STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT
Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jiddiskuti l-prokreazzjoni assistita, il-morali u l-liġi ma’ Rev Professur Emmanuel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, għalliem tal-Etika Filosofika u t-Teoloġija Morali, membru fil-Kumitat Nazzjonali tal-Bioetika u fil-European Group of Ethics li jaqa’ direttament taħt il-President Barroso
“Jekk għandha ssir liġi fuq il-prokreazzjoni assistita, erbgħa għandhom ikunu l-valuri li għandhom imexxu l-politiku ta’ rieda tajba u li għandu għal qalbu l-ġid komuni u l-kultura tal-ħajja:
- Id-dritt tal-koppja għall-parteċipazzjoni diretta u attiva fit-tnissil tal-ulied;
- Rispett lejn id-dinjità tal-ħajja umana sa mill-bidu nett;
- Il-ħarsien tal-familja u ż-żwieġ;
- Il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tat-tarbija li ser titwieled.
Liġi imsejsa minn dawn il-valuri għandha tkun liġi li tagħmlilna unur bħala pajjiż. Fid-dawl tal-iżvilupp mgħaġġel dwar it-teknoloġija riproduttiva, il-knisja għandha dmir, bħala stakeholder, li tagħmel ir-riflessjonijiet ċari fuq id-dinjità tal-bniedem, il-familja u l-ġid komuni. Il-valur tal-bniedem u l-ħajja biss għandhom ikunu l-kejl li jaraw dak li huwa aċċettabbli jew le. Id-dokumenti tal-knisja Donum vitae (Ir-Rigal tal-Ħajja) tal-1987 u Dignitas Personae (Id-Dinjità ta’ Kull Persuna) tal-2008 huma in linja ma’ trattati Ewropej u internazzjonali bħal dawk taċ-Charter of Fundamental Rights tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni ta’ Oviedo tal-Kunsill tal-Ewropa.”
Dan semgħu l-Membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali meta ltaqgħu ma’ Rev Professur Emmanuel Agius sabiex jaġġornaw ruħhom fuq l-aħħar tagħlim tal-knisja fuq il-prokreazzjoni assistita, partikolarment id-dokument Dignitas Personae li ħareġ f’Diċembru tal-2008. B’hekk il-Membri setgħu jiddiskutu x’inhuma l-valuri li għandhom jimxu fuqhom. Din il-laqgħa kkumplimentat ix-xogħol kbir li kien sar minn dan l-istess Kumitat fil-leġislatura l-oħra.
Min-naħa l-Membri fehmu kif it-tagħlim tal-knisja f’dan ir-rigward huwa l-istess bħalma diġà jeżistu fi trattati internazzjonali, u min-naħa l-oħra ġie spjegat għalfejn għandha ssir liġi li tirregolarizza dan il-qasam. Rev Prof Agius semma’ kif filosofi liberali bħal John Rawls u Jϋrgen Habermas, li kienu kontra l-knisja li tieħu sehem f’diskussjonijiet fuq public policy, illum dawru l-fehma tagħhom u fehmu r-rwol tal-knisja li tieħu sehem sħiħ fit-tfassil ta’ liġijiet imdawla mill-valuri umani u Kristjani. Huwa spjega kif kull skoperta tista’ tagħmel ġid daqs kemm tagħmel ħsara u rrefera għall-eżempju tal-esperimenti li saru bit-teknoloġija atomika u n-nuqqas ta’ trasparenza u djalogu li wasslu għall-konsegwenzi diżastrużi fuq il-ħajja umana. It-teknoloġija riproduttiva qed twassal għar-realtajiet ġodda bħal esperimentazzjoni bl-embrijoni, tfal b’ħafna ġenituri, iffriżar tal-ħajja umana (embrijoni), taħlita bejn ċelloli tal-annimali u tal-bniedem (hybrids), testijiet ġenetiċi qabel mal-embrijoni jiġu ttrapjantati fil-ġuf tal-omm (PGD), ommijiet li jġorru tarbija għall-ħaddieħor (surrogate mothers) u l-klonazzjoni riproduttiva u terapewtika. Għaldaqstant kollox jindika li l-bniedem qed ikollu aktar setgħa fuq il-ħajja umana, liema setgħa trid tkun regolata minn liġi bbażata fuq il-valuri tal-ħajja.
Barra minn hekk, dawn ir-realtajiet qed iqanqlu numru ta’ mistoqsijiet li kull politiku għandu d-dmir li jkun jaf iwieġeb, b’mod partikolari x’inhuwa l-iskop tat-teknoloġija riproduttiva u l-mezzi li ser iwasslu għal dan l-iskop; xi tfisser il-familja u meta tibda l-ħajja umana. Dawn il-mistoqsijiet kienu katalisti sabiex jiġu mwaqqfa numru ta’ istituzzjonijiet li filosofikament u moralment jixtarru l-etika fit-teknoloġija riproduttiva. Madankollu wieħed irid joqgħod attent mil-liema lenti filosofika dawn l-istituzzjonijiet ikunu qed jibbażaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom.
Għall-kuntrarju li jiġri fil-Ġermanja, fejn id-dinjità tal-bniedem hija mħarsa sa mill-bidu nett u l-esperimentazzjoni fuq embrijoni hija projbita, Rev Prof Agius semma’ pajjiżi oħra utilitaristi u liberali, bħall-Ingilterra, l-Isvezja u l-Belġju, li jiġġustifkaw ir-riċerka fuq l-embrijoni u l-hybrids. Din hija filosofija li tirrifletti s-sentimenti u l-utilità, aktar mid-dinjità tal-bniedem, il-ħajja u l-ġid komuni, fejn l-idejoloġija Anglo-Sassona ta’ the greatest good for the greatest number qed tkun prattikata. Fl-Ewropa nsibu tliet perspettivi: ir-rispett tal-embriju sa mill-bidu nett, l-embriju bħala biċċa materjal bijoloġiku u li r-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem tikber proporzjonalment aktar ma’ l-embriju jikber (gradwaliżmu). Quddiem dawn il-filosofiji Rev Prof Agius isemmi l-esperjenzi tiegħu bħala membru fil-European Group of Ethics u kif il-liġi għandha tassigura l-protezzjoni massima lejn il-ħajja tal-bniedem sa mill-bidu nett. Il-knisja taqbel ma’ din il-filosofija ta’ ħsieb u prattika.
L-iffriżar tal-embrijoni għandha tiġi projbita u rrefera għal dawk il-pajjiżi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ eluf ta’ ħajjiet umani (embrijoni) ffriżati fil-laboratorji bħall-Awstrija, l-Ingilterra (huwa stmat li fi kliniċi ta’ Londra biss, hemm’ il fuq minn 30,000 embrijonu ffriżat) u l-Istati Uniti fejn in-numru huwa inestimabbli. Huwa semma wkoll prattiċi mqanqla mill-kultura tal-mewt bħal meta ġenituri jridu jagħżlu liema embrijoni ffriżati jiġu trapjantati u oħrajn maqtulin, u testijiet ġenetiċi (PGD) li joqtlu embrijoni li jkunu b’diżabilità jew ta’ sess mhux mixtieq mill-ġenituri. Rev Prof Agius qal li l-klonazzjoni riproduttiva hija projbita miċ-Charter of Fundamental Rights tal-Unjoni Ewropea u l-protokoll dwar il-klonazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa. Madanakollu, xi pajjiżi fl-Ewropa jaċċettaw il-klonazzjoni terapewtika li tfisser esperimentazzjoni b’ċelloli staminali. Dan ifisser id-distruzzjoni tal-embrijoni li huwa bniedem, u għalhekk tmur kontra kull dinjità. L-aħħar deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea, mill-European Patent Office ġie rifjutat il-pateting fuq materjal bijoloġiku li ġej minn embrijoni. Fl-Unjoni Ewropea, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kull pajjiż jista’ jilleġisla abbażi tal-filosofija tiegħu. Malta għadha la ffirmat u lanqas irratifikat il-Konvenzjoni ta’ Oviedo u huwa wieħed mill-ftit pajjiżi fl-Ewropa mingħajr regolamentazzjoni f’dan il-qasam.
Rev Prof Agius saħaq li ġustament il-knisja taqbel li koppji miżżewġin li jesperjenzaw l-infertilità (madwar 10% tal-koppji) għandhom kull dritt li jaraw x’qed toffri l-mediċina. Però skont kif tisħaq l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, dawn il-koppji għandhom dritt ikunu jafu x’inhuma l-kawżi tal-infertilità bħal stress, l-ambjent tax-xogħol, l-obeżità, użu ta’ kontraċettivi u prokrastinazzjoni tat-tqala. Il-valur tal-bniedem u l-ħajja biss għandhom ikunu l-kejl li jaraw fejn hu aċċettabbli jew le. Rev Prof Agius qal li sfortunatament huwa ġieli attenda diversi laqgħat fejn in-nies jitkellmu minn dak li jkunu qed iġarrbu mill-qalb u mhux b’moħħhom. Huwa qal ukoll kif għall-kuntrarju li jaħsbu ħafna persuni, żwieġ bla tfal huwa żwieġ tal-istess kwalità bħal dak ta’ bit-tfal. Fis-soċjetà tal-lum jistà jkun hemm pressjoni kbira għall-koppji li ma jistax ikollhom tfal.
Rev Prof Agius qal li jekk jeżisti valur li l-partiti politiċi jaqblu fuqu huwa r-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem u allura kull politiku jrid jaħseb b’moħħu ħalli jħares:
Id-dritt tal-koppja għall-parteċipazzjoni diretta u attiva fit-tnissil tal-ulied. Għandha tingħata informazzjoni sħiħa lill-koppja, inkluż rata ta’ suċċess, perikli fuq is-saħħa, implikazzjonijiet finanzjarji u alternattivi mediċi. L-ebda intervent mediku ma għandu jieħu post l-att li bih il-miżżewgin jesprimu l-imħabba tagħhom lejn xulxin u għandhom dritt li jipparteċipaw b'mod dirett u attiv fil-proċess tat-tnissil tal-ħajja ta' wliedhom.
Ir-rispett lejn id-dinjità u l-integrità tal-ħajja umana. Il-ħajja umana hija rigal li Alla l-Ħallieq irid jafda f'idejn il-bniedem. Il-jedd primarju u fundamentali ta' kull bniedem għall-ħajja għandu jiġi mħares. Għalhekk l-embrijonu, f'ebda stadju tal-iżvilupp tiegħu, m'għandu jitqies bħala biċċa materjal bijoloġiku. L-esperimentazzjoni fuq l-embrijoni għall-iskop ta' riċerka xjentifika, il-qerda tagħhom bl-iskuża li huma żejda jew ma jistgħux jiżviluppaw b'mod normali, kif ukoll l-iffriżar tagħhom, anke meta dan isir bl-intenzjoni li jiġu trapjantati fi żmien qasir, imorru kontra d-dinjità u l-integrità tal-ħajja umana. Għaldaqstant, jekk għandu jkollna liġi, l-anqas numru possibbli ta’ embrijoni għandhom jiġi trapjantati fil-ġuf tal-omm ħalli nevitaw l-iffriżar tal-embrijoni.
Il-ħarsien tal-familja u ż-żwieġ. Kull tarbija għandha titwieled fiż-żwieġ u miż-żwieġ. Il-prokreazzjoni ta' persuna għandha tkun il-frott u riżultat tal-imħabba fiż-żwieġ. Dan huwa ta' ġid kemm għat-tarbija, kif ukoll għas-socjetà in generali. L-indħil ta' persuna barranija bejn il-koppja miżżewġa permezz tal-għotja ta' gameti hija vjolazzjoni tal-għaqda u l-fedeltà taż-żwieg u offiża serja għall-imħabba interpersonali tagħhom.
Il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tat-tarbija li ser titwieled. Mhux kull xewqa għal tarbija hija ġustifikata. Xewqa għal tarbija tistà tkun motivata minn sens ta' egoiżmu li huwa għama għal kollox għall-interessi u l-ġid tat-tarbija. It-tarbija għandha d-dritt li jkollha ambjent xieraq fejn tista' tiżviluppa l-kwalitajiet tagħha psikoloġiċi, fiżiċi, emozzjonali u morali. Għalhekk huwa fl-interess tat-tarbija u tas-soċjetà li tarbija tiġi mnissla, imwielda u mrobbija mill-ġenituri miżżewġa tagħha. Ir-riċerka turi biċ-ċar kif koppja miżżewġa, kemm mill-Istat u anki l-knisja, għandhom aktar ċans joffru l-aħjar ambjent stabbli għat-trobbija tat-tfal minn hekk imsejħa forom oħra ta’ familji bħal persuni li jikkoabitaw jew tal-istess sess.
Hawnhekk, Rev Prof Agius għamel referenza għal diskussjoni bejn il-filosofu u l-politiku Taljan Marcello Pera u l-Papa Benedittu XVI, meta kien għadu Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Il-Papa qal li dawk il-pajjiżi li jkunu jridu jfasslu liġi dwar it-teknoloġija riproduttiva u li ma tirriflettix kompletament it-tagħlim tal-knisja, il-politiċi għandhom jassiguraw liġi li tkun msejsa mill-valuri fundamentali tal-protezzjoni tal-ħajja umana sa mill-bidu nett, l-obbligu tal-ħarsien tal-istituzzjoni tal-familja u l-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal.
Fid-dawl ta’ dawn il-valuri, il-Membri tal-Kumitat qablu li Rev Prof Agius jagħmel evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fir-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali preċedenti u b’attenzjoni partikolari fuq l-iffriżar tal-embrijoni u liema koppja għandha dritt għal prokreazzjoni assistita u liema le. Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kumitat irid jesplora x’possibiltajiet legali jistgħu jeżistu sabiex id-drittijiet ċivili tal-persuni involuti f’koabitazzjoni jiġu regolarizzati. Il-Kumitat irid janalizza kull soluzzjoni li tiddefendi d-dinjità tal-persuni f’relazzjoni ta’ koabitazzjoni u t-tnaqqis tal-isfruttament u l-abbuż.
Il-laqgħa tmexxiet mill-President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali l-Onor Edwin Vassallo u pparteċipaw fid-diskussjoni l-Onor Frederick Azzopardi, l-Onor Justyne Caruana, l-Onor Michael Farrugia, l-Onor Noel Farrugia, l-Onor Michael Gonzi u l-Onor Philip Mifsud. Rev Prof Agius kien assistit minn Rev Dr Ray Zammit.
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984