Left arrow Go Back

STQARRIJA TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI TAL-PARLAMENT

PR0091
Date Icon 22/01/2009

Il-Kumitat dwar l-Affarjiet Soċjali jiddiskuti n-nuqqas tal-misser, is-separazzjoni u l-effetti fuq it-tfal

“... għal-kuntrarju li jaħsbu ħafna nies, it-tfal li jesperjenzaw is-separazzjoni tal-ġenituri jibqgħu isofru tul ħajjithom u mhux biss dakinhar li ssir is-separazzjoni...”

“...l-ebda terapija ma tista’ ġġib lura l-impatttas-separazzjoni tal-ġenituri fuq it-tfal..”
“...waqt is-separazzjoni fil-Qrati, it-tfal qedjingħataw b’mod naturali lill-omm, anki jekk il-missier ikollu aktar ċans li jieħu ħsieb lit-tfal mill-omm...”
“...sabiex it-tfal jikbru b’saħħithom, għandhombżonn il-preżenza taż-żewġ ġenituri, anki wara s-separazzjoni, imma sfortunatament il-kultura Maltija tassoċja t-tfal mal-omm – dan hu ħażin...”
Hekksema’ l-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali meta l-bieraħ, 21 ta’ Jannar 2009 reġa’ iltaqa’ sabiex jiddiskuti l-familja.  Din id-darba l-Kumitat stieden lil Dr Charlie Azzopardi – Terapista tal-Familja, sabiex jiġi diskuss in-nuqqas tal-missier minħabba s-separazzjoni u l-effetti fuq it-tfal.  Is-separazzjoni hija proċess li tħalli effett ħażin fuq is-saħħa tat-tfal.  Il-ħsara psikoloġika u emottiva tibda minn meta t-tfal jibdew jisimgħu lill-ġenituri jiġġieldu, kemm qabel is-separazzjoni, fis-separazzjoni u wara meta jibda jingħad diskors dispreġġattiv quddiem it-tfal fil-konfront tal-konjuġi l-ieħor.  Meta l-ġenituri jkissru lil xulxin b’dan il-mod, l-impressjoni tat-tfal fuq il-figuri tal-omm u l-missier tiġi mċajpra. Huma ma jibqgħux jemmnu fihom u jkollhom problemi saħansitra sabiex jesprimu l-valuri tal-imħabba u r-rispett. Dan huwa ta’ ħsara kbira fuq is-saħħa fiżika, psikoloġika u emozzjonali tat-tfal, partikolarment meta jaslu okkażjonijiet aktar ‘il quddiem f’ħajjithom fejn il-preżenza tal-ġenituri hija indispensabbli – bħal tieġ.
Għaldaqstant f’separazzjoni huwa importanti lil-aċċess għat-tfal jiġi eżerċitat mill-ġenituri b’mod ugwali, titwarrab ir-rabja, l-għira u l-egoiżmu u jinżamm l-interess tat-tfal bħala prijorità ewlenija.  Il-ġenituri m’għandhomx jieħdu interess biss fuq kif ser tinqasam il-proprjetà u l-assi.  Dr. Azzopardi qal li ma rridux inħallu li l-missier jiġi ġenitur invisibbli, u allura f’separazzjoni jrid jintsab kompromess sabiex il-ħin tal-missier mat-tfal ma jkunx ristrett u limitat.

Il-Membri wrew it-tħassib tagħhom meta Dr. Azzopardi spjega li minn riċerka internazzjonali jista’ jingħad b’mod xjentifiku li n-nuqqas tal-missier fil-familji iwassal għal aktar faqar, tfal li jġibu riżultati ħżiena fl-iskola, problemi ta’ saħħa mentali fit-tfal, abbuż sesswali, rata ta’ teenage pregnancy ogħla, kriminalità u abbuż mid-droga.  L-espert qal lill-Kumitat li t-tifrik tal-familji huwa l-akbar kaġun ta’ problemi fis-soċjetà.  Peress li Malta għad m’għandniex riċerka biżżejjed fuq is-suġġett, minn riċerka li saret fl-Istati Uniti jista’ jingħad li 70% taż-żgħażagħ f’istituzzjonijiet ta’ riforma ġejjin minn familji ta’ ġenitur wieħed; u 72% tal-qattiela u 60% tar-rapists trabbew mingħajr missier.

L-espert staqsa l-Kumitat jekk huwiex abbuż psikoloġiku meta t-tfal jinqabdu fil-morsa tas-separazzjoni bejn iż-żewġ ġenituri.  Huwa staqsa ukoll jekk hux ġustifikabbli li l-uġieħ li jgħaddu minnhom il-ġenituri fis-separazzjoni jissarraf f’abbuż psikoloġiku direttament u indirettament. Fl-opinjoni tat-terapista tal-familja, il-liġi Maltija tas-separazzjoni tagħraf tieħu ħsieb id-diviżjoni tal-assi u proprjetà imma qed tonqos milli tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal, għaliex dawn qed jiġu smati bħala proprjetà tal-ġenituri u mhux bħala bnedmin.

Il-Membri ddiskutew ukoll il-ħin li l-ġenituri kemm miżżewġa u anki separati, għandhom iqattgħu mat-tfal. Evidenti kien il-fatt li ġenituri separati jqattgħu anqas ħin mat-tfal.  F’Malta m’għandniex riċerka li tindika kemm il-ġenituri qed iqattgħu ħin mat-tfal, imma minn riċerka li saret kemm fl-Istati Uniti u anke fl-Ewropa, fid-disgħijnijiet il-ġenituri qattgħu 40% anqas ħin minn kemm kienu jqattgħu fil-ġenerazzjoni ta’ qabilhom.  Is-soċjetà għandha ċertu sterjotipi, bħal per eżempju, l-kritika li l-missier iqatta’ anqas ħin mat-tfal.  L-espert, flimkien mal-Membri tal-Kumitat, qablu li dan huwa żbaljat għaliex is-soċjetà trid tiggarantixxi strutturi li:

  • jissapportjaw il-missirijiet u l-ġenituri kollha;
  • b’xi mod jitnaqqas il-ħin tax-xogħol permess ta’ miżuri family-friendly;
  • aktar inċentivi għal attivitajiet familjari;
  • aktar tagħlim ta’ kif il-ġenituri għandhom irabbu lit-tfal; u
  • sistema edukattiva li ma tagħmilx pressjoni żejda fuq it-tfal u l-ġenituri.          

Madanakollu, ġie rakkomandat ukoll sabiex isir sforz ħalli koppji fi kriżi jew f’separazzjoni jingħataw is-sapport kollu neċessarju ħalli:

  • jifhmu x’inhuma l-konsegwenzi tas-separazzjoni fuq it-tfal;
  • terapija tal-koppja u tal-familja (qabel dik legali) li twassal f’medjazzoni; u
  • aktar għajnuna lill-membri tal-familja bħal nanniet li minħabba s-separazzjoni tat-tfal, jibdew jikkontribwixxu għat-trobbija tan-neputijiet.

Iċ-Chairperson tal-Kumitat, l-Onor Edwin Vassallo, u l-Membri preżenti qablu mal-esperti sabiex isiru numru ta’ mistoqsijiet lill-espert u li t-tweġibiet jingħataw f’kontinwazzjoni ta’ din il-laqgħa.  L-Onor Vassallo faħħar il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ uffiċjali mill-Qorti li wrew interess u b’mod volontarju attendew għal din il-laqgħa.  Dan jipprometti tajjeb sabiex l-uffiċjali tal-Qorti jkollhom l-aħjar għarfien ta’ xi jħossu t-tfal meta l-ġenituri jisseparaw.  L-Onor Vassallo saqsa lil Dr. Azzopardi sabiex f’laqgħa oħra jipprovdi lill-Membri tal-Kumitat fuq x’inhuma l-aħjar prattiċi fl-oqsma tal-edukazzjoni tal-familja.  Fid-dawl ta’ riċerka li kkwota Dr. Azzopardi, fejn qal li lanqas 40 sena terapija ma jistgħu jfejqu l-effetti tad-divorzju fuq it-tfal, l-Onor Vassallo xtaq ikun jaf x’inhuma l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra li introduċew id-divorzju.

L-Onor Justyne Caruana tkellmet fuq l-importanza li l-membri tal-ġudikatura wkoll għandhom ikollhom l-aħjar għarfien fuq l-effetti tas-separazzjoni fuq it-tfal.  L-Onor Caruana saħqet għal aktar professjonisti li jieħdu ħsieb l-interessi tat-tfal fil-Qorti u li jwasslu l-vuċi tagħhom aħjar.  Hija saħqet fuq il-ħtieġa tal-Liġi tat-Tfal li tagħti vuċi u drittijiet lit-tfal kif ukoll li n-numru ta’ avukati tat-tfal jiżdied ħafna iktar mit-tnejn li hemm fil-preżent.  L-Onor Carauna li tipprattika l-professjoni ta’ avukat, iddeskriviet kif qed tinnota aktar nisa li lesti jirrinuċjaw għall-kustodja tat-tfal minħabba karriera u spjegat kif l-istress tat-tfal jista jinbidel f’mard fiżiku.  Hija qalet li dan l-istress jiġi wkoll meta t-tfal ma jkunux iridu jmorru bilfors għand xi ħadd mill-ġenituri u sfurzati jagħmlu affarijiet kontra x-xewqa tagħhom.  L-Onor Caruana rreferiet għall-każijiet ta’ abbuż sesswali mill-missier fuq it-tfal fejn it-tfal bħala defence mechanism jeskludi kompletament il-figura paterna tal-missier minn moħħhom.  Fid-dawl ta’ dawn il-każijiet, hija saqsiet lill-espert jekk in-nuqqas tal-figura paterna jkollhiex l-istess effett fuq it-tfal bħal fil-każ ta’ separazzjoni normali.

L-Onor Frederick Azzopardi saqsa fuq kif jista’ jintsab l-aħjar bilanċ bejn it-trobbija tat-tfal u l-ħinijiet tax-xogħol li qegħdin dejjem jiżdiedu.  Huwa wera x-xewqa li s-soċjetà tkun taf aħjar l-impatt tas-separazzjoni fuq it-tfal u t-trobbija tat-tfal min-nanniet.  Intant, għal-laqgħa kienet preżenti wkoll s-Sinj Carmen Żammit, Kummissarju għat-Tfal, fejn reġgħet spjegat lill-Kumitat kif l-akbar preokkupazzjoni tal-Uffiċċju tagħha huma l-kawżi fil-Qrati li jinvolvu t-tfal.  In-numru ta’ ilmenti ta’ tfal li jkollhom il-ġenituri qed jisseparaw u li tpoġġew għall-attenzjoni tal-Uffiċċju tagħha, huwa kbir.  Il-Kummissarju qablet ma’ Dr. Azzopardi u spjegat kif l-impatt psikoloġiku, emozzjonali u soċjali negattiv tas-separazzjoni fuq it-tfal huwa ta’ tħassib kbir.  It-tfal għandhom jingħataw vuċi fil-Qorti.  Barra minn hekk, ix-xewqat tagħhom għandhom jingħataw l-importanza li tistħoqqilhom, fuq kollox meta jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi u l-ġid preżenti u futuri tagħhom.  Hija saħqet li l-impjieg ta’ żewġ avukati tat-tfal part-time kien pass tajjeb ‘il quddiem, iżda quddiem ir-realtà ta’ numru ta’ separazzjonijiet dejjem jiżdiedu, dan mhux biżżejjed. Is-Sinj Żammit appellat għal introduzzjoni ta’ guardian et litem, fejn ikunu impjegati professjonisti, anki fuq livell volontarju, sabiex jassistu lit-tfal u jkunu kapaċi jinterpretaw ix-xewqat tat-tfal tul il-proċess tas-separazzjoni kollu.    

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow