħħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea jimponu fuqkom responsabbiltajiet mhux żgħar biex jiġi assigurat li fid-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew, l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi jiġu mħarsa u miġjuba ‘l quddiem bl-aħjar mod u riżultati possibbli.”
“Bħala Speaker tal-Parlament Malti rrid litissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Membri fil-Parlament tagħna u l-MPE. Nemmen li għandna x’nitgħallmu mill-esperjenza  u l-ħidma tagħkom. Fl-istess ħin irrid nassigurakom mill-appoġġ li jista’ jkollkom bżonn fit-twettiq tad-dmirijiet tagħkom.”
Louis Galea fakkar li bir-rattifika tat-Trattatta’ Lisbona l-Parlamenti Nazzjonali ser jingħataw sehem determinanti bħala intermedjarji bejn il-popli Ewropej u  l-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell. Il-Parlamenti Nazzjonali tad-diversi pajjiżi qed jiġu mitluba jaħdmu ħalli l-popli jkunu jafu sew x’qed jiġi propost, diskuss u deċiż fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll biex jassiguraw li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu kas l-interessi u t-tħassib tal-popli.
Louis Galea fakkar li bir-ratifika tat-Trattatta’ Lisbona l-Parlamenti Nazzjonali ser jiksbu:
a)id-dritt li jiġu mgħarrfa direttament u mill-ewwel b’kull proposta li ssir fil-Kummissjoni, fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew;
b)id-dritt li jagħtu l-veduti tagħhom;
c)id-dritt li joġġezzjonaw u li jitolbu rikonsiderazzjoni tal-każ jekk terz tal-Parlamenti nazzjonali jiftiehmu;
d)id-dritt li jwaqqgħu proposti jew liġijiet jekk maġġoranza ta’ Parlamenti jingħaqdu flimkien;
e)id-dritt li jappellaw minn deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE f’każ ta’ ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; u
f)id-dritt li jivverifikaw l-osservanza tal-principji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-ħidma kollha tal-UE.
Louis Galea fakkar ukoll li kull ParlamentNazzjonali għandu saħħa ta’ veto fuq kull kwistjoni ta’ liġi tal-familja li jista’ jkollu mpatt fuq il-pajjiż anke jekk il-Kunsill tal-Ministri jkun unanimu dwarha.
Louis Galea fisser l-importanza kruċjali ligħandu l-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti presedut mill-Onor. Michael Frendo fir-relazzjonijiet bejn iz-zewġ parlamenti u fil-laqgħat tal-Kumitati Parlamentari dwar l-Affarijiet Ewropej (COSAC) li jiltaqa’ regolarment.
DrSimon Busuttil tkellem dwar l-importanza li l-Parlament Malti jwettaq l-istedina li għandu biex ikollu r-rappreżentant permanenti tiegħu fi Brussell biex ikun assigurat ħafna aktar il-koordinament bejn iż-żewġ Parlamenti.
Is-Sur Louis Grech enfasizza li l-MPE ser jaħdmuflimkien favur l-aġenda nazzjonali u li l-Parlament Ewropew, bit-tibdil li qed isir, ser jgħin biex ikun aktar viċin ic-ċittadini.

Fid-diskussjoni li segwiet l-MPE tkellmu dwar:

·        l-importanza tas-sehem tagħhom fil-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti;

·        dwar l-importanza li jkun hemm kuntatt aktar effettiv mal-MEUSAC;

·        l-importanza li jkunu involuti minn kmieni fid-diskussjoni dwar l-impatt ta’ miżuri u inizjattivi li jiġu proposti mill-istituzzjonijiet Ewropej;

·        l-importanza li jkun hemm sinerġija tar-riżorsi limitati u l-kuntatti li jkunu qed isiru mill-Gvern u parlamentari f’fora internazzjonali differenti;

·        u dwar il-ħtieġa li l-Parlament Malti jorganizza ruħu aħjar biex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda l-ġdida li ser ikollu minħabba s-sehem aktar dirett fil-leġislazzjoni Ewropea.

L-iSpeaker Louis Galea awgura suċċess fil-ħidma tagħhom lil John Attard Montalto, Simon Busuttil, David Casa, Louis Grech u lil Edward Scicluna kif ukoll lil Joseph Cuschieri li nittamaw jieħu postu mill-aktar fis possibbli.

DOI - 12.06.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow