Left arrow Go Back

DISKORS ta’ L-ONOR. JOHN DALLI, MINISTRU ghall-POLITIKA SOCJALI, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MILL-GHAQDA UNIONS MALTIN  bit-tema: ID-DJALOGU SOĊJALI F’MALTA -  29 TA’ APRIL 2009

PR0724
Date Icon 29/04/2009

Ħbieb mill-Qasam Trejdunjonistiku,  

Nibda biex nirringrazzja lill-Għaqda Unions Maltin għall-istedina tagħhom biex nindirizza dan is-Seminar dwar ‘Id-Djalogu Soċjali f’Malta’.  Nifhem li din hi attivita’ marbuta maċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, fl-1 ta’ Mejju. F’dan is-sens nixtieq insellem lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin. Anzi nwessgħa t-tislima tiegħi lil kull min jgħati sehemhu fid-dinja tax-xogħol. Iktar ma jgħaddi ż-żmien jidher li almenu fis-settur privat, l-konfrontazzjoni qed tirtab biex postha tieħdu l-metodu ta’ kollaborazzjoni li jħalli ferm aktar il-frott mixtieq. Iż-żmien ta’ ‘aħna’ kontra ‘huma’  irid ikompli jgħib bil-mod. Flok nirsistu biex nitqabdu ma’ xulxin ikun ferm aħjar u għaqli li nirsistu biex nifmhu lil xulxin. 

Nifhem ukoll li s-suġġett ta’ ‘djalogu soċjali’ f’Malta hu importanti daqs kemm hu sensittiv. Nifhem ir-responsabilta’ tiegħi bħala Ministru responsabbli għax-xogħol, biex meta f’isem l-Istat ikun meħtieġ nintervjeni biex inqarreb il-partijiet lejn xulxin, inkun kemm jista’ jkun kredibbli u aċċettat minn kulħadd. Għalhekk filwaqt li ma naħrabx mis-suġġett, irrid inkun meqjus, konċiljattiv u ċar fi kliemi. 

Ma hemm l-ebda dubju li kien l-Ex-President Eddie Fenech Adami, u hawn insellimlu fi tmiem il-mandat tiegħu, li appena tfaċċa bħala Mexxej fix-xena politika ta’ pajjiżna beda jitkellem fuq il-bżonn li f’Malta tinħoloq ‘soċjeta ta’ djalogu’. Kienet proposta li saret waqt li l-qagħda industrijali f’Malta kienet imqallba sew. Flok arroganza ta’ poter ried idaħħal id-djalogu bħala l-ilsien u strument ta’ komunikazzjoni bejn il-partijiet soċjali.  

Appena sar Prim Ministru Fenech Adami sab ma’ wiccu l-impieg ta’ eluf ta’ ħaddiema irregolari. Fi djalogu sħiħ mat-Trade Unions instabet soluzzjoni. L-eżempji prattiċi tas-soċjeta’ tad-djalogu komplew matul is-snin u wasslu biex jitqassam iktar il-ġid fost il-ħaddiema u nfirex iktar il-poter bħalma għamlu il-ħolqien tal-Kunsilli Lokali. Id-djalogu kien ukoll l-istrument li permezz tiegħu ħadem il-Gvern biex ksibna waħda mill-ikbar rebħiet riċenti għal pajjiżna, jiġifieri s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-MEUSAC kien l-istrument tad-djalogu f’dan il-każ. 

Illum id-djalogu hu aċċettat minn kulħadd. Iridu kulħadd. Id-djalogu sar metodu ta’ Gvern. Jekk id-djalogu hu importanti f’ħafna oqsma, żgur li hu meħtieġ fuq kollox fil-qasam soċjali. 

X’inhu ‘id-Djalogu Socjali’?

L-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol, l-ILO, tiddefinixxi d-djalogu soċjali bħala kull tip ta’ negozjati, konsultazzjoni jew sempliċi tibdil ta’ informazzjoni bejn rappreżentanti tal-Gvernijiet, sidien u ħaddiema fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni dwar politika ekonomika u soċjali. L-iskop tad-djalogu soċjali hu biex iġib ‘l quddiem il-kunsens u t-tisħib demokratiku tal-isħab ewlenin tad-dinja tax-xogħol.

L-ILO tgħid li biex id-djalogu soċjali jirnexxi jeħtieġ li jkollu dawn il-kundizzjonijiet:

·        Eżistenza ta’ organizazzjonijiet tal-ħaddiema u tas-sidien b’saħħithom u indipendenti;

·        Rieda politika u impenn biex il-partijiet jidħlu fi djalogu soċjali;

·        Rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv;

·        Appoġġ istituzzjonalizzat addattat. 

Bħal f’kollox iridu jkunu l-prinċipji li jiggwidawna fit-twettiq ta’ djalogu soċjali sincier. Mingħajr ma nidħol f’dettal żejjed nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-principji li ġejjin, li bil-fomm kulħadd jistqarr; iżda li fil-prattika mhux dejjem rispettati bir-reqqa. 

1.     F’dak kollu li nagħmlu għandna nkunu mnebbhin mid-dinjita’ tal-bniedem. Għalhekk rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

2.     Hu obbligu tal-għaqdiet tal-ħaddiema u sidien li jħarsu l-‘ġid komuni’. L-interess nazzjonali għandu jitqies f’kull azzjoni industrijali li tittieħed u m’għandux jiġi perikolat;

3.     Għandna nfittxu li nwettqu solidarjeta’ vera dejjem u kullimkien;

4.     Il-Gvern irid jirrispetta l-għaqdiet tal-ħaddiema ffurmati biex iħarsu l-interessi u t-twettiq tad-dmirijiet u tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tax-xogħol. B’ebda skuża dawn m’għandhom ikunu strumentalizzati minn għaqdiet oħra ghal skopijiet li mhumiex trejdunjonistiċi. F’dan il-kuntest ebda Union m’għandha tkun privileġġjata fuq oħra;

5.    Meta l-Unions jikkontemplaw li jieħdu xi azzjoni industrijali dawn għandhom iqisu l-effett tal-azzjonijiet tagħhom fuq gruppi oħra, sija jekk huma ħaddiema, persuni li jużaw servizzi jew konsumaturi. L-użu ta’ tbatija fuq oħrajn bħala strument biex iġġib ‘l quddiem xi talbiet, mhux ġustifikat.

6.     L-azzjonijiet industrijali tal-ħaddiema jew tas-sidien għandu jkollhom limiti etiċi; u mhux kollox jgħodd waqt ġlieda.

7.     L-użu ta’ azzjoni industrijali għandu jsir biss wara li jkunu eżawriti l-metodi kollha disponibbli għall-ftehim.

8.      F’kull azzjoni li tittieħed għandna nqisu d-dimensjoni ambjentali. 

Ma’ dawn il-prinċipji irrid inżid li jien nemmen li l-ħaddiema għandhom drittijiet bħalma huma:

·        id-dritt għal xogħol diċenti

·        id-dritt għall-pagi ġusti;

·        id-dritt għas-sigurta’ fl-impieg;

·        id-dritt għall-mistrieħ adekwat, vakanzi u ħinijiet tax-xogħol xierqa;

·        id-dritt għall-ħarsien tas-saħħa u sigurta’ fuq il-postijiet tax-xogħol;

·        id-dritt li tissieħeb fi trade union li tixtieq int. 

Naturalment, kif jgħidu, bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. U dik hi l-isfida għalina lkoll. Kif dawn il-prinċipji nwettquhom fil-prattika. Irridu nkunu responsabbli.  

Naħseb hu f’waqtu li ngħid li bħala eżempju, ebda Union f’Malta llum ma tista’ tinjora l-qagħda mwegħra ekonomika internazzjonali fit-talbiet tagħha. Il-ġlieda għall-ħolqien tal-impiegi minn dejjem kienet tellieqa kbira. Illum il-glieda hi biex inżommu dak li għandna. Irridu nqisu li l-azzjonijiet u t-talbiet li nagħmlu hux se jipperikolaw l-impiegi tal-ħaddiema membri tagħna u ta’ ħaddiema oħra. 

Jekk il-pajjiżi lejn fejn nesportaw il-prodotti tagħna jew minn fejn inġibu t-turisti lejn pajjiżna, qed jiffaċċjaw kriżijiet kbar, b’eluf ta’ ħaddiema jitilfu l-impiegi tagħhom, ma jistax ikun li dan kollu ma jkollux effett fuq pajjiżna b’xi mod. 

Irridu nqisu jekk il-pajjiż jiflaħx għat-talbiet tagħna. Irridu nqisu li jekk għax b’saħħitna jew għandna sħubija dominanti f’xi settur ekonomiku hux se nagħmlu talbiet esaġerati li jtellfu lil pajjiżna fil-kompetittivita’ tiegħu.  

Minn naħa l-oħra irridu niżguraw ukoll li s-sidien ma jinqdewx biċ-ċirkostanzi internazzjonali biex jimponu fuq il-ħaddiema sagrificcji bla bżonn u li jġibu profitt akbar li mhux ġustifikat. 

Qed ngħixu sitwazzjoni delikata ħafna. Jekk ma nkunux responsabbli nistgħu ngħerqu fi ftit snin. Ma nistgħux naffordjaw il-lussu ta’ żbalji kbar. Fin-nofs hemm il-ġejjieni tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u ta’ pajjiżna. Ma nistgħux inħallu xi ambizzjonijiet personali itappnu r-realta’ tal-qagħda tal-impiegi ta’ pajjiżna. 

Id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.

Dan hu propju ż-żmien li nsaħħu id-djalogu soċjali. Fuq livell nazzjonali dan id-djalogu għamel qabża ta’ kwalita’ meta fl-2001 twaqqaf il-Malta Council for Economic and Social Development, MCESD. Maż-żmien dan il-forum issaħħaħ. Forsi għandu bżonn jissaħħaħ iżjed. L-MCESD m’għandux ikun biss forum fejn daqqa Ministru u daqqa ieħor jagħmel stqarrija u wara ssir diskussjoni. Naħseb li rridu nkomplu ninvestu iktar f’riżorsi biex l-MCESD isir font importanti ta’ riċerka awtorevoli ekonomika u soċjali. 

Minkejja kollox inħoss li l-funzjoni tal-MCESD tjiebet u kisbet aktar aċċettazzjoni nazzjonali. 

Sa ftit snin ilu kien sar sforz qawwi biex isir ftehim fit-tul fuq il-kompetittivita’ ta’ pajjizna. Dan it-tentattiv li sar fis-snin 2004/5, li konna qed insejħulu Patt Socjali, kien falla. Għax falla darba ma jfissirx li ma kienx idea tajba. Lanqas għandu jfisser li ma jsirux tentattivi oħra biex Patt bħal dan jerġa jiġi negozjat. Forsi jkun għaqli li l-MCESD jikkummissjona studju xjentifiku indipendenti biex jara għaliex ma kienx intlaħaq ftehim dwar dak il-Patt Socjali u jissuġġerixxi ideat u metodi ġodda dwar is-suġġett. 

Madankollu qabel kull studju serju li jista’ jsir irridu naraw li jkun hemm rieda tajba mill-partijiet kollha. Hawnhekk fejn il-prinċipju tal-interess nazzjonali għandu jkollu piż qawwi. 

Irrid infakkar li skond studju tal-Prof Edward Zammit, publikat mill-European Foundation for the Improvement of Living & Working Conditions (2006), il-Gvern diġa’ qed jgħin lill-imsieħba soċjali biex jgħaqdu d-doveri tagħhom kif suppost billi jgħinhom finanzjarjament, biex jiksbu tagħrif fuq l-Unjoni Ewropea u jħallas il-pagi ta’ numru ta’ ħaddiema li qed jaħdmu mal-Unions jew l-għaqdiet tas-sidien. Skond dan l-istudju, il-Unions qed jirċievu €1,034,400  u l-għaqdiet tas-sidien qed jirċievu €1,244,000 fis-sena. Dawn huma somom relattivament sostanzjali biex jinżamm ħaj id-djalogu soċjali. 

Dawn is-sħab soċjali bejniethom kollha jimpjegaw 113-il persuna li 34 minnhom jew 30 fil-mija tagħhom, huma gradwati.  Il-ħaddiema kollha msemmija huma kapaċi fl-informatika. Forsi jkun għaqli li ninvestu iktar fir-riżorsi umani tal-Unions u l-għaqdiet tas-sidien. 

Skond l-istess studju tal-Prof Zammit, Malta hi koperta tajjeb fis-settur ta’ negozjar kollettiv.  Madwar 64 fil-mija tal-ħaddiema tagħna huma koperti minn dan in-negozjar kollettiv. Dan jikkompara tajjeb ma’ dak li qed jiġri fil-kumplament tal-Ewropa. 45 fil-mija tal-ħaddiema fil-qasam tal-manifattura huma koperti b’negozjar kollettiv; filwaqt li 22.7 fil-mija li jaħdmu fis-settur tas-servizzi huma koperti bl-istess mod.  Fis-settur pubbliku 87 fil-mija huma koperti b’negozjar kollettiv. Naturalment din l-aħħar ċifra tinfluenza kemmxejn ic-cifra ta’ 64 fil-mija tal-ħaddiema kollha koperti bi ftehim kollettiv. 

Illum donnu li l-ikbar problema fil-komponenti tad-djalogu soċjali hi rappreżentata mit-Trade Unions. Inkun qed nonqos jekk ma ngħidx li l-kompetizzjoni sfrenata bejn it-Trade Unions infushom hi lok ta’ tħassib għall-Gvern. Aħna, bħala gvern ma nindaħlux kif il-Unions iġibu ruħhom bejniethom. Iżda bosta drabi l-inkwiet bejn Union u oħra jispiċċa f’ħoġor il-Gvern, speċjalment fi kwistjonijiet ta’ għarfien uffiċjali ta’ Unions fil-postijiet tax-xogħol. 

Xi snin ilu kien ġie Malta s-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, John Monks, u pprova jressaq il-Unions kollha lejn xulxin biex xi darba jitwelled Trade Unions Council Malti. Dawk it-tentattivi ma rnexxewx. Bħalma ma rnexxewx tentattivi iktar riċenti. Ir-riżultat tal-lum hu evidenti quddiem għajnejn kulħadd: qasma aktar profonda bejn grupp ta’ Unions u grupp ieħor. Jien mhux se nidħol bejn il-basla u qoxritha. Imma taħsbu li bis-sitwazzjoni preżenti rebaħ xi ħaġa l-ħaddiem Malti? Ma jidrilkomx li qabel kull tentattiv biex il-Unions kollha jingħaqdu taħt kappell wiehed, għandu jkun hemm aktar dawk li jgħidulhom ‘confidence building measures’ bejn il-Unions?  X’jiġri fi ħdan il-Moviment tat-Trade Unions Maltin hu kompetenza tagħhom u tagħhom biss. Li nistgħu nagħmlu aħna minn naħa politika hu li nosservaw b’attenzjoni x’qed jiġri. 

Minn naħa tagħna, aħna nerġgħu għal darb’oħra ntennu t-twemmin li l-Unions m’għandomx ikollhom indħil politiku jew affiljazzjoni ma’ xi partit politiku. Meta jiġri hekk dejjem ibati l-ħaddiem. Iżda f’pajjiżna ħadd mhu iblah. Id-distinzjoni bejn it-trade unions u l-partiti politiċi ma tridx tkun biss fuq il-karta. L-imgħoddi kien qares wisq għall-ħaddiema Maltin meta tħalltu l-politika max-xogħol tal-unions. 

Minħabba dak kollu li ġara f’dawn l-aħħar xhur id-djalogu soċjali f’pajjiżna jinsab f’salib it-toroq. Il-Gvern tal-ġurnata hu kommess għad-djalogu u l-konsultazzjoni. Imma biex id-djalogu ikun suċċess irid ikollu interlokuturi sodi, mhux maqsuma fihom infushom, u kapaċi jitkellmu b’vuċi waħda.

Djalogu soċjali fil-livell ta’ impriża.

Id-djalogu soċjali mhux biżżejjed li jkun fil-livell nazzjonali biss, jeħtieġ jinżel fil-livell tal-impriza. Ma nistgħux ngħidu li f’dan il-qasam għandna qagħda ħazina. Ir-relazzjonijiet bejn il-Unions u l-Management fl-imprizi tjiebu, għalkemm dejjem hemm spazju għal aktar titjib. 

Kultant għadna niltaqgħu ma’ xi managements li jopponu s-sħubija ta’ ħaddiema fi trade union. Din hi viżjoni fqira ta’ kif għandom jitmexxew il-kwistjonijiet tax-xogħol. Il-bażi tar-relazzjonijiet industrijali għandha tkun il-fiducja. Jekk il-ħaddiema jaraw rispett minn min iħaddimhom, il-produzzjoni tagħhom bil-fors tikber u trendi aktar. Il-qofol ta’ kollox hi l-informazzjoni. Ħaddiem informat hu ħaddiem dejjem preparat għall-iżviluppi tal-ġejjieni. 

L-istat mhux membru passiv tad-djalogu soċjali. Għandu doveri x’jaqdi. Mhux l-ewwel darba meta d-djalogu intern f’impriża ifalli jew ikun għaddej minn perjodu ta’ turbolenza, ikun il-Gvern li jdaħħal aktar sens fin-negozjati u jqarreb lill-partijiet lejn xulxin. Hu dover tal-Gvern li jara li tirrenja l-paċi industrijali f’pajjiżna. Hekk biħsiebni nkompli nagħmel kull meta jinqala’ l-bżonn. 

Id-djalogu soċjali f’livell ewropew.

Nixtieq intemm dan l-intervent tiegħi dwar il-bżonn li nkomplu nsaħħu il-prezenza Maltija fid-djalogu soċjali ewropew. Jekk irridu nkunu aġġornati fuq dak li qed jiġri fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali ewropej, jeħtieġ li kemm il-Unions kif ukoll l-għaqdiet tas-sidien isaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fid-djalogu soċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-1986, meta President tal-Kummissjoni Ewropea kien hemm Jacques Delors, kien beda d-djalogu soċjali bejn l-ETUC u l-Għaqdiet Ewlenin tas-Sidien. Fl-1993 dan il-prinċipju tad-djalogu soċjali iddaħħal fit-Trattat ta’ Maastricht. Minn dak iż-żmien ‘l hawn saru 40 ftehim li jkopru l-industrija kollha ewropea u 500 stqarrija konġunta bejn l-ETUC u l-Employers.  Ir-rappreżentanti tal-Unions u l-Għaqdiet tas-Sidien Maltin qed jipparteċipaw bis-sħiħ fix-xogħol tal-Economic & Social Committee tal-Unjoni Ewropea.   

L-Unjoni Ewropea torganizza speċi ta’ Summit Soċjali darba fis-sena fejn kapijiet tal-gvernijiet ta’ stati membri jiltaqgħu u jiddiskutu mal-mexxejja tal-ETUC u l-Employers Ewropej. 

Aħna nistgħu inkattru d-diskussjoni ta’ dan is-Summit Soċjali Ewropew billi qabel kull ‘summit’,  l-MCESD jiddiskuti wkoll l-Aġenda li se tkun diskussa fi Brussel. B’hekk nitgħallmu minn xulxin u nikkontribwixxu aħjar lejn it-temi soċjali li jkunu qed jiġu diskussi fl-Ewropa. 

Konkluzzjoni

Il-lezzjonijiet tal-istorja f’Malta u f’pajjiżi barranin jgħallmuna li l-politika tal-konfrontazzjoni finalment taħdem kontra l-interessi tal-ħaddiema. Infatti hemm ħafna x’jintrebaħ billi nħaddmu djalogu soċjali kostruttiv.

DOI – 29.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow