MESSAĠĠ MILL-PRESIDENT EDDIE FENECH ADAMI GĦALL-MILIED U S-SENA L-ĠDIDA LILL-MALTIN U L-GĦAWDXIN LI JGĦIXU BARRA MINN MALTA (SENA 2008)
PR2059
23/12/2008
| Ħuti Maltin u | Għawdxin li tgħixu barra minn Malta, |
| Huwa pjaċir kbir | għalija li għal darb’oħra, għall-ħames darba bħala President ta’ Malta u l-aħħar darba bħala President ta’ Malta, nindirizzakom meta qed joqorbu l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. |
| Jiena wasalt biex | intemm il-karriera pjuttost twila tiegħi fil-ħajja pubblika u kultant inħares lura u nara Malta minn x’hiex għaddiet tul dawn is-snin. Nistqarr li nħoss li Malta, l-Maltin kollha flimkien, għamilna progress kbir. Il-livell ta’ l-għajxien ta’ pajjiżna huwa llum livell sodisfaċenti li jlaħħaq ma` dak ta’ pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea. Għamilna progress kbir f’dak li għandu x’jaqsam fl-iżvilupp politiku ta’ pajjiżna, żvilupp politiku li jwassalna biex inkunu membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Kienet ħolma għalina l-Maltin li jkollna vuċi fost is-27 pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea u naraw lill-Prim Ministru tagħna jmur jitkellem f’isimna lkoll mhux biss għal ġid tagħna l-Maltin, imma wkoll biex aħna l-Maltin nagħtu sehemna għall-ġid tal-pajjiżi l-oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u lil hinn minna. |
| Sodisfazzjon kbir | ta’ din is-sena kien li rajna lil Malta tintegra ruħha b’mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Qed ngħid b’mod sħiħ, għax diġa konna membri ta’ l-Unjoni Ewropea imma kien jonqosna x’inżidu biex inkunu membri li effettivament nipparteċipaw f’dak kollu li toffri l-Unjoni Ewropea. Qed nirreferi għall-fatt li fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena li wasslet biex tispiċċa, Malta bdilna għall-Ewro – il-munita’ tagħna llum m’għadhiex il-munita tal-Maltin biss imma hija l-munita ta’ ħafna pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. |
| Illum Malta tifforma parti fost dawk il-pajjiżi | li jissejħu tax-Schengen. Ix-Schengen huma grupp ta’ pajjiżi illi fihom il-membri jistgħu jmorru minn pajjiż għall-ieħor mingħajr bżonn ta’ passaporti, mingħajr bżonn li jiġu iċċekkjati meta jaqsmu l-fruntieri. Illum m’aħniex Maltin li għandna ċ-ċittadinanza ta’ Malta biss, imma Maltin li għandna ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea. Iż-żona Schengen tfisser illi min jidħol f’Malta jkun jista’ jmur fil-pajjiżi tax-Schengen fl-Unjoni Ewropea mingħajr ebda kontrolli. Dan huwa żvilupp kbir, żvilupp li jiffaċilita’ l-opportunitajiet għall-Maltin kollha u għal dawk kollha li jiġu f’pajjiżna. |
| Rajna żviluppi | kbar. Rajna u pparteċipajna f’dak li ġara fid-dinja ta’ madwarna. Jiena niftakar b’mod qawwi Diċembru ta’ l-1989 meta l-Presidenti ta’ l-Amerika u ta’ l-Unjoni Sovjetika, Bush u Gorbachev iltaqgħu hawn Malta u difnu, kienu użaw il-kelma, il-gwerra bierda fl-ibħra sħan tal-Mediterran. Rajna d-dinja tinbidel u nistgħu ngħidu aħna konna hemm. Tajna s-sehem tagħna kull fejn stajna. |
| Issa rridu nħarsu ‘l quddiem. Nafu illi | propju fit-tmiem tas-sena 2008 nistgħu ngħid li għaddejin minn burraxxka, mhux aħna l-Maltin, imma aħna l-Maltin ukoll ma’ tant pajjiżi madwar id-dinja kollha. Bdiet l-Istati Uniti ta’ l-Amerika li kellhom kriżi f’dak li jissejħu s-servizzi finanzjarji u dik il-kriżi nfirxet ma’ kullimkien. Intom fl-Awstralja, intom fil-Kanada, aħna wkoll f’miżura inqas hawn Malta, il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, kollha qegħdin inħossu l-effett ta’ din il-kriżi. Għall-grazzja t’Alla, aħna l-Maltin għandna biex nilqgħuha fost l-affarijiet oħra bil-fatt li llum il-munita’ tagħna m’għadiex munita’ dgħajjfa, tagħna biss, imma hija l-Ewro. |
| Inħarsu ‘l | quddiem għax nafu li minkejja dawn id-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi, aħna l-Maltin, mimlijin b’fiduċja f’pajjiżna għax nafu li l-ikbar kontribut li nistgħu nagħtu huwa propju dak li nagħmlu kull wieħed u waħda minna. Aħna nemmnu fil-kapaċitajiet tagħna l-Maltin. Aħna li l-unika riżorsa li għandna huma n-nies tagħna, in-nies li huma kapaċi, in-nies li jaffrontaw il-ġejjieni dejjem. Naħseb li rridu nfittxu r-raġuni għal dan. Ir-raġuni jiena dejjem sibtha fil-valuri li jħaddan il-poplu Malti. Il-poplu Malti għandu valuri li huma essenzjalment valuri nsara - valuri li jagħtu stima lil kull bniedem, lil kull persuna għax hu persuna, għax hu bniedem, għax hu individwu - il-persuna illi għandha din id-dinjita’ għaliex mimlija b’dawn il-valuri li jfissru l-valuri tal-familja, tal-bżulija u ta’ l-onesta’. |
| Għalhekk jiena | nħares ’l quddiem u ngħid iva, id-dinja bħalissa għaddejja minn problemi pero’ aħna fiduċjużi li s-sena d-dieħla tkun sena li għal darb’oħra iġġib risq lill-Poplu Malti kollu, anke lilkom il-Maltin u l-Għawdxin li tgħixu barra minn Malta. |
F’dan iż-żmien ningħaqdu fl-ispirtu tal-Milied. Fil-familji tagħna nħossu dan il-ferħ li jġib it-twelid ta’ Kristu u jiena nawgura lilkom ilkoll Milied hieni mal-familji tagħkom u nawguralkom lkoll ħafna risq u hena għas-sena li ġejja.
Insellmilkom.
Other Press Releases:
PR261985
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...
PR261984