Left arrow Go Back

KAMPANJA TA’ TINDIF TAL-BAJJIET F’GĦAWDEX

PR1123
Date Icon 06/07/2004

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ministeru għal Għawdex nieda kampanja ta’ tindif ta’ qiegħ il-baħar fil-bajjiet prinċipali f’Għawdex u Kemmuna għal matul is-sajf.  

Wara s-suċċess li kisbet il-kampanja s-sena l-oħra, il-Ministeru għal Għawdex iddeċieda li din is-sena jtawwal il-kampanja minn dik preċedenti biex b’hekk tkun tista’ tkopri wkoll aktar bajjiet. Fil-fatt, ħdax-il bajja f’Għawdex u Kemmuna ser ikunu mnaddfa regolarment minn skart li jintefa’ fil-baħar tal-inħawi.  

Waqt l-inawgurazzjoni tal-kampanja li saret fil-bajja ta’ Marsalforn, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono qalet li l-baħar huwa l-aktar riżorsa mfittxija kemm mit-turisti kif ukoll min-nies tal-lokal fix-xhur tas-sajf, u l-Ministeru huwa impenjat li jżomm dawn il-bajjiet fl-aħjar kundizzjoni possibbli. Fil-fatt, regolarment matul is-sena iżda b’mod partikolari fis-sajf, ħaddiema ta’ sezzjonijiet differenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex iwettqu xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fil-bajjiet. Din il-kampanja wkoll tikkumplimenta t-tindif tax-xtut li jsir regolarment.  

Il-Ministru qalet li l-esperjenza tas-sena l-oħra kienet waħda pożittiva għaliex minbarra li ġie mnaddaf qiegħ il-baħar fl-aktar bajjiet popolari t’Għawdex, għenet biex tinħoloq kuxjenza dwar il-ħtieġa li kulħadd jagħmel l-almu tiegħu biex il-bajjet li rridu ngawdu aħna u dawk li jżuruna jkunu fl-aħjar kundizzjoni possibbli.  

Il-bajjiet inklużi f’din il-kampanja din is-sena jinkludu x-Xlendi, Marsalforn, ix-Xwejni, il-Qbajjar, ir-Ramla, Daħlet Qorrot, Ħondoq ir-Rummien, il-Qawra fid-Dwejra kif ukoll il-bajjiet tal-Blue Lagoon u ta’ Santa Marija f’Kemmuna.

Il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex qiegħed jipprovdi l-assistenza finanzjarja sabiex il-kampanja tkun immexxija minn żewġ organizzazzjonijiet mhux governattivi li huma attivi ħafna f’Għawdex, il-Victoria Scout Group u l-Fergħa ta’ Għawdex tas-Soċjeta’ tas-Salib l-Aħmar. Hija rringrazzjat lil dawn iż-żewġ għaqdiet li ser ikunu qiegħdin iwettqu xogħol għall-benefiċċju ta’ l-Għawdxin, Maltin u t-turisti li jkunu fostna matul dawn ix-xhur.  

Il-Ministru qalet li l-għan prinċipali ta’ din il-kampanja, minbarra li nnaddfu il-bajjiet huwa li noħolqu kuxjenza fil-poplu biex ma jħammiġx dawn il-postijiet u b’hekk ikun jista’ jgawdihom kulħadd. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Żjara fuq il-lant ta’ proġett ta’ 55 unit residenzjali ġdid f’Ħaż-Żebbuġ għal familji vulnerabbli

PR261940

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Żjara fuq il-la...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tielet darba bil-produzzjoni ‘What’s Missing’ għall-istudenti

PR261939

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX ŻiguŻajg jirritorna Għawdex għat-tie...

More Press Releases Right arrow