FIL-PARLAMENT WIRJA “AFRIKA”, INIZJATTIVA TAL-LABORATORJU TAL-PAĊI FLIMKIEN MA’ MR SPEAKER
PR0466
17/03/2009
| “Minkejja l-kontroversji li | ġġib magħha t-tema tal-immigrazzjoni illegali, il-poplu Malti għandu jkun kapaċi jħares lejn l-Afrika minn lenti informata u pożittiva. Filwaqt li l-aħbarijiet huma mimlija bi stejjer koroh u kultant tal-waħx dwar ġrajjiet ta’ gwerer, ġuħ, faqar, u tmexxija dittatorjali fl-Afrika, dan hu kontinent li fuqu jiddependi parti sew mill-gejjieni tad-dinja. Tagħmel sew Malta li f’kull forum internazzjonali, speċjalment fl-Unjoni Ewropea, naħdmu favur l-iżvilupp, il-paċi u s-sigurta` fost il-popli kollha tal-Afrika.” Hekk sostna l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Louis Galea, meta flimkien ma’ Patri Dyonisius Mintoff inawgura wirja ta’ ħamsin ritratt ta’ Cesare Pippi b’uċuħ ta’ persuni mill-Afrika fis-Sala tal-Kumitati tal-Parlament fil-Palazz il-Belt. |
| Il-wirja inġiebet minn Assisi | fuq inizjattiva ta’ Patri Mintoff, fundatur u direttur tal-Laboratorju tal-Paċi, wara li l-wirja daret diversi bliet fl-Italja. Cesare Pippi hu fotografu magħruf u kuratur ta’ diversi wirjiet li jaħdem qrib ħafna taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Paċi fost il-Ġnus, li jinsab f’Assisi. |
| Louis Galea rringrazzja lil | Patri Dyonisius Mintoff li ħadem biex ġab ir-ritratti tal-wirja f’Malta f’mument meta l-poplu Malti u Għawdxi qed jirrifletti u jitkellem ħafna dwar il-problema tal-immigrazzjoni illegali fejn huma l-aktar viżibbli persuni minn diversi pajjiżi tal-Afrika. “Il-Parlament qed jiddedika dawn il-jumejn għal diskussjoni ġenerali dwar l-immigrazzjoni illegali. Filwaqt li nsegwi b’attenzjoni d-diskussjoni fil-Parlament u barra, inħalli f’idejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex ikomplu jipprovdi r-rimedji meħtieġa u possibbli f’dan il-kamp. Huwa ċar li l-istituzzjonijiet nazzjonali diġà jagħrfu sew kemm dak kollu li jħasseb lill-poplu kif ukoll id-dmir tagħhom li jseddqu dawk il-valuri li huma fil-bażi tal-ħajja ċivili tagħna fis-sigurtà, fis-sliem u fir-risq. Inqis li huwa importanti li l-mezzi tal-kommunikazzjoni jagħtu l-kontribut tagħhom biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiffurmaw opinjoni informata dwar il-fenomenu tal-immigrazzjoni. Importanti wkoll li nkunu nafu l-aspetti negattivi tal-immigrazzjoni illegali kif jolqtu lill-poplu tagħna. Iżda daqstant ieħor importanti li nsiru nafu aktar dwar l-istorja, l-kultura u l-identità tal-pajjiżi diversi tal-Afrika, speċjalment dawk li minnhom l-aktar li qed jaslu immigranti b’mod illegali. L-istorja ta’ dawn il-pajjiżi turi kif matul dawn l-aħħar żewġ sekli ġew sfruttati mill-pajjiżi żviluppati. Fl-istess ħin dawn huma popli li għandhom storja ta’ dinjità, ta’ kultura mill-isbaħ u ta’ esperjenza umana mill-aqwa. Ir-ritratti tal-persuni mill-Afrika ta’ Cesare Pippi huma sejħa biex filwaqt li naħdmu biex insaħħu dak li hu tagħna, niftakru li qed nitkellmu fuq bnedmin li aħna intrabatna li nassigurawlhom id-dinjità sħiħa tagħhom u r-rispett għad-drittijiet umani fundamentali tagħhom,” temm jgħid Louis Galea. |
| Patri Dyonsius Mintoff qal li | r-ritratti fil-biċċa kbira tagħhom juru uċuħ ta’ Afrikani, l-aktar żgħażagħ u tfal minn diversi pajjiżi ta’ dan il-kontinent, fosthom il-Mali, l-Eġittu, il-Kosta tal-Avorju, Żanżibar, il-Kenja u s-Senegal. “L-iskop ta’ din il-wirja huwa li tagħti opportunità lil kull min iżurha, f’dan il-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet, li jħares lejn l-Afrika b’għajnejn friski, ‘l bogħod mill-istereotip ta’ kontinent li qisu tallab għall-għajnuna.” Patri Mintoff qal li l-pjagi tal-faqar u l-gwerra fil-fatt ma humiex il-vera identità ta’ dawn l-artijiet li huma tant sinjuri fid-diversità tal-flora u fawna kif ukoll fil-varjetà kbira kulturali tagħhom. |
| Patri Mintoff temm jgħid: | “Kull wiċċ f’din il-wirja huwa provokazzjoni għal dawk li jaraw lill-Afrikani kollha wiċċ wieħed. Kull wiċċ huwa ta’ persuna unika bil-kultura, twemmin, doni, ħiliet u ħteġijiet kollha tagħha. Kull wiċċ jirrakkonta storja ‘l bogħod minn kull cliché’ ta’ faqar u miżerja: storja ta’ tama fil-ġejjieni.” |
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984