DISKORS MILL-ONOR. MARIO GALEA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT IS-SEMINAR: ‘REALTAJIET MHUX REALI: NIFHMU L-ISKIŻOFRENIJA’ - FLORIANA - 26 TA’ MEJJU 2009
| Naħseb ħafna għadhom jiftakru l-film A | Beautiful Mind, li kien ħareġ fl-2001 u li jittratta l-istorja ta’ John Forbes Nash. Nash kien ibati minn paranoid schizophrenia. Fil-film naraw lil Nash jibni relazzjonijiet li kienu jeżistu biss fir-realtà tiegħu. Konsegwenza ta’ dawn ir-relazzjonijiet, narawh jidħol għall-assignments perikolużi li kaġun tagħhom jibda jemmen li s-Servizzi Sigrieti Sovjetiċi jridu joqtluh. Min ra l-film jinduna li anki dawn l-assignments ma kienu xejn ħlief ir-riżultat tal-marda tiegħu. Fil-film naraw lil Nash għaddej minn żminijiet diffiċli fit-triq tiegħu għall-fejqan. Hu u l-familja tiegħu jiffaċċjaw mumenti ta’ sfidi kbar. Iżda minkejja dawn l-isfidi xorta waħda rnexxielu jagħti kontribut kbir lis-soċjetà partikolarment fil-Matematika, tant li kien ingħata rikonoxximent prestiġġjuż bħala rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Ekonomija. |
| Dan il-film, apparti li kien film sabiħ tant | li għamel suċċess kbir u anki rebaħ erba’ Oscars kien importanti ħafna, għax forsi għall-ewwel darba, l-iskiżofrenija intweriet verament kif inhi: marda mimlija sfidi kemm għall-persuna nnifisha kif ukoll għall-familjari u l-ħbieb. Il-film wera wkoll il-preġudizzji u l-istigma ta’ dawk li għax mhumiex infurmati dwar din il-kundizzjoni, ikomplu jagħmlu l-ħajja tal-pazjent ferm aktar diffiċli. |
| Kif ħafna minnkom jafu, l-iskiżofrenija hija | marda mentali li taffettwa lil madwar wieħed minn kull 100 persuna madwar id-dinja. Jiġifieri tolqot madwar 1% tal-popolazzjoni. Jista’ jintlaqat minnha kulħadd. Tista’ tfeġġ kemm fix-xjuħ, f’persuni ta’ mezza età kif ukoll fiż-żgħażagħ. Tista’ tkun sinjur jew fqir, illiterat jew ta’ skola, raġel jew mara – tabilħaqq din il-marda ma tħarisx lejn sess, età jew stat soċjali. L-iskiżofrenija m’għandhiex uċuħ. |
| Sfortunatament anki llum għad m’hawnx | biżżejjed informazzjoni u għarfien dwar l-iskiżofrenija. F’Malta huwa stmat li hawn madwar 4,000 persuna li jbatu mill-iskiżofrenija. Imma l-konsegwenzi ta’ din il-marda jmorru ‘l hemm minn dawn l-4,000 pazjent. Jiġu affettwati ħafna uliedhom, il-familjari tagħhom u saħansitra anki ħbiebhom u l-kollegi tagħhom ta’ fuq ix-xogħol. Għalhekk seminar bħal tal-lum hu ferm u ferm meħtieġ u importanti. |
| Kif tafu sew, għad hawn ċerta stigma | fil-konfront tal-mard mentali. Dan minkejja li hu stmat li wieħed minn kull erba’ persuni jbati minn xi tip ta’ problema ta’ saħħa mentali tul ħajtu. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tbassar li sas-sena 2020, il-mard mentali se jkun it-tieni l-aktar kundizzjoni komuni wara l-mard tal-qalb. Minkejja dan, hu stmat li 26% biss ifittxu l-kura u ħafna drabi dan hu kaġun tal-istigma li sfortunatament għadha tgeżwer il-mard mentali. Tant hu hekk li 80% tal-persuni li jkollhom problema ta’ saħħa mentali jgħidu li l-akbar sfida mhix il-marda fiha nnifisha, iżda l-istigma u t-timbru ħazin li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom. Fejn tidħol il-kundizzjoni tal-iskiżofrenija l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ssostni li xejn anqas minn 50% ta’ dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni m’humiex qed jirċievu l-kura adattata. |
| F’dan is-seminar se nisimgħu dwar l-iskiżofrenija | minn perspettivi differenti: se jitkellmu l-psikoloġi, il-professjonisti mediċi. Se jitkellmu n-nies tal-media. Imma se jkollna wkoll l-esperjenza diretta ta’ Mark, persuna li tbati minn din il-kundizzjoni. Tajjeb ħafna li jitkellmu l-policy makers fuq din il-kundizzjoni u daqstant ieħor hu importanti li jitkellmu l-professjonisti. Imma fl-aħħar mill-aħħar kull meta jitkellem pazjent, ikun pass kbir ieħor biex inkomplu niġġieldu l-istigma. L-ewwel u qabel kollox għax dawn il-pazjenti għandhom dritt ikunu involuti saħansitra anki fid-deċizjoni tal-kura li se jieħdu. Jeħtieġ nisimgħu dejjem aktar minn dawn il-pazjenti dwar kif il-marda tagħhom qed taffettwalhom ħajjithom u ħajjet il-familji tagħhom. Iridu jkunu huma li jgħidulna x’jistennew mis-servizzi offruti lilhom. Daqskemm għandhom dritt li jitkellmu huma fuq il-kundizzjoni tagħhom daqstant ieħor aħna għandna dmir li nisimgħu. Kull wieħed u waħda minnha li nipprovdu servizz lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, irridu nżommu dejjem f’moħħna li aħna rridu naħdmu magħhom, u mhux naħdmu għalihom. Lil Mark nixtieq ngħidlu grazzi u prosit, mhux biss talli ġejt hawn, imma talli ġejt hawn lest li tisfida n-norma, għax is-soltu l-pazjenti li jbatu bl-iskiżofrenija aktarx iħallu lil ħaddiehor jitkellem f’isimhom dwar il-kundizzjoni tagħhom. Prosit u keep it up Mark. |
| Seminar bħal dan hu importanti għax hu | opportunità oħra biex inżidu l-għarfien dwar din il-kundizzjoni. Għax nofs veritajiet jew invenzjonijiet dwar din il-kundizzjoni, jistgħu jwasslu lil xi wħud biex jibdew jemmnu li dawn il-pazjenti huma nies perikolużi, slavaġ, imprevedibbli u li saħansitra mhumiex posthom fis-socjetà. Dan jista’ joħloq ċirku vizzjuż ta’ aljenazzjoni u diskriminazzjoni mhux biss fil-konfront ta’ persuni li jbatu bl-iskiżofrenija, imma anki għall-membri tal-familja tagħhom. Fil-fatt, l-istigma tista’ twassal għall-iżolament soċjali ta’ dawn il-pazjenti. |
| L-istigma hija wkoll kawża għaliex uħud minn | dawn il-pazjenti jispiċċaw homeless, isibuha diffiċli biex isibu xogħol, jibdew jidħlu ta’ spiss f’xi istituzzjoni. Dan apparti li l-istess stigma u preġudizzju jista’ jwassal lil uħud minn dawn il-pazjenti biex jibdew jabbużaw mill-alkoħol jew id-droga. Dawn huma kollha fatturi li jnaqqsu sewwa ċ-ċansijiet tal-fejqan. |
| Ippermettuli nieħu din l-okkażjoni biex ngħid | kelmtejn dwar il-Liġi tas-Saħħa Mentali. Kemm ili responsabbli minn dan il-qasam, diġà għamilt pubbliku l-impenn tiegħi li nkompli naħdem biex l-abbozz il-ġdid dwar is-Saħħa Mentali jgħaddi mill-proċeduri, inkużi dawk parlamentari, ħalli mbagħad ikun jista’ jidħol fis-seħħ. Dan hu abbozz li sar wara konsultazzjoni wiesgħa u li jagħti ferm aktar drittijiet lill-pazjent bi problemi ta’ saħħa mentali. Dan l-Att kif tafu qiegħed fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Min-naħa tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ġibdulna l-attenzjoni dwar ċerti problemi ta’ natura legali li jeħtieġ jiġu ċċarati u bħalissa qegħdin fl-istat fejn qed issir konsultazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-esperti tagħna, ħalli tinstab soluzzjoni. Jiġifieri altru li mixjin fuq dan l-abbozz li hu ferm importanti. |
| Hawnhekk tajjeb ngħid ukoll li m’għadniex | nistennew il-liġi l-ġdida biex nibdew naġġornaw is-servizzi li noffru lill-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Kif tafu l-enfasi llum hija fuq servizzi u ‘support’ fil-komunità. Ir-Richmond Foundation kienet minn tal-ewwel li tagħmel dan u llum qed toffri għadd ta’ servizzi kollha mifruxa fil-komunità. Anki l-Isptar Monte Carmeli f’dawn l-aħħar snin beda jifrex is-servizzi tiegħu fil-komunità. Is-servizz fil-komunità għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li kien beda snin ilu f’Ħal Qormi u fir-reġjun ta’ madwaru, issa se jinfirex għal reġjun ieħor. Fil-fatt diġà beda r-reklutaġġ ta’ professjonisti u staff. Fil-gimgħat li ġejjin se niftħu żewġ Day Centres oħra għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, wieħed f’Raħal Ġdid u ieħor fiż-Żejtun. |
| Tabilħaqq fejn tidħol il-kura tal-mard | mentali din hija t-triq ’il quddiem: dak li nkomplu ninvestu u nifirxu l-kura fil-komunità. Minn żmien għal żmien, iva se jkun hemm pazjenti li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar għall-kura, inkluż fil-Monte Carmeli. Imma dan il-perjodu għandu jkun qasir kemm jista’ jkun. U sa fejn hu possibbli, il-persuna jkun jista’ jerġa’ jmur lura d-dar mal-familja tiegħu u jsib is-‘support’ u l-kura li għandu bżonn fil-komunità. Hawnhekk ma rridux nilludu ruħna. Il-kura fil-komunità tiswa ħafna flus u teħtieġ ħafna riżorsi umani. Imma ftit ftit hekk qed nagħmlu - nibnu qafas ta’ kura u ‘support’ fil-komunità għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Fadlilna triq twila x’interrqu imma meta nħarsu lura minn fejn tlaqna konvint li qegħdin fid-direzzjoni t-tajba. |
| Biex nerġa’ lura għall-kundizzjoni | tal-iskizofrenija, irrid inwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ. Id-dinja għamlet progress kbir fil-kura tal-iskiżofrenija. Żewġ ġenerazzjonijiet ilu min kien jiġi diagnosed li jbati bl-iskiżofrenija aktarx li kien jispiċċa msakkar għal ħajtu kollha. Sa ġenerazzjoni biss ilu, każijiet gravi ta’ skiżofrenija kellhom ċans kbir li jispiċċaw homeless jew anki l-ħabs. Illum bil-mod il-mod l-iskiżofrenija qed issir u trid tkompli ssir kundizzjoni li tista’ tgħix biha l-istess bħalma nies jgħixu b’kundizzjonijiet oħrajn bħal dijabete u l-epilepsija. Għax illum l-iskiżofrenija hija marda li hawn kura għaliha. |
Biex nagħlaq ha nazzarda nkun ftit prużuntuż. Skond l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, fid-dinja hawn madwar 24 miljuni li jbatu mill-iskiżofrenija. Uħud minnhom minn żmien għal żmien jgħaddu minn perjodi iebsa ta’ psikosi. Waqt li kont qed nipprepara dan id-diskors ħsibt bejni u bejn ruħi, kieku jien kont wieħed minn dawn l-24 miljun pazjent li qed ibati bl-iskiżofrenija u li bħalissa għaddej minn perjodu akut ta’ psikosi, kieku x’messaġġ kont irrid inwassal dalgħodu lilkom u lin-nies t’hemm barra?
Probabbli kont ngħidilkom hekk. Bejni u bejnkom hemm żewġ realtajiet. Ilħna mhux mitkellma. Azzjonijiet li ma jeżistux. Viżjonijiet li ma jidhrux. Imma għalija li nbati bl-iskiżofenija, il-leħen nisimgħu, il-viżjoni naraha, l-azzjoni nġarrabha. Kull ma qed nitolbok hu li tifhem u tapprezza li din hi r-realtà tiegħi. Realtà li kultant ikolli ngħixha 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa. Mhux qed nitolbok li inti tara, tisma’ u ġġarrab dak li għaddej minnhu jien. Le, xejn minn dan. Qed nitolbok biss tapprezza li jien marid u allura tifhimni u ma tikkundannanix. Grazzi ħafna.
DOI – 26.05.2009
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984