Left arrow Go Back

IR-RIĊERKA U L-KWALIFIKI FIL-KIMIKA HUMA TA’ IMPORTANZA KBIRA

pr0337
Date Icon 06/03/2006

Id-Dipartiment tal-Kimika tal-Fakulta’ tax-Xjenza ta’ l-Universita’ ta’ Malta qed jorganizza t-Tielet Simpożju Nazzjonali tal-Kimika.  F’dan is-Simpożju numru ta’ lecturers riċerkaturi ppreżentaw riċerka oriġinali dwar diversi aspetti fil-qasam tal-kimika li għandhom impatt anke fuq l-ekonomija u l-industrija.  Is-Simpożju ġie wkoll indirizzat mill-Professur Michael J Chetcuti ta’ l-Universita’ Louis Pasteur ta’ Franza u l-Professur Andrew Alderson ta’ l-Universita’ ta’ Bolton tar-Renju Unit.  Il-Professur Alfred Vella, Dekan tal-Fakulta’ tax-Xjenza, indirizza wkoll is-Simpożju. 

Il-Minstru ta’ l-Edukazzjoni Dr Louis Galea feraħ lill-Professur Alfred Vella, id-Dekan tal-Fakulta’ tax-Xjenza u lil Dr Joseph N Grima tad-Dipartiment tal-Kimika u lil dawk kollha li ħadmu biex jorganizzaw is-Simpożju.  Il-Ministru Galea irringrazzja lill-isponsors ewlenin: l-Universita’, il-Kamra Maltija tax-Xjentisti, l-MCST, ACTAVIS, ARROW PHARM (Malta) Ltd, MEDICHEM (Malta) Ltd, STARPHARMA Ltd. Il-Ministru faħħar il-parteċipazzjoni ta’ l-isponsors li mhux biss jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-publikazzjoni ta’ din ir-riċerka, iżda jassiguraw li r-riċerka tkun ukoll rilevanti għall-industrija. 

Il-Ministru Galea tkellem dwar l-importanza tal-kimika f’oqsma differenti ta’ l-industrija u kif in-nies imħarrġa f’dan il-qasam huma mfittxija ħafna.  Hu tenna li pajjiżna qed jibbenefika minn investiment sostanzjali minn diversi industriji f’dan il-qasam u li dawn joħolqu l-postijiet tax-xogħol.  Il-Ministru qal li f’pajjiżna għal numru ta’ snin kellna diversi kumpaniji partikolarment fil-qasam ta’ l-ikel u x-xorb li kellhom bżonn nies imħarrġa fil-kimika.  F’dawn l-aħħar snin bdiet tiżviluppa l-industrija tal-farmaċewtika tant li fl-aħħar sentejn biss, il-Malta Enterprise approvat disa’ proġetti minn kumpaniji barranin u hu maħsub li dan l-investiment iwassal biex pajjiżna ikun qed jiġġenera bejħ ta’ madwar Lm 200 miljun Ewro sas-sena d-dieħla.  Louis Galea qal li l-Gvern hu impenjat li jsaħħaħ is-sisien għal dan is-settur u jkompli joħloq l-ambjent ekonomiku u soċjali li hemm bżonn biex dan is-settur ikompli jikber. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qal li f’dan l-ambjent ta’ bidla u żvilupp l-edukazzjoni għadha rwol essenzjali.  Il-Gvern qed jinvesti fl-edukazzjoni fid-diversi saffi biex l-industriji jaraw lil Malta bħala pajjiż b’riżorsi umani mill-aqwa u li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom.  Louis Galea qal li d-dipartiment tal-kimika fl-Università ta’ Malta hu b’saħħtu ħafna tant li jitqabbel sew ma dawk f’universitajiet akbar madwar id-dinja.  Minbarra l-fama tajba li jgawdi dan id-dipartiment, l-istudenti li qed imorru fuq skambji ta’ l-Erasmus huma ambaxxaturi tajba għad-dipartiment u l-università imma wkoll għal Malta bħala pajjiż fejn wieħed isib nies ta’ l-ogħla kwalità.  Dan qed iwassal ukoll biex l-istudenti Maltin jgawdu minn scholarsips biex ikomplu bl-istudji tagħhom.  Minn din is-sena d-dipartiment tal-kimika beda joffri kors ’post-graduate’ fil-kimika applikata u dan b’investiment ta’ Lm 80,000. 

“Ir-riċerka u l-iżvilupp huma essenzjali għal dan il-qasam u għalhekk hu bi pjaċir li wieħed jinnota ir-riċerka li qed issir minn studenti u l-istaff akkademiku.  Hu ta’ sodisfazzjoni ukoll li permezz tal-programmi ta’ l-UE (FP6), wieħed ta madwar € 3m u ieħor ta’ madwar € 66,000, l-Università u d-Dipartiment tal-Kimika qed iwettqu proġetti ta’ fejda f’dan il-qasam.  Id-dipartiment qed jingħata wkoll fondi mill-Gvern permezz tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija li alloka mal-Lm 28,000 li parti kbira minnu marru għal apparat modern li diġa’ beda jintuża mill-istudenti  u riċerkaturi Maltin.     

Il-Ministru Galea temm jgħid li l-Gvern wera li hu impenjat li jsaħħaħ is-settur tar-riċerka u l-iżvilupp u dan se jkompli jagħmlu fil-futur.  Hu qal li l-investiment li jagħmel il-Gvern f’dan il-qasam hu wieħed li jagħti l-frott tant li diġa’ bdejna naħsdu l-frott tad-deċiżjoni tal-Gvern li jalloka eluf ta’ liri f’fond għar-riċerka u żvilupp teknoloġiku u għall-innovazzjoni (RTDI).

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953en

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE Performance Audit: Verifying In...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA  Performance Audit: Verifying Income Tax Returns

PR261953

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Performance Audit: Verifyi...

More Press Releases Right arrow