Left arrow Go Back

Diskors tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-okkazzjoni taċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Kommemorazzjoni tas-70 sena mill-kitba tal-Poema “Il-Jien u lil hinn Minnu” minn Dun Karm Psaila

PR1904
Date Icon 04/12/2008
Ir-rabta tal-bniedem mal-ktieb hi qadima ukostanti. Il-ktieb akkompanja lill-bniedem fil-paċi u fil-gwerra, f’kull staġun tal-ħajja. L-istorja tiegħu hi kronaka ta’ bżonn ta’ kollaborazzjoni bejn min jikteb u l-fakulta’ tal-memorja tiegħu.
Jista’ jinsa kull min jiftakar, u allural-memorja kellha dejjem il-ħtieġa li ssib il-mezzi li bihom tistrieħ u timxi ‘l quddiem. Ir-relazzjoni umana mal-kelma hi varjata ħafna, u tvarja fid-dettalji minn żmien għal ieħor, skond il-mezzi. Iżda dik ix-xi ħaġa kostanti li kien hemm dejjem kienet proprju l-kelma, dak is-sinjal meraviljuż li huwa d-dokument awtentiku, dirett, tal-ħsieb. Moħħna jaħseb, u fommna jleħħen, u l-karta vojta timtela’ b’dak kollu li moħħna jkun bena. Ir-rispett tagħna lejn il-lingwa, għalhekk, mhu xejn inqas minn rispett lejn il-bniedem.
Il-kburija tagħna bil-Lingwa Maltija, lingwamill-isbaħ, qadima, li torbotna ma’ parti kbira mid-dinja u mir-reġjun, mhi xejn ħlief rispett lejn ommijietna u missirijietna. Meta nħaddmu l-kelma Maltija, meta nagħtuha l-post li kull stat ċivili, qabel xejn fil-bqija tal-Unjoni Ewropea jagħti lil-lingwa tiegħu, inkunu sempliċiment qegħdin nirrispettaw lil niesna. Ir-rispett tagħna lejn l-Ilsien Malti huwa r-rispett tagħna lejn il-Maltin li ħolquh. Kull lingwa hi poplu. U kull poplu jirrifletti lilu nnifsu fil-kotba tiegħu.
Kiensikwit il-ktieb li salva lill-bniedem mill-perikli tiegħu stess. Ir-reliġjonijiet stess huma mibnijin fuq il-kelma miktuba, il-messaġġ li twassal lill-bniedem biex il-bniedem ikun jista’ jaqrah, jikkonsultah u jiggwida ruħu. Kull ċivilta’ tiftaħar bil-kotba tagħha għaliex fil-kotba tagħha hemm il-maħżen sinjur u mimli tas-sentimenti, tax-xewqat u tal-konklużjonijiet maħsuba matul is-sekli.  Kull biblijoteka, hija ċentru ta’ mhuh li ħasbu, u ta’ qlub li ħassu, u mbagħad ta’ idejn għaqlin li kienu kapaċi jikkoltivaw il-ktieb, jibżgħu għalih, ma jħalluhx jitgħarraq bla bżonn,  jikkatalogawh u jerfgħuh biex jibqa’.  Nixtiequ ninkuraġġixxu lil din il-kultura ta’ għożża lejn il-ktieb bħala ħsieb u bħala oġġett sabiħ.
Ladarba l-ktieb huwa d-dokument fundamentalital-bniedem, il-ktieb m’għandux fruntieri. Huwa wiesa’ daqskemm huma wesgħin l-ispazji tal-interessi, tax-xjenzi u tal-kompetenzi tal-bniedem. Il-letteratura, fis-sens totali u inklusiv tagħha, tfisser kull kitba fuq kull suġġett. Hi l-arti tal-ittri, tal-kliem li bih niftiehmu. U l-ktieb ta’ pajjiż ikun qiegħed jikber u jimmatura aktar, dejjem aktar, skont kemm jirnexxilu jidħol fl-oqsma kollha tal-ħsieb u tal-attivita’ umana.
B’xorti tajba l-ktieb ta’ pajjiżna qiegħedjirnexxilu jimraħ huwa wkoll, bla restrizzjoni, f’setturi ġodda, reċenti, li lill-ktieb tal-pajjiżi l-oħra ilhom li wassluh biex ikun identifikat kollu kemm hu mal-personalita’ sħiħa tal-pajjiż. Jeżistu kotba bil-Malti fuq ħafna suġġetti, dixxiplini, setturi ta’ professjoni, interessi u gosti. Kotba ta’ teoloġija, saġġistika fuq oqsma varji, l-arti viżiva, l-arkitettura, ix-xjenza, il-politika, il-letteratura fil-ġeneri varji tagħha ta’ poeżija, narrattiva, drama, u l-kritika, u mbagħad kotba fuq l-ekonomija, l-isport, l-istorja, il-folklor, il-kċina, l-ambjent fl-aspetti varji tiegħu minn ornitoloġija sa pajsaġġ, l-annimali, il-fjuri, l-awtobijografiji u memorji, dizzjunarji,  grammatika.....  Il-lista li hu magħmul minnha l-ktieb Malti b’xorti tajba qiegħda dejjem titwal. Aktar u aktar Maltin qegħdin iħarsu lejn il-possibbilta’, anzi lejn l-opportunita’ li jipprovdu ktieb bil-Malti fil-qasam tal-kompetenza tagħhom. Flimkien mal-Ingliż dieħel regolarment il-Malti f’oqsma verament ġodda għall-Ilsien Malti, bit-tama li l-ktieb Malti jkompli jitwessa’ sa ma jirnexxilu jsir estensiv għal kollox daqs il-moħħ u l-qalb ta’ Malta.
Bħalpajjiżi oħrajn ninsabu mexjin b’pass sod f’din id-direzzjoni, u l-firxa tassew wiesgħa ta’ suġġetti ta’ kotba li jieħdu sehem fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb hi tassew dokument mill-aqwa ta’ dan. B’dan il-mod, f’din id-direzzjoni, il-ktieb Malti jkompli jkun dejjem aktar ktieb Malti, minħabba li jkopri numru dejjem akbar ta’ kompetenzi u dixxiplini, bħal f’kull pajjiż ieħor. F’din id-direzzjoni, komuni għal kull pajjiż ieħor, jinsab kull futur tal-ktieb Malti, skont kemm ikun preżenti fis-setturi varji tal-ħajja ta’ kuljum.
Insellem lill-kittieba kollha, awturi ta’ kotbata’ setturi differenti, li lkoll jikkomponu l-qawsalla kbira tal-kitba, u nifirħilhom li għoġobhom iqiegħdu l-kompetenza professjonali tagħhom fil-forma sublimi ta’ ktieb. Insellem u nirringrazzja lill-pubblikaturi, lill-istaff tal-biblijoteki pubbliċi, lil dawk kollha li jieħdu ħsieb il-ktieb minn qabel ma jitwieled, u meta jkun twieled u mbagħad telaq jimxi, u mbagħad kompla jgħix, miżmum b’rispett, b’attenzjoni anki fiżika, merfugħ biex qatt u qatt ma jitqatta’, biex ikompli jkun depożitu permanenti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna. Il-ktieb tal-bieraħ u l-ktieb ta’ llum huma wkoll kotba ta’ wliedna u ta’ wlied uliedna. Jalla tikber il-kultura fostna li ma tħalli lil ebda ktieb jitgħarraq, u jintrema jew jinqered, u jalla jikbru fostna aktar biblijoteki, aktar Melitensji. Jalla kull Kunsill Lokali jkollu Librerija tiegħu, għalih, u fuq kollox Melitensja fejn jinħażnu l-ħsieb u l-esperjenza ta’ Malta u b’mod partikolari tad-distrett li jkun. Bi ftit sforz flimkien nistgħu naslu biex kull distrett ikollu librerija li flimkien mal-libreriji distrettwali l-oħrajn jikkonstitwixxu għamla ta’ librerija nazzjonali eqreb lejn kulħadd.
Nifraħ fl-aħħarnett lill-pubbliku kollu lijaqra, u li bil-qari tiegħu jsostni u jappoġġja kull ħidma fid-direzzjoni tal-ktieb. Jalla kull dar Maltija jkollha rokna fid-dar merfugħa għall-kotba, rokna għal-librerija, u jalla din il-librerija tkun siġra li dejjem tikber mal-eta’, mal-esperjenza tal-familja kollha. Librerija f’kull familja, li tibda mis-snin tat-tfulija, din ukoll hi proġett li nistgħu naħdmu aktar għalih. Ħidma favur il-ktieb hi ħidma favur il-benessri ta’ kulħadd..
Dinis-sena jaħbat għeluq is-sebgħin sena minn meta Dun Karm, il-poeta nazzjonali, ippubblika x-xogħol ewlieni tiegħu, il-poema ‘Il-Jien u lil hinn Minnu’. Fiha huwa ta forma sabiħa lill-ansjetajiet li  nħossu aħna lkoll xi darba jew oħra, u għamel hekk billi żewweġ il-ħsieb mal-ambjent naturali li hu tant kien iħobb, imnebbaħ minn dik il-Malta li aħna lkoll irridu naħdmu biex tibqa’ sabiħa, bil-pajsaġġi li mingħajrhom Malta ma hi xejn. Insellem ukoll lil Dun Karm u nittama li l-eżempju morali u kulturali tiegħu jkompli jkun stedina sabiħa għalina lkoll. Mill-1938 sa llum sar tibdil kbir f’kollox, imma l-messaġġ tiegħu jibqa’ għal dejjem.
Hekknixtiequ li jkun il-ktieb Malti fis-setturi varji kollha tiegħu. Nixtiquh li jkun oġġett għażiż li jżejjen lil kull dar Maltija f’kull staġun, u li jgħix fil-kura ta’ kull min jersaq lejh. Pajjiżna diġa’ għandu tradizzjoni mill-aqwa f’dan il-qasam. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa okkażjoni biex niċċelebraw bil-ferħ u b’sodisfazzjon kbir dan kollu.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fost it-tfal

PR261985

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U ...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jippresjedi l-iffirmar ta’ tliet ftehimiet kollettivi għal madwar 1,700 ħaddiem

PR261984

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

More Press Releases Right arrow