STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT
Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jiddiskuti l-Qorti tal-Familja
Il-Membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali ltaqgħu ma’ uffiċjali fil-Qorti tal-Familja sabiex ikollhom l-aħjar għarfien fuq l-operat ta’ din il-Qorti u s-servizzi relatati. Is-Sur Aldo Testone, Direttur tal-Qrati Ċivili u Tribunali, is-Sinj Mary Lourdes Lautier, Deputat Reġistratur u s-Sinj Carmen Borg, Koordinatriċi tal-Medjazzjoni tal-Familja spjegaw kif il-Qorti tal-Familja hija komposta minn tliet imħallfin. Din il-Qorti toffri s-servizzi ta’ żewġ avukati tat-tfal u diversi medjaturi, flimkien ma’ social workers, psikologi u psikjatri, kemm mill-Aġenzija Appoġġ u oħrajn freelance. Esperti oħrajn jinkludu dawk forensiċi, komputisti u periti.
Il-laqgħa tal-bieraħ 4 ta’ Frar 2009, kienet tittratta r-rikorsi ġenerali u r-rikorsi ġuramentati, filwaqt li ser issir laqgħa oħra fuq l-istadju tal-medjazzjoni. Ir-rikorsi ġenerali huma dawk ir-rikorsi urġenti li m’hemmx skop ta’ medjazzjoni u jiġu appuntati għas-smigħ mill-Imħallef. It-tabella ta’ hawn taħt turi stampa ta’ kif dawn ir-rikorsi żdiedu tul dawn l-aħħar snin.
Preżentati | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |
Passaporti | 52 | 52 | 52 | 63 | 95 |
Safar ta’ minuri | 2 | 2 | 4 | 9 | 20 |
Treatment order | 3 | 3 | 3 | 1 | 6 |
Kura u kustodja | 27 | 35 | 34 | 40 | 43 |
Aċċess | 25 | 33 | 15 | 18 | 22 |
Minn naħa l-oħra, ir-rikorsi ġuramentati jsiru meta koppja tkun attendiet għal medjazzjoni iżda ma tkunx laħqet ftehim u tiġi awtorizzata sabiex timxi għal dan l-istadju. It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fiha n-numru ta’ dawn ir-rikorsi tul dawn l-aħħar snin.
Preżentati | 2004 | 2005 | 2006 | 2007 | 2008 |
Passaporti | 52 | 52 | 52 | 63 | 95 |
Safar ta’ minuri | 2 | 2 | 4 | 9 | 20 |
Treatment order | 3 | 3 | 3 | 1 | 6 |
Kura u kustodja | 27 | 35 | 34 | 40 | 43 |
Aċċess | 25 | 33 | 15 | 18 | 22 |
Huwa evidenti ż-żieda fin-numru ta’ rikorsi ġenerali u b’mod partikolari r-rikorsi ġuramentati tul dawn l-aħħar erba’ snin. Dawn qed jitfgħu pressjoni fuq is-sistema u r-riżorsi ta’ dan il-Qorti. Fl-2007 ġew preżentati 2,402 rikors li minnhom 257 kienu b’urġenza, u fl-2008 ir-rikorsi żdiedu għal 2876 li minnhom 320 kienu b’urġenza. F’din il-parti tal-laqgħa, il-Membri tal-Kumitat urew it-tħassib tagħhom kif ċerti ġenituri qed iġibu l-interessi tagħhom qabel l-interessi tat-tfal. Ħafna mir-rikorsi jsiru minħabba l-egoiżmu tal-kbar. Apparti li dawn ir-rikorsi qed jitfgħu pressjoni fuq il-Qorti, ikunu qed itawlu l-proċess, b’detriment għall-interessi tat-tfal.
Il-Kumitat sema’ kif meta jidħlu rikorsi dwar vjolenza domestika jew fl-interess suprem tat-tfal, il-Qorti tieħu azzjoni mal-ewwel. Ikun hemm każijiet fejn l-Imħallef jisma’ lit-tfal fil-preżenza tad-Deputat Reġistratur. Dawn it-tfal jingħataw in-numru tat-telefon tad-Deputat Reġistratur sabiex jekk iħossu l-bżonn li jerġgħu jitkellmu mal-Imħallef, ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma għandhom għalfejn jgħidu l-ġenituri tagħhom. L-għadd ta’ drabi li l-avukati tat-tfal tqabbdu, tela’ minn 23 darba fl-2006 għal 42 darba fl-2008. Filwaqt li ġiet diskussa s-sensibilità li jrid ikollhom l-uffiċjali u esperti tal-Qorti tal-Familja f’dawn l-istadji hekk delikati mat-tfal, ġie diskuss ukoll il-bżonn aktar li t-tfal kollha jiġu assistiti mill-avukati tat-tfal. Dan għal kuntrarju li jiġri issa fejn l-avukat tat-tfal jiġi mqabbad biss skont id-diskrezzjoni tal-Imħallef. Ġie diskuss ukoll l-ambjent fejn isiru dawn l-intervisti mat-tfal.
Il-laqgħa tmexxiet mill-Onor Edwin Vassallo u attendew l-Onor Frederick Azzopardi, l-Onor Justyne Caruana u l-Onor Michael Gonzi. Għal-laqgħa attendiet ukoll il-Kummissarju tat-Tfal is-Sinj Carmen Zammit u Dr Ruth Farrugia.
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984