IL-MINISTRU CRISTINA TIFTAĦ ĠNIEN F’TAX-XLEJLI, GUDJA
Nhar il-Ħadd 5 ta’ Marzu il-Ministru Dolores Cristina inawgurat ġnien ieħor li sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern Ċentrali u l-Kunsill Lokali tal-post.
Fid-diskors tagħha l-Onor. Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, tkellmet dwar l-investiment li għamel u qed ikompli jagħmel il-Gvern fin-nofs in-nhar ta’ Malta, kemm min-naħa ta’ żvilupp ta’ appartamenti u rinnovar ta’ djar, kif ukoll fit-tisbieħ ta’ l-istess inħawi. Fil-fatt il-ġnien fl-inħawi tax-Xlejli, iddedikat lil Ġlormu Cassar li twieled il-Gudja, huwa mdawwar minn djar li nbnew mill-Gvern. Permezz ta’ dan il-ġnien, il-Gvern reġa nvesta ‘l fuq minn mitt elf lira maltija f’din il-lokalità.
Il-Ministru fakkret li dan l-investiment fil-ġonna huwa wieħed serju li qiegħed jagħmel dan il-Gvern, tant li fl-aħħar sentejn ġew inawgurati tmien ġonna. Dawn il-ġonna kollha jagħmlu parti minn viżjoni wiesgħa li għandu l-Gvern li jinħolqu spazji rikreattivi fil-beraħ, miżmuma kif jixraq. Hawnhekk il-Ministru tkellmet b’mod iebes kontra l-vandaliżmu li xejn ma’ jagħmel ħlief jeqred post tant sabiħ, li sewa ħafna flus, u li fl-aħħar mill-aħħar igawdi minnu iċ-ċittadin. Dawn il-ġonna huma wkoll lok fejn ġenerazzjonijiet differenti, anzjani, adulti, tfal u żgħażagħ, jkunu jistgħu jiltaqgħu u jimirħu flimkien. “Lit-tfal ħalluhom jilgħabu, ħalluhom igawdu mit-tfulija tagħhom,” saħqet il-Ministru. “Għalija m’hawn xejn isbaħ mill-ħoss tat-tfal jithennew, l-arja timtela’ bid-daħk ferrieħi tagħhom”, kompliet il-Ministru Cristina.
Sabiex dawn il-ġonna jitlestew, il-Gvern joffri s-snajja tal-impjegati tiegħu u l-investiment finanzjarju meħtieġ. Matul dawn l-aħħar snin, intefqu viċin is-seba’ mitt elf lira maltija f’dawn il-ġonna tant sbieħ. Il-Kunsill Lokali, mill-banda l-oħra, jgħin lill-Gvern jifhem aħjar il-ħtiġijiet tal-post, għaliex ħadd ma jista’ jagħmel dan aħjar mill-Kunsill u l-Kunsilliera tiegħu.
Il-Ministru Cristina temmet billi rringrazzjat lill-Kunsill tal-Gudja u awgurat li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-amministrazzjonijiet lokali tkompli fi triqitha lejn servizz dejjem aħjar b’riżq in-nies tal-lokalità. Sar ukoll diskors ta’ l-okkażjoni mis-Sindku tal-Gudja, John-Mary Calleja.
Other Press Releases:
PR261953en
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...
PR261953