Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953
Date Icon 18/11/2026

L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara, ippreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, l-Awditu ta’ Prestazzjoni msemmi hawn fuq. Dan ir-Rapport eżamina l-adegwatezza tal-mekkaniżmi stabbiliti mill-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta (MTCA) sabiex tigi żgurata l-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq l-introjtu personali u dik tat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu, kif ukoll sabiex issaħħaħ il-konformità volontarja.

 

It-taxxa fuq id-dħul hija sors qawwi ta’ dħul għall-Gvern, u fl-2025 iġġenerat madwar €3.4 biljun, ekwivalenti għal 51 fil-mija tad-dħul totali mit-taxxi. Fis-sistema Maltija tas-self-assessment, il-kontribwenti huma responsabbli li jiddikjaraw l-introjtu tagħhom b’mod preċiż. Għaldaqstant, il-konformità mar-regoli tat-taxxa hija essenzjali biex jiġi protett id-dħul pubbliku.

 

L-awditu rrikonoxxa li l-MTCA stabbilixxiet direzzjoni ċara permezz tal-Pjan Strateġiku tagħha għall-2023–2025, u qiegħda twettaq programm ambizzjuż ta’ trasformazzjoni li jinkludi riforma organizzattiva, aktar diġitalizzazzjoni, l-użu tal-analiżi tad-data u titjib fl-immaniġġjar għal iżjed konformità mill-kontribwenti. Dawn l-inizjattivi juru impenn ċar biex l-MTCA ssir organizzazzjoni aktar integrata, infurmata u kapaċi tirreaġixxi b’mod effettiv, filwaqt li tipprovdi bażi soda għal titjib kontinwu.

 

Fl-istess waqt, il-verifika identifikat sfidi li ilhom jippersistu u li għadhom jaffettwaw l-effettività tal-operat. Dawn jinkludu xogħol pendenti fir-reġistru tal-kontribwenti u problemi fil-kwalità u l-affidabbiltà tad-data. Is-sottomissjonijiet fil-ħin tad-dikjarazzjonijiet baqgħet taħt il-livelli mistennija fil-qasam internazzjonali, partikolarment fost il-kontribwenti korporattivi. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet pendenti tat-taxxa fuq l-introjtu personali u korporattiv kienu jinkludu każijiet li ilhom miftuha għal aktar minn 25 sena.

 

L-MTCA diġà ħadet passi importanti biex taddotta metodi bbażati fuq ir-riskju. Filwaqt li s-sistemi l-ġodda għadhom qed jimmaturaw, għad hemm lok biex jissaħħu l-għażla u d-dokumentazzjoni relattiva tal-każijiet riferuti għall-awditjar. Opportunitajiet oħra jeżistu wkoll biex jitjieb it-tqassim tar-riżorsi skont ir-riskji eżistenti. Is-sistema tal-penali tista’ wkoll tissaħħaħ, sabiex tilħaq aħjar l-għan tagħha li tħeġġeġ lill-kontribwenti jikkonformaw fil-ħin mal-obbligi tat-taxxa minn jeddhom. Fil-preżent, il-penali jistgħu jsiru dovuti biss wara li jiġu ppreżentati d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa pendenti jew tinħareġ stima tat-taxxa, u dan jista’ jnaqqas l-effett tagħhom bħala deterrent.

 

Din il-verifika nnotat wkoll li l-awditi tat-taxxa mill-MTCA ħolqu opportunitajiet għal dħul addizzjonali. Madankollu, għadd ta’ stimi tat-taxxa sussegwentement ġew riveduti ’l isfel wara li tressqu l-oġġezzjonijiet. Dan juri l-importanza tat-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-kwalità ta’ dawn l-awditi u li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn dawk responsabbli mill-awditi tat-taxxa u dawk li jittrattaw l-oġġezzjonijiet.

 

B’mod ġenerali, l-awditu kkonkluda li l-MTCA għamlet progress sinifikanti biex tkompli timmodernizza l-amministrazzjoni tat-taxxa, tuża aħjar id-data rispettiva u tibbaża l-ħidma tagħha fuq riskji għat-taxxa dovuta. Ir-riformi li għaddejjin jipprovdu bażi soda biex ikomplu jissaħħu l-governanza, l-affidabbiltà tad-data dwar il-kontribwenti, il-preżentazzjoni fil-ħin tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, il-proċessi tal-awditjar u l-kapaċità operattiva. Għaldaqstant l-inizjattivi biex tkompli t-trasformazzjoni fis-sistemi tal-ġbir tat-taxxa mistennija jwasslu għal benefiċċji konkreti u sostenibbli.

 

L-NAO jirrakkomanda li l-MTCA tkompli ssaħħaħ l-ippjanar strateġiku, ir-reġistru tal-kontribwenti, is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, is-sistema tal-penali, l-għażla tal-awditi skont ir-riskju, it-tqassim tar-riżorsi, il-kontroll tal-kwalità u r-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

 

Din il-pubblikazzjoni tista’ tiġi aċċessata mis-sit uffiċjali tal-NAO nao.gov.mt jew mill-paġna tal-Facebook tal-Uffiċċju www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

More Press Releases Right arrow