DISKORS MILL-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT SEMINAR GĦALL-MEDJATURI ORGANIZZAT MIĊ-ĊENTRU TAL-MEDJAZZJONI GĦAL MALTA – VALLETTA - IL-ĦAMIS, 16 TA’ APRIL 2009
PR0619
16/04/2009
Sinjuri,
| Huwa | ta’ pjaċir għalija li nindirizzakom illum f’din l-okkażjoni. Il-medjazzjoni hija proċess legali li għandu ħafna vantaġġi għal min jagħraf jiddeċiedi li jasal fi ftehim fuq kwistjoni legali. Ma narax li għandi nagħmel elenku twil ta’ dawn il-vantaġġi, biss huwa biżżejjed li jingħad li jonqsu l-atrit, l-ispejjeż, iż-żmien, it-telf inutili ta’ siegħat ta’ xogħol u li l-medjazzjoni tagħlaq għoqda mingħajr ma tikkumplika ruħha inutilment. |
| Kull | soċjetà li qed tħares ʹil quddiem ħadet ħsieb iddaħħal dan il-mekkaniżmu legali li lejh wieħed jista’ jirrikorri jew qabel jiftaħ kawża, jew waqt li kawża tkun għaddejja. Huwa metodu alternattiv ta’ kif issolvi l-problemi, flok quddiem Ġudikant quddiem persuna li kapaċi twassal għal ftehim. Il-verità hija li f’numru ta’ każijiet, dan il-ftehim huwa ferm iktar effettiv minn sentenza ta’ Qorti li ma tkunx tista’ tħares u tindirizza t-truf kollha tal-kwistjoni. Għalhekk, il-proċess alternattiv tal-medjazzjoni hemm loku u hemm ukoll skop li dan jiġi promoss u utilizzat aktar. |
| Pajjiżna ma baqax lura fuq dan u huwa wkoll, | forsi minn ta’ l-ewwel fuq livell Ewropew, li ħa ħsieb li jkollu liġi fuq is-suġġett. Fil-fatt, fil-21 ta’ Diċembru 2004 ġie introdott fil-liġijiet tagħna l-Kapitolu 474, li jintroduċi u jirregola b’mod ċar il-kunċett tal-medjazzjoni. Żgur li dan kien u jibqa’ pass importanti ħafna fis-settur legali, iżda waħdu m’huwiex biżżejjed. Hemm bżonn li wieħed ikompli jaħdem sabiex tinbidel il-kultura legali. Tiċċaqlaq sabiex tibda tifhem u taċċetta li hemm vantaġġi li jistgħu jinkisbu li, fl-aħħar tal-ġurnata, huma ta’ benefiċċju għal kull min huwa nvolut: is-soċjetà, il-persuni konċernati u l-konsulenti legali. M’hemmx dubju li m’hemmx għaġġla żejda għaliha, lanqas ma hi xi prinċipju kardinali, biss hemm bżonn li s-soċjetà tiġi mgħarrfa aktar bil-vantaġġi u tiġi mħajra tidħol aktar għaliha. |
| Għalhekk, nixtieq nieħu l-opportunità sabiex, | l-ewwel, nirringrazzja lill-Bord taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għax-xogħol li sar sa issa u nħeġġu sabiex ikompli jintensifika l-ħidma tiegħu. It-tieni, niġbed l-attenzjoni tal-pubbliku għal-librett verament spjegattiv maħruġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern fis-sena 2005 fuq “X’inhu sewwa l-Proċess tal-Medjazzjoni”, li hu miktub bi kliem sempliċi sabiex jinftiehem minn kulħadd. It-tielet, nirringrazzja li l-Kodiċi ta’ Etika issa ġie finalizzat mill-Bord u huwa għad-disposizzjoni tal-medjaturi kollha. Dawn huma passi importanti ħafna fil-ħidma tal-medjazzjoni. Ma hemmx dubju li jimmeritaw attenzjoni għax issa ser tiżdied iktar il-ħidma Ewropea f’dan is-settur. Fil-fatt, wara numru ta’ snin ta’ diskussjoni fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa fil-21 ta’ Mejju 2008 approva d-Direttiva 2008/52/EC fuq il-Medjazzjoni fil-Kamp Ċivili u Kummerċjali fi kwistjonijiet legali “cross-border”. F’dan id-dokument, ai termini tal-artikolu 6 ċċaqlaqna sabiex il-ftehim li jaslu għalih il-partijiet fi proċess ta’ medjazzjoni, jekk huma jiftehmu hekk, isir eżegwibbli bħal sentenza tal-Qrati. |
| Il-medjazzjoni hija proċess importanti ħafna | għal kull soċjetà demokratika u aktar ma din tiġi msaħħa, aktar tippermetti li tirrenja l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż. Hija prijorità ta’ dan il-Ministeru li, tul is-snin li ġejjin, dan ikompli jiġi ssudat. Hemm bżonn ninfurmaw lis-soċjetà b’dan il-mekkaniżmu u nagħmlu ħilitna kollha sabiex inbiddlu iktar il-kultura legali. L-użu tal-medjazzjoni hemm bżonnu u hemm bżonn li ngħarfuh fil-vantaġġi kbar li dan jagħti. |
DOI – 16.04.2009
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984