Left arrow Go Back

DISKORS TAS-SINJURIJA TIEGĦU L-PRIM IMĦALLEF, DR VINCENT DEGAETANO, FL-OKKAŻJONI TAŻ-ŻJARA TA’ KORTESIJA MILL-ĠUDIKATURA LILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU L-PRESIDENT TA’ MALTA DR GEORGE ABELA, – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA – 24 TA’ APRIL 2009

PR0685
Date Icon 24/04/2009

Eċċellenza,

Meta tlett ijiem waral-insedjament tiegħek jiena għamiltlek żjara ta’ kortesija, kont fissirtlek ix-xewqa – u inti qbilt ukoll li jkun ġust u xieraq li jsir hekk – li, kemm jista’ jkun malajr, inlaqqgħek formalment mal-Bank tal-Ġudikatura. Naturalment, din il-laqgħa m’hix intiża biss biex niltaqgħu bħala ħbieb – għalkemm jien ċert li hija wkoll laqgħa bejn il-ħbieb għax ilkoll kemm aħna nafuk personalment bħala kollega avukat u, xi wħud fostna, ha nsjeħilhom hekk, l-anzjani fostna, jafuk sew sa minn żmien l-universita`. Il-laqgħa tal-lum hija intiża biex tissottolinea r-rabta li teżisti bejn il-kariga li inti llum denjament tokkupa, u l-Ġudikatura, li hija t-tielet kolonna jew fergħa tal-Istat u li, bħall-Eżekuttiv u l-Leġislatura, hija indispensabbli għall-governabilita` tal-pajjiż.
Inti, Eċċellenza, tirrapreżenta,fis-sens li inti simbolu, mhux biss tal-unita` fost il-poplu ta’ dawn il-Gżejjer, iżda inti wkoll simbolu tal-unita` ta’ dawn it-tliet fergħat tal-Istat: l-Eżekuttiv, il-Leġislatura u l-Ġudikatura. Kif reċentement kellu l-okkażjoni li jfisser in-Nunzju Apostoliku għal Malta, l-Arċisqof Caputo, inti l-“garanti” tal-Kostituzzjoni, minkejja li l-liġi dan ma tgħidux espressament. Bħala “garanti” tal-Kostituzzjoni inti għandek id-dover li titkellem jekk tara li l-Kostituzzjoni ma tkunx qed tiġi osservata f’dawk li huma l-mekkaniżmi meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ u rabtiet funzjonali korretti bejn it-tlett fergħat ta’ l-Istat, bilanċ u rabtiet li huma l-pedament tal-governabilita` tal-pajjiż taħt is-saltna tad-dritt. Kif tgħidilna l-Kostituzzjoni, il-Parlament ta’ Malta hu magħmul “mill-President u minn Kamra tad-Deputati”. L-ewwel disposizzjoni tal-Kostituzzjoni li tiftaħ il-kapitolu dwar l-Eżekuttiv tgħid li “L-awtorita` eżekuttiva ta’ Malta hija fil-President”, għalkemm nafu wkoll li din l-awtorita` tiġi eżerċitata, ħlief f’każijiet limitati, fuq il-parir tal-Kabinett, jew tal-Prim Ministru jew ta’ xi Ministru. Għal raġunijiet ovvji – u cioe` minħabba l-indipendenza u għalhekk id-distanza li l-Ġudikatura trid neċessarjament iżżomm miż-żewġ fergħat l-oħra tal-Istat – il-President ta’ Malta ma jistax ikun il-kap tal-Ġudikatura. Storikament dan ir-rwol ta’ kap tal-Ġudikatura dejjem kien fdat lill-Prim Imħallef ta’ dawn il-Gżejjer li, addirittura, meta fi żminijiet kolonjali kien ikun hemm diffikulta` biex jiġi identifikat min verament jirrapreżenta l-poplu Malti kollhu kemm hu, kien jispiċċa anke jirrapreżenta lill-istess poplu Malti fil-vesti ta’ “Chief Citizen”. Dan jispjega, per eżempju, għaliex kien predeċessur tiegħi, Sir George Borg, li f’isem il-poplu ta’ Malta u Għawdex irċeva l-George Cross – avveniment li kkommemorajna ftit ta’ jiem ilu. Pero`, minkejja din id-distanza li trid tinżamm, xorta waħda hemm rabtiet funzjonali bejn il-President ta’ Malta u l-Ġudikatura. Il-Prim Imħallef, l-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru mill-President ta’ Malta fuq il-parir tal-Prim Ministru. Huwa wkoll il-President ta’ Malta li jassenja, fuq il-parir tal-Ministru tal-Ġustizzja u r-rakkomandazzjoni tal-Prim Imħallef, il-Qorti li fiha ordinarjament joqgħod kull Imħallef u Maġistrat. Il-President ta’ Malta huwa wkoll ic-Chairman tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, organu kostituzzjonali li l-importanza tiegħu, kif ukoll ix-xogħol tiegħu, ħafna minnu fis-skiet u bla daqq ta’ trombi, għadhom forsi ma ġewx apprezzati minn kulħadd. U – dulcis in fundo – il-Kostituzzjoni tipprovdi wkoll li jekk il-President ta’ Malta ma jkunx jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu jew ikun assenti minn Malta u l-Prim Ministru, wara konsultazzjoni mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, ma jaħtarx persuna oħra biex temporanjament taqdi dik il-funzjoni, huwa l-Prim Imħallef li jkollu jaqdi l-funzjonijiet ta’ President ta’ Malta – nassigurak, Eċċellenza, li għandi biżżejjed xogħol u problemi bħala Prim Imħallef u ma nixtieqx inżid magħhom, u għalhekk ma għandi ebda xewqa jew deżiderju li jkolli nidħol biex nagħmel xogħlok, anke jekk biss temporanjament. Wara l-emendi ta’ l-2007 fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ċerti poteri – bħal dawk dwar surrogi ta’ Imħallfin u Maġistrati u tqassim tax-xogħol bejn id-diversi membri tal-Ġudikatura – ġew trasferiti mill-President ta’ Malta għall-Prim Imħallef.
Dan qed ngħidu, Eċċellenza, biexfil-qosor ħafna, infisser li hemm rabitet funzjonali skond il-Kostituzzjoni bejn l-Uffiċċju li inti tokkupa u l-Ġudikatura, li l-funzjoni tagħha hi li tamministra l-ġustizzja billi tapplika l-liġi, fejn ikun meħtieġ tinterpretaha u, jekk ikun il-każ, anke tiddikjara liġi bħala nulla jew invalida. Fl-aħħar mill-aħħar iċ-ċittadin iħares kemm lejk kif ukoll lejn il-Ġudikatura bħala l-balwardi finali li warajhom ifittex ġustizzja politika u soċjali fil-każ tiegħek, u ġustizzja skond il-liġi fil-każ tagħna. Dan ifisser ukoll li kemm il-Presidenza kif ukoll il-Ġudikatura jridu jżommu u jikkoltivaw l-ogħla livelli ta’ integrita` pubblika u privata.
Sħabi l-Imħallfin u l-Maġistratiu jien nifirħulek u nawguralek ex imo corde tal-kariga l-ġdida li, nerġa’ ntenni, inti denjament bdejt tokkupa minn ftit ta’ jiem ilu, filwaqt li nwiegħduk li nkomplu nwettqu x-xogħol tagħna ta’ ministri tal-ġustizzja skond l-aħjar abilita` u ħila tagħna għall-ġid tal-pajjiż li inti kap tiegħu.

DOI – 24.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow