Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-LAQGĦA INFORMALI TAL-KAPIJIET TA’ GVERN TAL-UNJONI EWROPEA LI SARET NHAR IL-ĦADD, 1 TA’ MARZU 2009

PR0359
Date Icon 03/03/2009

Mr Speaker,

Nixtieq ninforma lil dinil-Kamra bl-eżitu tal-Laqgħa Informali li bħala Kapijiet ta’ Gvern tal-Pajjiżi Membri fl-Unjoni Ewropea kellna nhar il-Ħadd li għadda fi Brussels.
Sabiex wieħed jifhem aħjaril-kuntest ta’ din il-laqgħa, qed inpoġġi fuq il-Mejda ittra li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jose’ Manuel Barroso bagħat fis-26 ta’ Frar li għadda lill-Prim Ministru Ċek Mirek Topolanek, u li ġiet iċċirkolata lill-Prim Ministri u Presidenti fil-Kunsill Ewropew, bħala tħejjija għal din il-laqgħa.
Skond il-President Barroso,il-laqgħa tagħna kellha tiffoka fuq dawn it-tliet punti:

a.              dak li jonqos jsir, fuq livell Ewropew, a favur l-istabilizzazzjoni tal-qasam finanzjarju;

b.             kif ser niżguraw li l-miżuri tal-Pajjiżi Membri individwali ikollhom effett pożittiv fuq l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea;

c.              il-qasam tal-impjiegi

Irrid mill-ewwel nenfasizzali t-temi diskussi u l-kuntest ekonomiku li bħalissa għaddejjin minnu, huma ta’ importanza kbira għalina lkoll f’Malta u Għawdex. It-temi li jmissu mal-qasam finanzjarju, mal-qasam tax-xogħol u mas-suq intern Ewropew jinteressaw lil eluf kbar ta’ postijiet tax-xogħol li għandna f’pajjiżna, speċjalment fil-qasam tal-manifattura b’mod partikolari dik li tmiss l-industrija tal-manifattura tal-karrozzi. Fabbriki importanti f’Malta bħal Methode, Trelleborg, Pamargan u oħrajn jiddependu fuq is-swieq Ewropej u internazzjonali, biex ikomplu jilqgħu għall-isifidi ta’ dan il-mument partikolari.
Dan apparti l-impatt fuqaspetti oħra tant importanti li huma direttament jew indirettament relatati mal-qagħda ekonomika Ewropea, fosthom, is-settur tat-turiżmu li jiddependi ħafna fuq il-qagħda ekonomika tal-pajjiżi Ewropej, fosthom swieq importanti li jmissu l-qalba tat-turiżmu għal pajjiżna.
Bdejna l-laqgħa ta’ nhar il-Ħaddb’diskussjoni dettaljata dwar il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u dwar il-prospetti li l-Ewropa għandha quddiemha, inkluż laqgħat importanti skedati għal ġejjieni qarib fosthom il-laqgħa tal-G20 u l-laqgħa mal-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Barak Obama.
Ilkoll qbilna li l-Ewropa tista'biss taffronta din l-isfida u tegħleb l-kriżi attwali billi nkomplu naġixxu flimkien b'mod ikkoordinat, fil-qafas tas-Suq Wieħed u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea.
Bla dubju, is-saħħa ewlenijatagħna lkoll – is-27 membru ta’ l-Unjoni Ewropea - ġejja primarjament mill-fatt li l-Ewropa għandha suq intern ta’ ‘l fuq minn 500 miljun ruħ. Suq miftuħ, mingħajr ebda restrizzjoni li għalina f’Malta huwa wkoll ingredjent ewlieni li jkompli jsaħħaħ l-importanza tad-deċiżjoni li Malta kienet ħadet ħames snin ilu biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Huwa dan is-suq miftuħ għal prodotti u s-servizzi tagħna li jkompli joffri opportunitajiet għal pajjiżna anke quddiem il-maltemp ekonomiku li d-dinja kollha qiegħda tiffaċċja.
Danjispjega għaliex il-pożizzjoni tal-Gvern Malti tibqa waħda soda favur suq miftuħ u allura kontra kull indikazzjoni ta’ xi miżuri protezzjonisti.
Irrid nagħmilha ċara li f’ebdaħin waqt din il-laqgħa ma saret xi proposta li għandu jkun hemm xi protezzjoniżmu. Anzi, għal kuntrarju, kien hemm dikjarazzjoni ċara u skjetta favur is-saħħa ta’ suq miftuħ ibbażat fuq il-prinċipju li lkoll kemm aħna għandna swieq li jiddependu fuq xulxin u allura huwa l-ftuħ ta’ dawn is-swieq li hija ċ-ċavetta għal kull soluzzjoni li trid tinstab quddiem l-isfidi tallum.
Matul il-laqgħa, wasalnagħall-konklużjoni li l-azzjonijiet tagħna għandhom ikunu indirizzati lejn dawn il-miri:
L-ewwel mira hija li nsaħħul-fiduċja u nippromwovu l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, qbilna li l-ħidma tagħna għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji maqbulin f'Ottubru 2008 sabiex jiġu rrestawrati l-kondizzjonijiet ta' finanzjament fl-ekonomija adatti u effiċjenti. L-iżblukkar tal-kreditu huwa kruċjali għall-effettività tal-istimoli fiskali mwettqin mill-Istati Membri. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn wieħed jista’ jaħseb li dan l-aspett partikolari ma jgħoddx daqstant għal pajjiżna. Iżda dan huwa żball. Indirettament dan l-aspett huwa ta’ importanzi kruċjali għal dawk is-swieq li magħhom pajjiżna jinnegozja. Huwa għalhekk kruċjali għalina f’Malta u għal eluf ta’ ħaddiema Maltin, li l-kreditu fil-pajjiżi Ewropej jerġa’ jaqbad ir-ritmu normali tiegħu biex klienti tal-fabbriki tagħna jkunu jistgħu jiffinanzjaw l-operazzjoni tagħhom.
F’dan l-istess kuntest,iddeċidejna li dawk l-assi bankarji magħrufin bħala “impaired banking assets” għandhom jiġu trattati f'konformità mal-linji gwida pprovduti mill-Kummissjoni fil-25 ta' Frar u f'rispett sħiħ għar-regoli tal-kompetizzjoni.
Għar-rigward tat-titjib dwar kifl-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu regolati u sorveljati, iddiskutejna l-kontribut tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar is-sorveljanza finanzjarja, imsejjaħ il-La Rosiere Report. L-intenzjoni tal-Kummissjoni fl-4 ta' Marzu hija li toħroġ l-pożizzjoni tagħha dwar dan ir-rapport.
F’dan l-istadju – b’riżervali għad irridu nagħmlu analiżi aktar profonda – irrid ngħid li fl-opinjoni tiegħi, dan ir-rapport huwa pass konkret u pożittiv fid-direzzjoni li għandna nieħdu biex dak li jseħħ fil-qasam finanzjarju, speċjalment fl-Amerika u fl-Ewropa, ma jerġax jirrepeti ruħhu fil-ġejjieni.
Huwa maħsub li warali jkollna l-ewwel diskussjoni fil-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Marzu li ġejjin, ser nerġgħu lura għalih fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, wara li jiġi diskuss ukoll fl-ECOFIN.
L-istabbilità makrofinanzjarjaf'kull parti tal-Ewropa għandha tiġi msaħħa abbażi ta’ analiżi mill-Kummissjoni fil-waqt li nżommu ċar ir-rwol importanti tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Għalhekk l-ECOFIN għandu jsegwi s-sitwazzjoni attwali u jiddefinixxi azzjoni konkreta possibbli, każ b'każ, fil-waqt li niżguraw li s-sostenibbiltà long term tal-finanzi pubbliċi tkun f'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
It-tieni mira hija linimpenjaw ruħna sabiex l-ekonomija reali terġa' tirpilja. Kif għedt diġà, dan hu ta’ importanza kruċjali għal eluf ta’ ħaddiema u l-familji tagħhom f’Malta. Is-Suq Wieħed huwa l-magna għar-rilanċ ekonomiku sabiex jibqgħu jitkattru l-impjiegi.  F’dan il-kuntest, iddiskutejna l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Frar dwar is-settur tal-vetturi, inkluż il-koordinazzjoni Ewropea għal skemi għat-tiġdid tal-flotot tal-karozzi. Il-Kummissjoni ġiet inkarigata tanalizza l-miżuri u inizjattivi differenti li qegħdin jittieħdu fid-diversi pajjiżi sabiex tiżgura informazzjoni reċiproka effettiva u malajr dwar miżuri nazzjonali previsti u biex issegwi sewwa azzjonijiet meħuda f'pajjiżi terzi.
Qbilna dwar l-importanza ta'miżuri biex jiġi kkumbattut l-impatt negattiv fuq l-impjiegi. Fil-livell tal-Unjoni Ewropea, għandna diversi għodod, bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.
Ilkoll qbilna li rridu nużawil-potenzjal sħiħ ta’ din l-għodda sabiex jiġi limitat it-telf ta' impjiegi u nkabbru l-ħiliet taċ-ċittadini tagħna sabiex jaħtfu l-opportunitajiet ġodda. Aktar tard f’din ir-Rebbiegħa ser ikollna summit speċjali dwar l-impjiegi sabiex niżviluppaw orjentazzjonijiet u miżuri konkreti biex niffaċċjaw l-isfidi li għandna dwar l-impjiegi.
It-tielet mira hija li naħdmuflimkien, bħala Unjoni Ewropea, fuq il-livell globali.L-isforzi u l-azzjonijiet interni tal-Unjoni Ewropea biex tiġi rrestawrata l-istabbiltà finanzjarja u biex jiġu promossi swieq miftuħa għandhom ikunu riflessi adegwatament fuq il-livell internazzjonali.  Madankollu rridu nżommu f’moħħna s-sitwazzjoni partikolari ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-konklużjoni tad-Doha Development Agenda ikun pass kbir f’dan ir-rigward.
Is-summit ta' Londratal-G-20 huwa importanti għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja tan-negozji, taċ-ċittadini u tas-settur finanzjarju. Għalhekk kien hemm qbil dwar ir-rwol ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-proċess tal-G-20 u l-użu tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa biex titħejja l-pożizzjoni tal-Unjoni  f'dan ir-rigward.

Mr Speaker,

Il-Gvern Malti jaqbel mal-impennimġedded tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Pajjiżi Membri fl-Unjoni Ewropea li nirrispettaw ir-regoli tas-Suq Wieħed u li nevitaw il-protezzjoniżmu.  L-impenn tagħna huwa li niġġieldu l-għawġ ekonomiku li qed naffaċċjaw f’rispett sħiħ għar-regoli Ewropej.  Pajjiżna, bħala ekonomija miftuħa, jista’ biss jiggwadanja minn dan.
Aħna qegħdin insegwu b’modkontinwu u assidwu l-iżviluppi kollha li qed iseħħu madwarna u ġewwa pajjiżna. Fil-qafas tar-regoli, ser nagħmlu dak kollu possibbli sabiex inħarsu l-operaturi ekonomiċi tagħna u li nsalvaw u nkabbru l-impjiegi.
Tajna eżempju ċar ta’ danfil-ġranet li għaddew.

Mr Speaker,

Minkejja l-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, il-mira tal-Gvern għadha l-istess:  aktar xogħol u xogħol aħjar, u dan billi nagħmlu r-riformi kollha neċessarji ħalli pajjiżna jibqa’ kompetittiv fl-oqsma kollha u b’hekk jiġbed l-investiment kemm tal-Maltin kif ukoll tal-barranin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow