Left arrow Go Back

KONFERENZA DWAR KARRIERI FIT-TURIŻMU F’GĦAWDEX

PR0661
Date Icon 22/04/2009
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-ġdidfil-Qala, laqa’ fih numru ta’ kapijiet ta’ skejjel, għalliema, guidance teachers fi ħdan il-Gozo College, flimkien ma’ oħrajn involuti fil-qasam turistiku f’Għawdex,  li attendew għal konferenza dwar karrieri fis-settur turistiku Għawdxi.
Din il-konferenza fetħet ġimgħa ta’ attivitajietli qed tiġi organizzata fuq inizjattiva tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex u l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u s-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu. L-għan tal-Careers in Tourism Week  huwa dak li joħloq għarfien dwar il-possibiltajiet u l-opportunitajiet ta’ xogħol fil-qasam turistiku. L-attivitajiet li ġew imħejjija matul din il-ġimgħa huma mmirati li jesponu dawn l-opportunitajiet fost studenti, ġenituri u dawk involuti fil-qasam edukattiv, biex b’hekk l-għażla ta’ karriera fil-qasam turistiku tkun tista’ tiġi kkunsidrata kif inhu mistħoqq.
Fil-ftuħ ta’ din il-konferenza, il-Ministru għalGħawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li l-konferenza qiegħda tindirizza b’mod speċifiku n-nuqqas li qed jinħass mill-operaturi turistiċi Għawdxin – dak ta’ ħaddiema Għawdxin li huma lesti li jaħdmu f’dan is-settur. Il-Ministru għal Għawdex żiedet tgħid li l-prodott turistiku Għawdxi jeħtieġ nies lokali li lesti li joffru servizz u jaħdmu fil-qasam turistiku – nies li huma kburin bil-wirt storiku u tradizzjonali tagħna u huma kapaċi li jestendu l-ospitalità u servizz ta’ kwalità lil dawk li jħallsu l-flus biex jaraw dak li Għawdex għandu x’joffri. Hija fakkret kif is-settur turistiku Għawdxi bbenefika minn għadd ta’ proġetti li komplew tejbu l-infrastruttura u l-prodott turistiku Għawdxi. Il-Ministru Giovanna Debono ħeġġet ukoll lil dawk involuti fis-settur biex jieħdu sehem fi proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jtejbu l-istabbilimenti tagħhom. Dan jirriżulta f’ambjenti aħjar għall-klienti kif ukoll għall-ħaddiema f’dan is-settur.
Il-konferenza kienet indirizzata wkollmill-Onor. Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-Onor de Marco qal li l-għan ewlieni ta’ din il-ġimgħa ta’ attivitajiet huwa li jitrawwem aktar interess qalb studenti żgħażagħ biex jikkunsidraw aktar bis-serjetà li jaqbdu karriera fil-qasam turistiku. Huwa qal li t-turiżmu huwa settur importanti ħafna għall-ekonomija Għawdxija minħabba l-fatt li aktar minn seba’ mitt (700) persuna Għawdxija huma impjegati fuq bażi full-time fil-lukandi u r-ristoranti f’Għawdex. Dan ma jinkludix fih il-mijiet jekk mhux eluf li huma impjegati f’setturi oħra relatati mat-turiżmu bħalma huma l-gwidi, u dawk li jaħdmu fit-trasport pubbliku. Dr de Marco qal li sfortunatament, għad baqa’ min iqis impjieg fit-turiżmu bħala attività part-time u mhux bħala karriera fejn wieħed jista’ javvanza. Hu kkonkluda billi qal li sabiex l-industrija tibqa’ miexja ‘l quddiem, irridu nibqgħu nħarrġu n-nies biex b’hekk ikunu jistgħu jilħqu l-aspettattivi tal-klienti filwaqt li jtejbu l-valur tal-prodott turistiku li qed noffru.
Matul din il-konferenza tkellmu wkoll fostl-oħrajn il-Kap tal-ITS, is-Sur John Cassar li ta dettalji dwar l-Istitut tal-Istudji Turistiċi f’Għawdex, is-Sur Andre Arciola mill-MTA li għamel preżentazzjoni dwar il-Careers Week f’Għawdex, kif ukoll is-Sur Joe Muscat mill-GTA li għamel preżentazzjoni dwar niċeċ fis-suq tat-turiżmu u l-intrapriża. Saru wkoll preżentazzjonijiet oħra minn Ms Marie Avellino mid-Dipartiment tal-Istudji Turistiċi fi ħdan il-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy fl-Università ta’ Malta kif ukoll minn Miguel Refalo, student Għawdxi li qed isegwi kors ta’ Baċċellerat fl-istudji Turistiċi. Tkellmu wkoll Genevieve Abela mis-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu u Marcel Meilaq mill-ITS ta’ Għawdex.
Il-programm ta’ attivitajiet għal Careers inTourism Week, ser jibqa’ għaddej sal-Ħadd 26 ta’ April 2009. Matul dawn il-jiem qed jiġu organizzati żjajjar f’postijiet u stabbilimenti turistiċi f’Għawdex, bħalma huma attrazzjonijiet turistiċi, postijiet agro-turistiċi, stabbilimenti tal-ikel u oħrajn li joffru akkomodazzjoni, fosthom il-lukandi ewlenin. Dan se jippermetti li studenti minn skejjel sekondarji Għawdxin jiġu f’kuntatt dirett ma’ bosta servizzi offruti lit-turisti li jżuru lil din il-gżira.  L-attivitajiet jintemmu l-Ħadd meta se tinżamm open day fl-ITS fil-Qala fejn hu mistenni li ħafna ġenituri flimkien mal-istudenti, għalliema u żgħażagħ li qed ifittxu xogħol jew jixtiequ jbiddlu x-xogħol li għandhom, iżuru dan l-istitut biex isiru jafu aktar dwar il-korsijiet u l-faċilitajiet ġodda li qed joffri dan l-Istitut, kif ukoll bl-opportunitajiet ta’ xogħol u karrieri li joffri l-qasam turistiku Għawdxi għall-futur tagħhom.


DOI - 22.04.2009

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow