STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT
Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Affarijiet Soċjali jkompli jiddiskuti l-familja u l-media
Wara l-ewwel laqgħa tal-Kumitat li kienet tittratta l-effetti tal-media fuq il-familja, ħareġ ċar il-bżonn ta’ aktar riċerka lokali fuq is-suġġett.Din il-laqgħa kienet qanqlet interess u wara sejħa pubblika li għamel il-Kumitat diversi kienu dawk ir-riċerkaturi li avviċinaw lill-President tal-Kumitat l-Onor. Edwin Vassallo, sabiex jaqsmu r-riċerka tagħhom mal-Membri tal-Kumitat.
Din il-laqgħa hija parti integrali minn laqgħat li qed isiru regolarment mill-Kumitat fuq il-familja sabiex il-Membri jkollhom l-aħjar għarfien fuq is-suġġett permezz ta’ riċerka li tkun saret fl-Università ta’ Malta. Il-Kumitat sema’ l-ewwel tliet riċerkaturi, is-Sur Gaetano Vella, is-Sur Anson D. Aquilina u s-Sinj Sarah A. Suda. Barra minn hekk, il-Membri stiednu diversi diretturi ta’ djar tal-produzzjoni li jipproduċu programmi għat-televiżjoni lokali. Is-Sur Charles Stroud laqa’ l-istedina tal-Kumitat u pparteċipa f’din il-laqgħa.
Is-Sur Anson D. Aquilina u s-Sinj Sarah A. Suda għamlu r-riċerka tagħhom f’livell ta’ Masters, fuq kif l-adolexxenti jirreaġixxu għall-aħbarijiet li jiġu mxandra fuq it-televixin. ‘Il fuq minn mitt student fi skejjel tal-Istat, knisja u privati ġew magħżula sabiex volontarjament u bil-kunsens neċessarju jipparteċipaw f’dan l-istudju li sar fl-iskejjel tagħhom rispettivi. L-adolexxenti ġew preżentati selezzjoni ta’ aħbarijiet, kemm koroh u kemm sbieħ, sabiex ir-riċerkaturi janalizzaw l-impatt tagħhom fuq it-tfal. Ir-riżultati wrew biċ-ċar li:
- l-adolexxenti jaraw aktar aħbarijiet minn kemm jaħsbu li jaraw il-ġenituri;
- huma selettivi x’jaraw u jagħrfu l-kontenut politiku fl-aħbarijiet;
- l-internet huwa kumplimentari jew alternattiv għall-aħbarijiet fuq it-televixin;
- l-impatt tal-aħbarijiet fuq it-tfal jiddependi mill-preżenza tal-ġenituri fid-dar, li jkunu jistgħu jispjegaw il-mistoqsijiet tat-tfal fuq l-aħbarijiet;
- it-tfal jaraw il-vjolenza fuq l-aħbarijiet bħala xi ħaġa reali u traġika; u
- it-tfal fi skejjel privati u tal-knisja kellhom livell ogħla ta’ media literacy.
Is-Sur Gaetano Vella spjega l-istudju tiegħu, f’livell ta’ Masters fuq il-media literacy u s-sistema edukattiva Maltija. Fid-dawl ta’ objettiv numru 8 tal-Kurrikulum Minimu Nazzjonali, huwa ħejja numru ta’ laqgħat ma stakeholders u esperti fis-suġġett sabiex jistudja kif it-tfal jista’ jkollhom l-aħjar għarfien u ħiliet ta’ kif jinterpretaw u janalizzaw il-media. Filwaqt li nnota li Malta hija minn l-aktar pajjiżi Ewropej avvanzati fit-tagħlim tas-suġġett, ir-riżultati indikaw urġenza sabiex is-suġġett ta’ media literacy ikun organizzat aħjar. Fil-preżent il-media literacy fl-iskejjel tal-Istat huwa mgħallem fis-suġġetti kollha u l-Personal Social Development. Xi kultant, minħabba li l-għalliema jridu jlaħħqu mal-kurrikulum, mhux qed jagħtu kas biżżejjed tas-suġġett. Dan għal kuntrarju li qed isir fl-iskejjel tal-knisja u privati fejn il-media literacy huwa mgħallem għalih waħdu. Mill-kampjun tar-riċerka tas-Sur Aquilina u s-Sinj Suda, it-tfal fi skejjel privati u tal-knisja kellhom livell ogħla ta’ media literacy. L-ex-Kummissarju tat-Tfal is-Sinj Sonya Camilleri kient qalet li dan mhux konformi mal-Konvenzjoni tat-Tfal tal-Ġnus Magħquda, fejn it-tfal iridu jkunu protetti mill-media.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riċerkatur elenka:
- media education wara l-ħin tal-iskola;
- il-bżonn li l-Fakultà tal-Edukazzjoni tħejji kors speċjalizzat fuq il-media għall-għalliema;
- kampanja ta’ għarfien ħalli kulħadd, inkluż u b’mod partikolari, il-ġenituri, ikollu l-ħila jifhem u janalizza l-messaġġi tal-media, kemm dawk reali u oħrajn mhux reali, kemm dawk ħżiena u oħrajn tajbin;
- evalwazzjoni ta’ kif l-għalliema qed jgħallmu s-suġġett fl-iskejjel tal-Istat
Min-naħa l-oħra, is-Sur Charles Stroud qal li hija ħasra kif tant riċerka qed tibqa’ mhux utilizzata, u ssuġerixxa li r-riċerkaturi għandhom jgħaddu r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudji tagħhom lid-djar tal-produzzjoni lokali. Huwa qal fuq kemm qed ikun mgħaġġel l-iżvilupp tal-media u l-impatt fuq is-soċjetà, partikolarment il-mod kif ngħixu u kif nissoċjalizzaw. Is-Sur Stroud saħaq li l-produtturi għandhom ikollhom rispett lejn it-telespettaturi, għaliex il-produtturi huma intruders fid-djar tagħhom. Filwaqt li spjega kif il-flus jiddettaw is-suq tal-produzzjoni lokali fuq it-televixin u dan sabiex huma jkunu finanzjarjament vijabbli, huwa semma’ l-parametri legali li jridu jaħdmu fihom. Eżempju ta’ dawn huma l-età tal-persuna li tista tara l-programm u trid tidher qabel ma jibda l-programm. Is-Sur Stroud qal kif hemm bżonn li nużaw il-media ħalli ngħallmu l-media u n-nies jagħrfu jagħmlu distinzjoni bejn dik li hija realtà u fantasija.
Il-Membri Parlamentari saqsew fuq kif it-televixin jista’ jinfluenza l-familji minħabba programmi li juru l-infedeltà bejn il-koppja bħala xi ħaġa normali. Ir-riċerkaturi qalu li llum tinħass il-konfużjoni fis-soċjetà fuq jekk il-ħajja hijiex bħat-televixin jew it-televixin bħall-ħajja. Il-media internazzjonali daħlet ċertu kulturi li ma jaqblux mal-kultura Maltija. Il-Membri wrew il-preokkupazzjoni tagħhom fuq kif it-televixin qed ipinġi l-infedeltà bejn il-koppja u s-separazzjoni bħala xi ħaġa aċċettabbli, b’detriment għas-saħħa tat-tfal. Is-soċjetà trid tifhem li teżisti differenza bejn dak li hu reali u dak li mhuwiex, u dan għandu jkun permezz ta’ media education olistika u għal kulħadd.
Il-laqgħa tmexxiet mill-Onor Edwin Vassallo President tal-Kumitat u kienu preżenti l-Onor. Frederick Azzopardi, l-Onor. Justyne Caruana, l-Onor. Stephen Spiteri u l-Onor. Joseph Falzon.
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984